€8 MILJUN FONDI EWROPEJ SER JIĠU ALLOKATI FUQ PROĠETTI LI MISTENIJA JIĠĠENERAW XOGĦOL TA’ KWALITA`
€8 miljun mill- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ser ikunu allokati għal żewġ proġetti ġodda li mistenija jiiġġeneraw impjiegi ta’ kwalita`. Dan tħabbar illum mis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej, Dr. Ian Borg, waqt konferenza stampa li nżammet quddiem il-Park tal-Avjazzjoni ġewwa Ħal Safi.
Dr. Borg qal li 3.6 miljun Ewro ser ikunu użati għall-iżvilupp tal-Park tal-Avjazzjoni ġewwa Ħal Safi. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li tiġi mtejba l-infrastruttura bażika ta’ dan is-sit jiġifieri, il-passaġġ li jgħaqad ir-runway mal-ħangar u l-erja fejn jigu ipparkjati l-ajruplani. B’dan il-proġett, tlett ħangars ġodda ser jiġu mibnija biex jinħoloq spazju li jkun jista’ jiġi mikri ħalli jipprovdi il-faċilitajiet għal manutenzjoni, tranġar u tibdil ta’ ġettijiet żgħar.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-proġett meta jitlesta ħa jassigura li Malta jkollha l-infrastruttura bażika ħalli tkun f’pożizzjoni li tkompli tikkapitalizza mill-potenzjal tas-settur tal-avjazzjoni. B’hekk 8 impjiegi ġodda ta’ valur miżjud ser jkunu iġġenerati b’dan il-proġett sal-2015, bil-possibilta li in-numru tagħhom jiżdied għal 24 sa sena 2019.
Fil-każ ta’ tieni proġett, ser ikun qiegħed jinbena hub diġitali ġewwa l-Life Science Park, San Ġwann. Dan ħa jassorbi 4.4 miljun ewro u ser ikun iddisinjat u żviluppat sabiex jgħin fl-iżvilupp ta’ azzjonijiet sinkronizzati u kollettivi għall-intrapriżi li ġejjien mis-settur tal-kreattivita, kif ukoll biex jiġi kreat l-ambjent u l-istruttura neċċessarja għat-taħriġ u l-moniteraġġ tal-istess intrapriżi.
B’dan il-proġett wkoll ħa jkun qed isir studju biex jiġi iddeterminat l-potenzjal ekonomiku ta’ secondary data cable bejn Malta u Għawdex. F’dan l-istudju ħa tkun evalwata il-vijabilta ta’ dan il-kejbel mil-lat tekniku, finanzjarju u ekonomiku. B’hekk b’dan l-istudju wieħed ikun jista’ jiddetermina jekk fil-futur jkunx hemm il-possibilta li xi darba ġo Għawdex jkun żviluppat cluster kreattiv ukoll.
Dr. Borg qal li dan il-hub diġitali huwa mistenni li jiġġenera madwar 60 impjieg ġdid sal-2015, bil-possibilta li in-numru tagħhom jiżdied għal 120 meta dan il-proġett ikun qiegħed jopera fil-kappaċitajiet sħaħ tiegħu.
Waqt din il-konferenza stampa Dr. Borg ta’ dettalji ġodda dwar l-andament fl-implimentazzjoni ta’ proġetti iffinanzjati minn Fondi Ewropej. Huwa qal li “Sal-lum il-ġurnata Malta ikkomettit 95% mill-Fondi Strutturali u aħna mpenjati li sal-aħħar ta’ din is-sena dawn jiġu kommessi kollha.”
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032