IL-KARINVAL LURA FIL-PJAZZA ORIĠINALI TIEGĦU
Waqt il-preżentazzjoni tal-premijiet lir-rebbieħa li ħadu sehem fil-Karnival ta’ din is-sena, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li mis-sena d-dieħla l-pjazza tal-Karnival ser tiġi organizzata fi Pjazza San Ġorġ. Din hija l-pjazza oriġinali li fiha kien jiġi orgnizzat il-Karnival kwazi 40 sena ilu, qal is-Segretarju Parlamentari. Huwa qal li d-deċiżjoni li l-pjazza tal-Karnival tmur lura fis-sura oriġinali tagħha ttieħdet wara li sema’ lill-parteċipanti u x-xewqa tagħhom li jagħtu spinta ġdida lil din il-festa ta’ kuluri u tradizzjonijiet. Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla ser jiġu introdotti karrijiet u maskaruni b’temi ta’ satira politika.
Bidliet oħra li ħabbar is-Segretarju Parlamentari huma li s-Sibt tal-Karnival ser tkun lejla sħiħa ta’ attivitajiet fil-Belt Valletta. “Attivitajiet, simili ħafna għal dak li ser inkunu qed norganizzaw fil-lejl imdawwal tan-Notte Bianca madanakollu fuq tema karnivaleska”, qal is-Segretarju Parlamentari. Huwa spjega li dan kollu qed isir għaliex jemmen li l-kultura u t-tradizzjonijiet antiki jistgħu jintużaw biex jiġġeneraw l-ekonomija lokali.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li b’sinjal ta’ rieda tajba, ta direzzjoni biex jinħafru l-multi kollha li ngħataw din is-sena. “Nemmen fil-parteċipanti tal-Karnival imma aktar minn hekk nemmen fil-Karnival. U għax nemmen fil-Karnival, b’demm ġdid u tmexxija ġdida, ser inkunu qed nagħtu spinta ħalli nqajmu lil din il-festa”, qal is-Segretarju Parlamentari.
Fil-fatt huwa fakkar li minn din is-sena l-Kunsill tal-Kultura u l-Arti ħatar Direttur Artistiku tal-Karnival biex jieħu ħsieb il-Festi tal-Karnival, bl-ewwel suċċess ta’ tali deċiżjoni jiġi mmarkat bis-suċċess kbir tal-Karnival tas-Sajf.
Fiċ-ċerimonja li ġiet organizzata f’Fortress Builders, id-direttur tal-Karnival Jason Busuttil qal l-isfilata tal-karrijiet ser titlaq minn Triq Merkanti, Triq l-Arċisqof u Triq ir-Repubblika. Huwa tkellem dwar dak li ser ikun qed jiġi organizzat is-Sibt filgħaxija li matul dak il-lejl ser tkun qed tiġi organizzata maratona ta’ attivitajiet li jibqgħu ghaddejjin sa tard bil-lejl. Jason Busuttil ħabbar ukoll li bħalissa għaddejjin kuntatti ħalli jsiru skambji ma’ Karnivali barra minn Malta bħal dawk ta’ Viareggio u Notting Hill, qal is-sur Busuttil.
F’Malta l-Karinval beda jiġi organizzat minn żmien il-Kavallier. Il-bidu tal-Karnival jmur lura 400 sena u tul l-istorja tiegħu dan dejjem ġie organizzat fil-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali tagħna. Tul is-snin saru għadd ta’ studji li jixhdu dan. Apparti minn hekk fil-Belt Valletta għadek issib provi awtentiċi li jixhdu li l-Karnival kien jiġi organizzat fiha; bħall-ġebla (illum mgħottija bil-ħġieġ biex jaraha kulħadd) fi Pjazza San Ġorġ li kienet tintuża ħalli jitwaħħal l-Arblu tal-Kukkanja.
Matul is-snin il-Karnival prova li huwa mekka tal-arti u l-artisti. Ġenerazzjonijiet ta’ familji trawmu fl-arti tal-kartapesta, taż-żfin, tal-kostumi u l-maskarati. Kien bis-saħħa ta’ dawn in-nies u mhux bis-saħħa tal-Awtoritajiet li tellgħu fuq pedestal il-festa tal-Karnival, qal Jason Busuttil.
Il-Karnival 2014 ser isir bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu 2014.
pr1983a.pdf
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032