Left arrow Go Back

AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI

PR1956
Date Icon 16/09/2013

ELEZZJONI BIEX JINĦATAR KUMITAT EŻEKUTTIV TAL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI

Nhar is-Sibt it-12 ta’ Ottubru, 2013, il-Kummissjoni Elettorali ser tmexxi elezzjoni biex ikun elett il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li jikkonsisti f’disa’ membri.  Ser isiru tliet elezzjonjiet: waħda biex ikun elett president, waħda biex ikunu eletti tliet membri minn lista ġenerali u waħda biex ikun elett membru wieħed minn kull wieħed mill-ħames reġjuni kif stabbiliti fit-Tieni Skeda ta’ Avviż Legali numru 240 tal-2009.

Kull elezzjoni ssir jekk ikun hemm aktar minn nominazzjoni waħda għal-lista presidenzjali, aktar minn tliet nominazzjonijiet għal-lista ġenerali u aktar minn nominazzjoni waħda għal kull wieħed mill-ħames reġjuni ta’ Għawdex, Tramuntana, Ċentrali, Nofsinhar u Xlokk.

Jintlaqgħu nominazzjonijiet mingħand kunsilliera fil-kariga (inkluzi Sindki u viċi-Sindki), fl-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Misraħ Sant’Iermu, il-Belt Valletta, u fl-Uffiċċju tal-karta tal-Identita’, Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, 25, 26 u 27 ta’ Settembru, 2013, mid-9.00 am sa nofsinhar.  Kull nomina trid issir fuq il-formula skedata li tista’ tinkiseb jew mill-Uffiċċju Elettorali jew mill-Kunsilli Lokali.

Kunsillier ma jistax jikkontesta f’aktar minn lista waħda.  Kull nomina, li trid tkun iffirmata u ppreżenta mill-kunsillier innifsu jew, f’każ ta’ mard jew safar, minn rappreżentant awtorizzat minnu bil-miktub, għandu jkollha l-firem ta’ proponent u ta’ żewġ sekondanti.  Il-proponent u ż-żewġ sekondanti jridu jkunu kunsilliera wkoll iżda filwaqt li l-proponent għandu jkun kunsillier mil-lokalita’ tal-kandidat innifsu, iż-żewġ sekondanti għandhom ikunu kunsillieri minn żewġ lokalitajiet differenti u li ma jkunux mil-lokalita’ tal-kandidat.  Il-kandidat jew rappreżentant għandu jiffirma li jkun qiegħed jaċċetta n-nomina.

Jistgħu jivvutaw f’din l-elezzjoni l-kunsilliera kollha fil-kariga u għandhom jivvutaw fuq tliet poloz tal-votazzjoni, waħda għall-kandidati tal-lista presidenzjali, waħda għall-kandidati tal-lista ġenerali u oħra għall-kandidati tal-lista reġjonali konċernata.  Il-votazzjoni hija bis-sistema proporzjonali bl-uzu ta’ vot wieħed trasferibbli skont il-preferenzi.

Il-kunsillieri jivvotaw fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tagħhom nhar is-Sibt it-12 ta’ Ottubru, 2013, bejn it-8.00 am u l-11.00 am.  Iżda dawk il-kunsilliera li jiddikjaraw bil-miktub u bil-ġurament għand il-Kummissjoni Elettorali sa nofsinhar tal-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru, 2013, li ser ikunu msiefra fit-12 ta’ Ottubru, 2013, ikunu jistgħu jivvutaw fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, il-Belt Valletta, nhar is-Sibt 5 ta’ Ottubru, 2013, bejn it-8.00 am u l-11.00 am.  Kull votant jippreżenta l-karta tal-identita’ tiegħu.

Il-Kummissjoni Elettorali tkun rappreżentata mis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali li għandhom jikkonsenjaw il-poloz tal-votazzjoni lill-Kummissjoni Elettorali fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar jew fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, ir-Rabat, Għawdex, eżatt wara li jagħlaq il-ħin tal-votazzjoni fil-11.00 am tat-12 ta’ Ottubru, 2013.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

More Press Releases Right arrow