IS-SENA EWROPEA TAĊ-ĊITTADINI 2013
‘Ilkoll Ewropej, Ilkoll Konsumaturi’
Id-drittijiet tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (UE) kienu fil-lenti ta’ dibattitu ieħor taċ-ċittadini organizzat ilbieraħ filgħaxija mill-MEUSAC f’Wied il-Għajn. Bit-tema, ‘Ilkoll Ewropej, Ilkoll Konsumaturi’, il-parteċipanti f’dan id-dibattitu kellhom l-opportunità jisimgħu fid-dettall kif permezz tad-direttivi tagħha, l-UE tħares liċ-ċittadini bi drittijiet u standards għal prodotti iktar sikuri biex iserrħu moħħhom li jakkwistaw il-prodotti li jagħżlu li jixtru.
Il-kelliema: Dott. Irene Bonello, Avukat fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, u l-Inġ. Michael Cassar, Kap tad-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq, mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, spjegaw b’mod li jinftiehem x’tgħid id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi li se tiġi applikata fl-Istati Membri kollha tal-UE sa Ġunju 2014 u wkoll dwar kif il-konsumturi jagħrfu prodotti sikuri minn dawk li huma ta’ riskju għas-saħħa.
Dott. Bonello spjegat kif id-Direttiva dwar il-Ħarsien tal-Konsumaturi tibni fuq direttivi oħra qabilha u ssaħħaħ id-drittijiet fejn jidħlu fost l-oħrajn: it-tneħħija tal-ispejjeż moħbija fuq l-internet; il-projbizzjoni tal-kaxxi mmarkati minn qabel fis-siti elettroniċi; perjodu ta’ 14-il jum li matulu l-konsumatur jista’ jirtira mill-kuntratt tal-bejgħ u jieħu flusu lura; u informazzjoni iktar ċara fuq il-kontenut diġitali. Hija saħqet fuq l-importanza li qabel ma jixtru prodotti jew servizzi, jew jidħlu għal kuntratt ta’ bejgħ, il-konsumaturi għandhom ikunu qraw it-termini u l-kundizzjonijiet bir-reqqa.
L-Inġ. Cassar min-naħa tiegħu, tkellem dwar standards li jassiguraw prodotti sikuri u li ma joħolqux riskji serji għal min jużahom. Huwa wera wkoll lil dawk li attendew id-dibattitu xi prodotti li tneħħew jew li ma tħallewx jidħlu fis-suq. Fost ir-raġunijiet għal dan insibu: in-nuqqas tal-marka CE fejn hi meħtieġa; prodotti li ma jkollhomx l-informazzjoni fuqhom bil-lingwa Ingliża jew Maltija; prodotti li jinħadmu b’mod li jattiraw it-tfal imma li jistgħu jweġġgħuhom; ġugarelli b’partijiet minnhom jinqalgħu u li jistgħu jinbelgħu mit-tfal b’riskju li jifgaw; u oħrajn. Tkellem ukoll dwar l-obbligu tal-produtturi u l-bejjiegħa li jagħtu l-informazzjoni kollha lill-konsumaturi b’mod li jkunu f’qagħda li jevalwaw ir-riskji kollha marbuta mal-prodotti.
F’dan id-dibattitu, bħal fit-tliet dibattiti l-oħra li diġà organizza l-MEUSAC fil-ġimgħat li għaddew, il-parteċipanti kellhom iċ-ċans jgħidu tagħhom. Xi punti li ddiskutew mal-kelliema kienu: differenzi bejn il-garanzija legali ta’ sentejn applikabbli għall-prodotti kollha fl-UE u l-garanzija kummerċjali; il-prodotti li għandu jkollhom il-marka CE; it-tisħiħ tal-informazzjoni għall-konsumaturi; iktar postijiet fejn jistgħu jsiru l-ilmenti fosthom il-kunsilli lokali; sehem ikbar miċ-ċittadini billi jitkellmu u jesiġu li drittijiethom ikunu mħarsa.
Il-kelliema spjegaw ukoll kif l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumtur ixxerred l-informazzjoni b’kull mezz, anki fl-iskejjel, biex it-tfal sa miċ-ċokon jagħrfu drittijiethom. Huma ħeġġew lill-pubbliku biex jikkuntattjaw lill-Awtorità, kemm jekk ikollhom xi diffikultà u kemm biex jagħmlu xi lment. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità huma dawn: bit-telefown – 2395 2000, bl-email info@mccaa.org.mt, jew mill-websajt www.mccaa.org.mt.
Fl-aħħar tad-dibattitu, Dott. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, tkellem dwar kif il-MEUSAC, bħala l-kordinatur nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, qiegħed iwassal l-informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE kif ukoll dwar l-attivitajiet li ġejjin. “Iċ-ċittadini Maltin, bħala ċittadini tal-UE għandhom ikunu jafu xi drittijiet u x’obbligi għandhom. L-UE għenitna ntejbu l-livell tal-għajxien u fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini s-sħhubija fl-UE kellha impatt pożittiv ħafna, l-iżjed għaliex immorru fejn immorru niġu ttrattati daqs ċittadini oħra tal-UE”, qal Dott. Xuereb.
Il-ħames u l-aħħar dibattitu minn din is-sensiela ser isir nhar il-Ħamis, 3 ta' Ottubru, fl-10 ta’ filgħodu fil-Belt Valletta, u se jkollu t-tema, ‘Ċittadini f’saħħithom, Ewropa b’saħħitha’.
Din l-attività u dibattiti pubbliċi oħra qegħdin isiru b’fondi tal-UE taħt il-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032