IĊ-ĊENTRU NAZZJONALI TAT-TRASFUŻJONI TAD-DEMM SE JKUN PUNT TA’ RIFERENZA
“Hekk kif iċ-Ċentru tal-Onkoloġija se jkun punt ta’ referenza, hekk ukoll huwa l-pjan li l-Ministeru għas-Saħħa japplika għal fond Ewropew biex ikollu Ċentru Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm tal-għola livell”.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia meta inawgura esebizzjoni dwar l-għoti tad-demm li qed tittella’ mid-Dipartiment tad-Dwana flimkien maċ-Ċentru Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-demm, bħala parti mill-attivitajiet li għandhom iwasslu għal Jum id-Dwana.
Il-Ministru Farrugia qal li għaċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-Demm hemm skop għal ħafna aktar servizzi. Ħabbar li bl-għajuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u wkoll bil-ħiliet tal-health care professionals, iċ-ċentru għandu jkollu set up tajba biex joffri ħafna aktar.
Fost dawn, il-Ministru Farrugia semma’ l-immunohaematological services, stem cell u t-tissue and cell transplants. Huwa l-pjan tal-Gvern biex ikun hemm taħriġ tar-riżors uman, speċjaliżazzjoni ta’ health care professionals u binja li tilħaq standards Ewropej biex jintlaħaq dan il-għan.
Huwa qal ukoll li din is-sena saret nefqa kapitali biex iċ-Ċentru Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm iżomm standards meħtieġa ta’ liċenzjar.
Il-Ministru Farrugia faħħar is-sens ċiviku qawwi tal-impjegati tad-dwana li se jaqsmu parti minn saħħithom biex jgħinu lil dawk vulnerabbli. Huwa qal li dan huwa wieħed mill-aktar rigali sbieħ li qatt jista’ jingħata.
Dr. Joseph P. Brincat, id-Direttur tad-Dwana, min-naħa tiegħu qal li apparti mill-esebizzjoni se jkun hemm ukoll attività ta’ donazzjoni ta’ demm minn numru sabiħ ta’ 70 impjegat tad-dwana. Huwa qal li d-Dipartiment jagħti appoġġ qawwi għal inizjattivi altruistiċi bħal dawn.
Dr. Alex Aquilina, Direttur taċ-Ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm enfasizza li d-demm ma jinxtarax, għalhekk il-ħażna tad-demm hija dejjem marbuta mal-ġenerożità tal-poplu. Huwa spjega li d-demm mogħti mis-sebgħin donatur ifisser li 30 persuna se jgħixu ħajja aktar normali.
L-esebizzjoni hija miftuħa fil-bini amministrattiv tad-Dwana l-antika u se tibqa’ miftuħa kuljum (mis-7:30am sas-1:00 pm) sa nhar il-Ġimgħa.
Uħud mit-temi esibiti huma; l-proċess tal-għoti tad-demm; il-prodotti maħruġa l-prodotti minnu; l-proċess tal-iscreening; l-istorja tal-għoti tad-demm f’Malta u wkoll statistika ġeografika dwar l-għoti tad-demm.
L-Erbgħa 25 ta’ Settembru, mit-8:30am sas-1:00pm se ssir sessjoni ta’ għoti ta’ demm fil-Mobile Blood Donation Unit li se jkun quddiem il-bini Amministrattiv tad-Dwana, x-Xatt tal-Belt (faċċata tal-mina tal-lift il-ġdid tal-Belt).
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032