DJALOGU TA’ FEJDA BEJN IS-SENAT FRANĊIŻ U L-PARLAMENT MALTI
“Ir-rabtiet politiċi u ekonomiċi tajbin ta’ bejn Malta u Franza jistgħu jkunu aktar effettivi meta jissaħħaħ id-djalogu interparlamentari bejniethom.” Hekk ikkummenta l-iSpeaker Malti Anġlu Farrugia meta dalgħodu ltaqa’ mas-Senaturi Franċiżi Philippe Darniche, mir-reġjun ta’ La Vendée, u ma’ Charles Revet mir-reġjun ta’ La Seine-Maritime, li huma l-President u membru rispettivament tal-Grupp ta’ Ħbiberija Interparlamentari minn naħa tas-Senat bejn Franza u Malta. Is-Senaturi, akkumpanjati mis-Segretarja Eżekuttiva tal-Grupp Béatrice Geraudel, jinsabu fuq żjara ta’ ftit jiem f’Malta bħala l-mistiedna tal-Membri Parlamentari Maltin li jiffurmaw parti mill-Grupp ta’ Ħbiberija ma’ Franza.
Fil-laqgħa, li għaliha kienet ukoll preżenti l-Onorevoli Justyne Caruana li tmexxi l-parlamentari Maltin f’dan il-Grupp, l-iSpeaker semma’ kif ir-rabtiet storiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, li jmorru lura sekli sħaħ, issarrfu f’dik li huwa sejjaħ affett reċiproku. Bosta Franċiżi, matul iż-żmien, ħallew l-impronti tagħhom f’Malta, kif għamlu l-ħafna Maltin li ngħataw passport Franċiż fl-imgħoddi wara r-rivoluzzjoni fl-Alġerija u t-Tuneżija meta ġew miċħuda passaport Ingliż fiż-żmien li Malta kienet għadha kolonja Ingliża, u spiċċaw marru joqgħodu fi Franza. Bħala eżempji, huwa semma’ lill-President attwali tal-Assemblea Nazzjonali ġo Franza, Claude Bartolone, li għandu ommu Maltija, u lill-ex-ministru tal-Agrikoltura Edgard Pisani taħt il-President Franċiż Charles de Gaulle li kien ukoll ta’ nisel Malti.
L-iSpeaker Anġlu Farrugia tenna li, filwaqt li Franza għandha interess speċjali fil-Mediterran, l-istess bħalma għandha Malta, il-kontribut li jistgħu jagħtu ż-żewġ pajjiżi għall-Ewropa akbar ta’ għada żgur ikun mirqum aktar meta huma jaħdmu flimkien u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fil-fora reġjonali. Din il-koperazzjoni, meta tkun xprunata minn kuntatti u affjatament mill-qrib bejn il-parlamentari Maltin u Franċiżi, imbgħad se tirriżulta f’effett pożittiv ukoll fuq ir-relazzjonijiet l-oħra bejn iż-żewġ pajjiżi, temm jgħid l-Onorevoli Anġlu Farrugia.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032