Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU CHRIS CARDONA JNIEDI L-PREMJU ĠIEĦ L-ARTIĠĠJANAT MALTI 2013

pr2017
Date Icon 23/09/2013

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona, nieda r-raba’ edizzjoni tal-Premju Gieħ l-Artiġġjanat Malti 2013. Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern jikkonsidra l-qasam tal-artiġġjanat bħala kontributur għall-ekonomija ta’ pajjiżna, kif ukoll bħala wirt ħaj tal-kultura u l-ħiliet tagħna l-Maltin.

“Għalhekk il-Gvern huwa kommess li fi żmien li ġej iniedi proġetti u inizjattivi li jgħinu fl-għarfien u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali u snajja’ Maltin biex dawn mhux biss ma jintilfux iżda ngħadduhom bħala wirt lill-ġenerazzjonijieet ta’ warajna. Flimkien ma’ dawn il-proġetti se nkunu qed naraw ukoll li jinħolqu inċentivi ġodda li jgħinu fil-marketing, anke barra minn Malta, tal-artiġġjanat Malti.”

Il-Minstru Chris Cardona qal li l-potenzjal li għandha Malta f’dan is-settur huwa rifless anke fl-ammont ta’ interess qawwi li tiġġenera din il-kompetizzjoni. Il-Premju Ġieħ l-Artiġġjanat Malti din is-sena se jkollu fond ta’ premjijiet ta’ €85,000. Huwa qal li f’tentattiv li jitjieb il-konkors, qabel l-edizzjoni ta’ din is-sena sar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-artiġġjani kollha li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Artiġġjanat, li jammontaw għal madwar 1200, fejn dawn kienu mitluba jesprimu l-opinjoni tagħhom u jagħtu kummenti jew suġġerimenti fuq diversi aspetti tal-kompetizzjoni. Uħud mins-suġġerimenti li rċevejna ġew milqugħa u se jkunu applikati fil-proċedura li ser tinżamm biex issir il-kompetizzjoni ta’ din is-sena.

Dr. Chris Cardona irringrazzja lid-dipartiment tal-kummerċ u lill-Artiġġjani Maltin li bil-ħiliet u d-dedikazzjoni tagħhom qed iżommu l-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.

Dettalji tal-Premju Ġieħ l-Artiġġjanat Malti 2013

Edizzjoni 2013 – Kategoriji

• Ser ikun hemm tlett (3) kategoriji:

o Kategorija 1: Prodotti Artiġġjanali li għandha fond ta’ €60,000

o Kategorija 2: Inizjattivi favur l-artiġġjanat li għandha fond ta’ €15,000

o Kategorija 3: Inklużjoni u Integrazzjoni bl’artiġġjanat li għandha fond ta’ €10,000

Kategorija 1 (Prodotti Artiġġjanali) ser tirrikonoxxi l-Innovazzjoni u l-kreattività u ser jiġu ippremjati kif jidher hawn taħt:

o L-aktar prodott innovattiv minn artiġġjan li ilu stabbilit 5 snin jew inqas.

o L-aktar prodott innovattiv li juża’ proċessi u materjali sostenibbli

o L-aktar prodott innovattiv ta’ artiġġjanat tradizzjonali

o L-aktar prodott innovattiv ta’ artiġġjanat kontemporanju

o L-aktar prodott innovattiv minn grupp ta’ artiġġjana

Fl-ewwel parti tas-selezzjoni, isir shortlisting ta’ 15-il-prodott mill-Kumitat ta’ Selezzjoni. Imbagħad fit-tieni u l-aħħar parti tas-selezzjoni, minn dawn il-ħmistax jintgħażlu l-ħames prodotti rebbieħa bl-għaxra l-oħra jkunu iddikjarati finalisti.

Kull wieħed minn dawn il-ħames rebbieħa jingħata €10,000 u trofew. Dan il-premju ta’ flus ser jingħata f’żewġ pagamenti separati: 50% (ekwivalenti għal €5,000) jingħataw waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet (id-data titħabbar aktar tard iżda probabbli jkun Jannar jew Frar tas-sena d-dieħla 2014). Il-50% l-oħra (ekwivalenti għal €5,000) jingħataw jekk id-Dipartiment tal-Kummerċ ikun sodisfatt illi, fis-sitt xhur li jiġu immedjatament wara l-għoti tal-premjijiet, ir-rebbieħ ikun kompla jinvesti biex itejjeb l-attività artiġjanali tiegħu (eż. investiment fil-marketing, riċerka, taħriġ, informazzjoni teknoloġika, titjib jew irranġar strutturali eċċ.). L-għaxar finalisti jingħataw premju ta’ flus ta’ €1,000 (elf ewro) u trofew kull wieħed. Dan il-premju jingħata mingħajr ebda kundizzjoni marbuta miegħu.

Kategorija 2 ser tkun miftuħa għal inizjattivi li b’xi mod jew ieħor ikunu eċċellaw jew fit-tagħlim, jew fir-riċerka, jew fil-promozzjoni jew fil-bejgħ ta’ artiġġjanat Malti. Din il-kategorija ser tkun miftuħa għal individwi, istituzzjonijiet jew negozji li jkunu ħadu xi inizjattiva kif imsemmi aktar qabel. Ser ikun hemm rebbieħ wieħed f’din il-kategorija u dan ser jingħata premju ta’ €10,000 u trofew. Ser ikun hemm ukoll finalista li ser jingħata premju ta’ €5,000 u trofew.

Bħal fil-każ tal-ewwel kategorija, il-premju ta’ €10,000 ser jingħata f’żewġ pagamenti separati: 50% (ekwivalenti għal €5,000) jingħata waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet. Il-50% l-oħra (ekwivalenti għal €5,000) jingħataw jekk id-Dipartiment tal-Kummerċ ikun sodisfatt illi, fis-sitt xhur li jiġu immedjatament wara l-għoti tal-premjijiet, ir-rebbieħ ikun kompla jinvesti biex itejjeb l-attività artiġġjanali tiegħu (eż. investiment fil-marketing, riċerka, taħriġ, informazzjoni teknoloġika, titjib jew irranġar strutturali eċċ.).

Kategorija 3 ser tirrikonoxxi lil dawk l-entitajiet li permezz tax-xogħol ta’ artiġġjanat jgħinu biex isaħħu l-inklużjoni u l-integrazzjoni.

• F’din il-kategorija jintagħżlu massimu ta’ żewġ (2) entitajiet li kull waħda tingħata €5,000 u trofew.

Applikazzjonijiet

Formoli ta’ applikazzjoni jistgħu jitniżżlu mill-webiste maltacrafts@gov.mt  jew jinġabru mid-Dipartiment tal-Kummerċ, Lascaris, Valletta.

Applikazzjonijiet iridu jaslu d-Dipartiment tal-Kummerċ sal-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru f’nofsinhar.

Għal Aktar Dettalji

Għal aktar informazzjoni wieħed huwa mitlub iċempel lid-Dipartiment tal-Kummerċ fuq in-numri tat-telephone 25690310 jew 25690208 jew jibgħat email fuq maltacrafts@gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

Aktar Stqarrijiet Right arrow