LAQGĦA TAD-DELEGAZZJONI PARLAMENTARI TAL-ISPEAKER ANĠLU FARRUGIA MAL-MINISTRU RESPONSABBLI MILL-BAĠIT FIR-RUMANIJA
Il-Ministru responsabbli mill-Baġit Rumen, Liviu Voinea, radd ħajr lill-Ispeaker ta’ Malta, l-Onorevoli Anġlu Farrugia, li kompla biż-żjara tiegħu fil-belt kapitali tar-Rumanija, għall-informazzjoni li kienet diġà ħarġet fuq il-mezzi tax-xandir fejn ġie kkonfermat li l-perijodu transitorju li Malta kienet qed tattwa biex ċittadini Rumeni jkunu jistgħu jaħdmu Malta bil-permess tax-xogħol se jintemm fl-aħħar tas-sena 2013.
Fit-tweġiba tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia semma lill-Ministru Rumen il-bosta setturi li fihom jista’ jkun hemm assistenza min-naħa Maltija għal benefiċċji komuni. Bħala eżempji, huwa għamel referenza għas-settur tal-e-gaming kif ukoll għas-settur bankarju u ta’ servizzi finanzjarji. Il-Ministru Rumen wera interess li jikseb aktar informazzjoni u għajnuna sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati strutturi adegwati biex jitħaddmu b’mod aħjar dawn l-oqsma fir-Rumanija. L-Ispeaker Malti tenna d-dispożizzjoni kemm tiegħu kif ukoll tal-Membri Parlamentari Maltin fil-Grupp Konġunt bejn iż-żewġ parlamenti li għadu kif twaqqaf, sabiex jingħataw il-pariri meħtieġa f’dan ir-rigward.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ha spunt mid-diskussjoni li kellu mal-Ministru Voinea u fakkru li Malta tinsab f’pożizzjoni wkoll biex, jekk ikun meħtieġ, u kif sar mas-Slovakkja diġà, jingħataw il-pariri u l-assistenza neċessarja lir-Rumanija meta tkun se tagħmel il-pass biex taddotta l-Ewro bħala l-munita nazzjonali tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032