Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA

pr1980
Date Icon 18/09/2013

Sitwazzjoni inaċċettabbli għal pajjiż li jistħoqqlu l-aħjar amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħa konjizzjoni tas-sentenza Joseph Lebrun vs Avukat Ġenerali deċiża nhar is-16 ta’ Settembru, 2013 (Rik Nru: 14/2013 AE) li fiha ċittadin Malti ngħata s-somma ta’ EUR 6,000 bħala kumpens minħabba t-tul ta’ żmien li qed jittieħed biex tinqata’ sentenza finali mill-Qorti.

Għall-Gvern, id-dewmien eżaġerat fil-proċeduri huwa kompletament inaċċettabbli.  Jekk forsi kien hemm min dera bil-mentalità li dawn huma affarijiet li jistgħu jgħaddu, il-Gvern preżenti assolutament ma jistax jittollera sitwazzjoni bħal din meta pajjiżna qiegħed jagħmel sforzi kbar biex ikun l-aħjar f’diversi setturi fl-Ewropa.

Agħar minn hekk, il-Gvern jemmen li l-każ Lebrun vs Avukat Ġenerali m’huwiex wieħed iżolat iżda huwa ritratt effettiv tas-sensiela ta’ affarijiet li qed imorru hażin fil-proċeduri penali u li jwasslu għal każijiet fejn ċittadini qed ikollhom id-drittijiet fundamentali ta’ smiegħ xieraq fi żmien raġonevoli miksura. 

Il-Gvern jagħmilha ċara li m’hu qed jipponta subgħajh lejn ebda ġudikant għax jemmen li fondamentalment l-ġudikanti kollha għandhom għal qalbhom l-amministrazzjoni retta tal-ġustizzja.  Il-Gvern qed jipponta subgħajh lejn sistema sħiħa li strutturalment teħtieg tinbidel u se tinbidel. 

Analiżi tas-sentenza Lebrun vs Avukat Ġenerali titfa’ dawl lejn sensiela ta’ sintomi tal-marda li jinstabu fis-sistema preżenti u telenka uħud minnhom:

1)  Il-prassi li ssir seduta kull xahar fejn – kwotazzjoni tal-Qorti – “ir-regola ġenerali hi li ma jsir xejn.”  F’dan il-każ saru 55 seduta u kien biss f’erba’ seduti li nstemgħu x-xhieda;

2) Il-prassi li esperti jingħataw inkarigu u wara li jgħaddu s-snin l-inkarigu jibqa’ ma jsirx;

3) Il-prassi li esperti jitqabdu jagħmlu biċċa xogħol li ma jkunx hemm ħtieġa li din issir jew ikun ċar li tali ħatra tkun se ssir għalxejn.

4) Il-prassi li l-prosekuzzjoni ma tippreżentax riferti tax-xhieda li suppost ikunu mħarrkin;

5) Il-prassi li l-prosekuzzjoni ddum biex taghmel konfermi pjuttost sempliċi li jistghu jsiru fl-ewwel seduti;

6) Il-prassi ta’ rinviji mill-Avukat Ġenerali li jsiru għalxejn;

7) Il-prassi li l-Qorti ma tiġbidx l-attenzjoni meta l-affarijiet ikunu qegħdin jitwalu għalxejn;

8) Il-prassi li jsiru referenzi kostituzzjonali li wara li jieħdu ż-żmien tagħhom biex jinstemgħu jirriżultaw li jkunu fiergħa.

Il-poplu jixraqlu aħjar. Dak li ġurisdizzjonijiet oħrajn, ħafna minnhom meqjusa li bdew warajna, jiddisponu minnu f’sitt xhur f’pajjiżna m’għandniex nieħdu sitt snin biex niddisponu minnu. Huwa proprju għalhekk li dan il-Gvern kif wiegħed, qed ipoġġi fost il-prioritajiet tiegħu ir-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja, biex propju lejn l-aħħar ta’ din is-sena jibdew jiġu implimentati tibdiliet li huma meħtiega.

Riforma li l-Gvern preċedenti naqas milli jikkonsidra u inqas u inqas jaħdem fuqha. 

F’April li għadda l-Gvern waqqaf Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello li digà ħarġet żewg dokumenti għad-diskussjoni u mistennija tippubblika r-rapport finali tagħha fl-aħħar ta’Ottubru li gej. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

Aktar Stqarrijiet Right arrow