L-ONOR JOSÉ HERRERA INIEDI ŻEJT IŻ-ŻEJTUN
Il-bidu tal-istaġun tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa se jiġi ċċelebrat fl-attività annwali Żejt iż-Żejtun. L-Onor José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, fi żjara li għamel il-bieraħ fi stabiliment fejn jingħasar iż-żebbuġ b’rabta mal-attività Żejt iż-Żejtun, tkellem fuq l-importanza ta’ attivitajiet simili.
Fid-diskors tiegħu, l-Onor Herrera fakkar l-għoxrin sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u kif dawn qegħdin jgħinu fit-tmexxija tal-lokalitajiet. Huwa fakkar kif aktar tard din is-sena ser ikun hemm espożizzjoni partikolari marbuta ma’ dan l-avveniment. Inizjattivi bħal Żejt iż-Żejtun huma importanti għaliex il-Kunsill Lokali qegħdin jorganizzaw avvenimenti li jappellaw għall-pubbliku inġenerali filwaqt li jagħtu identità lill-bliet u rħula Maltin. “Illum il-ġurnata mhux biss tgħid li inti Malti iżda qed jitrabba sens ta’ identità lokali marbuta mal-għeruq partikolari ta’ dik il-lokalità.”
L-Onor Herrera tkellem ukoll kif attivitajiet bħal dawn qed jagħtu lok fejn gvernijiet lokali jaħdmu id f’id mal-entitajiet privati u kummerċjali. “Dan it-tip ta’ sinerġiji huma importanti għat-tkattir ta’ attività soċjali u kulturali mżewqa b’aspett kummerċjali li minnha jgawdi kulħadd. Dawn l-inizjattivi qegħdin jiġġeneraw biżżejjed turiżmu lokali u intern li jħajru intraprendituri ġodda jkunu parti minn din l-attività sabiex jesponu prodotti li huma marbuta mal-ambjent tagħhom. L-għasir taż-żebbuġ, kif qed naraw illum, mhix biss interessanti għall-produzzjoni taż-żejt imma hija wkoll mod kif inħajru kunċetti bħall-agrituriżmu.”
Iż-Żejtun qed jipprepara sabiex jiċċelebra l-bidu tal-istaġun tal-ġbir taż-żebbuġ għall-produzzjoni taż-żejt. Peress li l-isem “Żejtun” ifisser żebbuġ u hu assoċjat mat-tkabbir tas-siġra taż-żebbuġa fil-pajjiżi semitiċi, hija naturali għal dan il-Kunsill Lokali li jintroduċi u jiċċelebra x-xogħol relatat mal-produzzjoni taż-żejt. Din l-attività tiġi organizzata fl-aħħar weekend ta’ Settembru u din is-sena se tittella’ s-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ Settembru sa nofsinhar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032