Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JŻUR XOGĦLIJIET TA’ RESTAWR FIL-ĦABS MILITARI L-ANTIK F’KORDIN

pr2021
Date Icon 23/09/2013

Attrazzjoni oħra turistika fi ftit tax-xhur oħra

Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella żar xogħlijiet ta’ restawr li bħalissa għaddejjin fil-ħabs militari l-antik li jinsab f’Kordin u li jmur lura għall-1866. Il-programm ta’ restawr fuq dan il-bini storiku sar possibli wara li l-Assoċjazzjoni Sportiva Hiberians irnexxiela takkwista fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ERDF dwar Sustainable Tourism Projects by Enterprises.

Akkumpanjat mill-President u mill-General Manager tal-Assoċjazzjoni Sportiva Hiberians, il-Ministru Karmenu Vella ddawwar mas-sit, inkluż mad-dawra ta’ barra tal-ħabs militari fejn seta’ josserva l-fażijiet differenti tal-proġett li nbeda mat-tmien ġimgħat ilu u li mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. F’din il-fażi qed isir xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati ta’ dan is-sit, bix-xogħol kollu jsir minn ħaddiema Maltin.

Dan il-ħabs militari jkopri medda ta’ 30,000 metru kwadru b’żewġt ibtieħi b’ħitan għoljin u bi spazji għal rikreazzjoni li kienu jintużaw mill-priġunieri. Fuq ġewwa tispikka l-parti ċentrali li kienet tinkludi l-kwartieri tal-gvernatur u tal-gwardjani, kċina u żewġ kappelli, waħda għall-protestanti u l-oħra, ferm iżgħar, għall-kattoliċi. B’kollox dan il-ħabs militari kellu 180 ċella.

Il-ħabs li kien jintuża mis-servizzi Ingliżi ra l-bidu tiegħu bħala ħabs navali, sakemm eventwalment inbidel għal wieħed militari. Kien f’Ġunju tal-1966, eżattament mitt sena wara l-ftuħ tiegħu, meta l-aħħar priġunieri Ingliżi kienu ġew trasferiti lejn ħabs militari fin-nofsinhar tal-Ingilterra u dak ta’ Kordin eventwalment spiċċa ngħalaq.

Huwa stmat li s’issa diġà ntefqu mal-€400,000 fuq dan is-sit filwaqt li b’kollox il-proġett mistenni jiġi jiswa mas-€600,000. Il-fażi li jmiss se tikkonsisti fi tqegħid ta’ manekini u ta’ għamara li jkomplu jattrezzaw dan il-ħabs biex b’hekk ikun jista’ jservi ta’ attrazzjoni ġdida mhux biss għall-poplu Malti iżda wkoll għat-turisti.

Dan il-ħabs militari mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu għal pubbliku għall-ħabta ta’ Marzu 2014.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

More Press Releases Right arrow