IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI STEFAN BUONTEMPO JILTAQA' MA' TONY DRAGO
Is-Segretarju Parlamentari għar-Ricerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Stefan Buontempo ltaqa' mal-player professjonali Malti tal-iSnooker Tony Drago.
Waqt il-laqgħa Dr Buontempo ingħata rendikont mis-Sur Drago tal-aħħar parteċipazzjoni internazzjonali fiċ-ċirkwiet Dinji tal-iSnooker.
Tony Drago li għandu 48 sena, kien jinsab Malta għal btala qasira qabel ma jkompli l-impenji tiegħu internazzjonali eżattament nhar it-Tlieta li ġej fit-Tazza tad-Dinja tal-Pool li se ssir f'Londra.
It- "Tornado" kif inhu magħruf fix-xena tal-iSnooker internazzjonali spjega lil Dr Buontempo li l-parteċipazzjoni tiegħu f'kompetizzjonijiet internazzjonali issa espandiet ukoll għal-logħba tan-9 u t-10 Ball.
Drago spejga lil Dr Buontempo li minħabba l-fatt li m'għadux fost l-aqwa 24 plejer fir-Rankings tad-Dinja qed isibha diffiċli biex ikollu l-logħbiet tiegħu miġbuda u mxandra dirett fuq it-televiżjoni, iżda minkejja dan hu dejjem jikkompeti kważi kull ġimgħa f'avvenimenti u tournaments organizzati mill-World Snooker.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Buontempo irringrazzja lil Tony Drago tal-kontribuzzjoni u s-suċċess li hu għamel matul l-aħħar 30 sena fix-xena tal-iSnooker fuq bażi professjonali.
Hu qal li Drago għandu jkun ta' ispirazzjoni għal żgħażagħ li jippromettu fl-isports u għandhom jimxu fuq il-passi tiegħu hekk kif Drago kellu l-kuraġġ jaqleb professjonali ta' 20 sena.
Dr Buontempo esprima s-sodisfazzjon tieghu f'isem il-publiku sportiv Malti għall-kisbiet ta’ Drago u talli dejjem żamm il-bandiera Maltija għolja f'avvenimenti internazzjonali.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032