OPPORTUNITÀ OĦRA MILL-MEUSAC BIEX IĊ-ĊITTADINI JSEMMGĦU LEĦINHOM
‘Ewropa bla Fruntieri’, kienet it-tema tat-tielet dibattitu taċ-ċittadini organizzat mill-MEUSAC nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Settembru fil-pjazza ta’ Buġibba bħala parti mill-attivitajiet tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, li tagħha l-MEUSAC hu l-kordinatur nazzjonali.
F’dan id-dibattitu, il-Membru Parlamentari Ewropew Malti, Joseph Cuschieri u Grace Attard li hi waħda mill-ħames membri fid-delegazzjoni Maltija fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tkellmu dwar il-ħidma tagħhom f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li jsemmgħu leħen iċ-ċittadini fil-qalba tat-teħid tad-deċizjonijiet fl-UE u jiggarantixxu l-proċess demokratiku fit-tfassil tal-politika u l-liġijiet għall-aħjar taċ-ċittadini.
Is-Sur Cuschieri, li jifforma parti mill-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, spjega kif il-Parlament Ewropew hu l-unika istituzzjoni tal-UE li l-membri tagħha huma eletti direttament miċ-ċittadini, u li flimkien mal-Kunsill tal-Ministri jadottaw il-liġijiet tal-UE, “istituzzjoni, li għalkemm matul is-snin ingħatat iktar saħħa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, għad hemm lok fejn il-poteri tagħha jitwessgħu”. Hu qal ukoll li n-numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej Maltin hu żgħir wisq biex ikun possibbli li huma jidħlu fit-22 kumitat tal-Parlament Ewropew.
Is-Sinjura Attard tkellmet dwar il-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-għaqdiet tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem u tas-soċjetà ċivili minn kull Stat Membru tal-UE. Hi tirrappreżenta t-tielet settur u hi wkoll involuta fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-UE bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u dawk tal-Afrika ta’ Fuq. Hi spjegat x’qiegħda tagħmel l-UE fil-qasam tal-impjiegi għaż-żgħażagħ li fl-UE għandu sfida qawwija b’figuri għoljin ta’ qgħad. L-UE qiegħda tindirizza din l-isfida b’inizjattivi bħall-‘Garanzija taż-Żgħażagħ’ u ‘l-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ’ biex dawn ikollhom il-ħiliet neċessarji għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tal-lum u tal-futur. Dan qiegħed jiġi indirizzat ukoll permezz ta’ fondi kbar għaċ-ċaqliq tal-istudenti u l-ħaddiema, li grazzi għall-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni fl-UE ikun iktar faċli għalihom li jistudjaw u jaħdmu fi Stati Membri oħra tal-UE.
Diversi parteċipanti f’dan id-dibattitu għamlu l-interventi tagħhom u qajmu suġġetti bħal: l-isfruttament ta’ ħaddiema b’nuqqas ta’ ħiliet li jiċċaqilqu minn pajjiż għall-ieħor u kif l-UE tista’ tgħin biex jiġi miġġieled il-prekarjat; kif qed jiġi indirizzat il-faqar fl-Ewropa; l-importanza li ċ-ċittadini jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u x’inhuma l-poteri tal-istituzzjonijiet Ewropej li jaffettwaw it-tmexxija ta’ pajjiżna bħall-approvazzjoni tal-baġit u kif ukoll l-opportunitajiet ta’ fondi li jistgħu japplikaw għalihom; kif is-sħubija fl-Ewropa bla fruntieri affettwat is-sovranità ta’ Malta u l-vuċi u s-saħħa ta’ pajjiż żgħir bħal Malta.
Joseph Cuschieri wieġeb li t-tfassil tal-liġijiet tal-UE jsir f’kuntest ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha konċernati u għalhekk iċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandux jaqtgħalna qalbna, u meta pajjiżi żgħar bħal Malta jingħaqdu, ikollhom vuċi iktar b’saħħitha fi proċess demokratiku li jaħdem.
Il-ġurnalista tal-PBS, Norma Saliba, li mexxiet id-diskussjoni, għalqet id-dibattitu billi staqsiet lill-kelliema għaliex iċ-ċittadini għandhom jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju tas-sena d-dieħla? Il-kelliema qalu li mid-dibattitu ħareġ ħafna l-interess taċ-ċittadini fl-UE u li għandu jsir sforz ikbar biex l-UE tkun eqreb lejn iċ-ċittadini, u biex dak li tagħmel jinftiehem iktar min-nies. Dan ir-rwol jistgħu jaqduh tajjeb il-Membri Parlamentari Ewropej li jistgħu jindirizzaw il-problemi li ċ-ċittadini jixtiequ.
Fid-dibattitu ġie nnutat kif il-MEUSAC jaħdem biex iwassal l-informazzjoni dwar l-UE u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini b’modi differenti biex jilħaq is-setturi kollha tas-soċjetà. B’mod partikolari, il-MEUSAC jgħin lill-għaqdiet volontarji u l-kunsilli lokali biex jiksbu fondi tal-UE għall-proġetti tagħhom b’risq iċ-ċittadini u l-komunitajiet li jaħdmu fihom.
Id-dibattitu li jmiss ser isir nhar il-Ħamis, 19 ta' Settembru f'Wied il-Għajn bit-tema, ‘Ilkoll Ewropej, Ilkoll Konsumaturi’. Din l-attività u dibattiti pubbliċi oħra qegħdin isiru b’fondi tal-UE taħt il-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea. Il-MEUSAC hu l- Kordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2103.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032