Left arrow Go Back

IMPENJATI BIEX PAJJIŻNA JKOLLU DIREZZJONI STRATEĠIKA DWAR IL-KWALITA’ TAL-ARJA – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

pr1946
Date Icon 13/09/2013

Meta l-Ġimgħa filgħaxija kien qiegħed jindirizza diskussjoni pubblika dwar il-kwalita’ tal-arja organizzata mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima l-Ministru Leo Brincat qal li hemm bżonn ta’ direzzjoni strateġika dwar il-kwalita’ tal-arja, biex dak li hemm fil-program tal-Gvern dwar arja nadifa jiġi verament fis-seħħ.Qal  li huwa jinsab impenjat biex jara li dan jseħħ.

Hemm bżonn li nkunu proattivi permezz ta’ strutturi aktar b’saħħithom u viżjoni fit-tul, flok ma nkomplu nirreaġixxu biss minħabba ċerti eżiġenzi urġenti tal-Unjoni Ewropeja. Qal li mhux biss hemm bżonn ta’ ġbir ta’ data f’mod aktar effettiv mir-regolatur iżda wkoll li din tiġi analizzata f’mod aktar xjentifiku u mingħajr wisq dewmien ta’ żmien. Jekk indumu biex nidentifikaw is-sintomi tal-problemi aħseb u ara kemm ser ndumu biex noffru s-soluzzjonijiet.

Il-Ministru Brincat ħabbar li bħalissa l-Gvern qed jagħti ħarsa lejn il-prijorita’ li qed jingħataw il-problemi tal-kwalita’ tal-arja mhux biss fi ħdan ir-regolatur iżda anke fi ħdan entitajiet oħra li minħabba l-operat tagħhom qegħdin iwasslu għat-tniġġiż tal-arja f’pajjiżna.

Qali li din il-qabża fil-kwalita’ hemm bżonn li tiġi riflessa fit-tibdil li għandu jsir la titwaqqaf l-Awtorita’ l-ġdida għall-Ambjent.

Spjega li meta ngħidu li s-saħħa ambjentali għandha prezz ekonomiku dan ikun ġej minn żewġ fatturi:

•       il-prezz li jkollu jħallas pajjiżna jekk nagħżlu li jew ma nagħmlu xejn jew li nagħmlu anqas milli mistenni minn għandna lkoll

•       jew li nonqsu milli nkejlu b’kemm tista’ tiżdied l-ispiża tan-nefqa fuq is-settur tas-saħħa jekk ma nieħdux bis-serjeta’ l-problemi tal-kwalita’ tal-arja

Il-Ministru Brincat qal li biex ikollna żvilupp u implimentazzjoni ta’ policies aktar effettivi hemm bżonn li l-entitajiet konċernati jkollhom l-għodda meħtieġa biex dan ikun jista’ jsir. Qal li jekk hemm bżonn jinbidlu l-prijoritajiet fi ħdan l-entitajiet tagħna, speċjalment fi ħdan ir-regolatur.

Sostna li qabel nitkellmu dwar il-pjan il-ġdid tal-arja jrridu naraw kif ħadem fil-prattika l-pjan tal-arja tas-sena 2010 u jekk hemmx x’wieħed jista’ jitgħallem minnu biex il-pjan il-ġdid ikun aħjar u aktar effettiv.

F’pajjiżna qal il-Ministru, hawn it-tendenza li biex inkunu oriġinali spiss nippruvaw nivvintaw ir-rota mill-ġdid iżda huwa wkoll importanti li nieħdu mit-tajjeb ta’ dak li għamlu dawk li rnexxew qabilna. Dan dejjem f’kuntest lokali bħala gżira Ewropeja fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Kien dan li nebbaħ lill-Gvern Malti jfittex koperazzjoni mal-Gvern Germaniż  f’dan il-qasam. U kien dan ukoll li ftit tax-xhur ilu wassal biex wara taħdidiet mal-Ministru Taljan tal-Ambjent il-Gvern Malti kiseb ftehim fil-prinċipju li jkun hemm djalogu strutturat bejn iż-żewġ pajjiżi fuq livell purament tekniku, u dan sabiex naraw kif nistgħu nindirizzaw problemi li jolqtu lill-pajjiżna minħabba dak li jista’ jkun qed jolqotna minn xtut ħaddieħor.

Il-Ministru Brincat qal li huwa jemmen li jekk pajjiżna u l-istrutturi tiegħu jaħdmu kif suppost u b’mod iffukat pajjiżna jirnexxi wkoll u jikseb riżultati aħjar fil-kwalita’ tal-arja.

Din hija kwistjoni mhux biss ta’ riżorsi jżda wkoll ta’ rieda, impenn, viżjoni u sens ta’ direzzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar ta’ strateġija soda, serja u ċara temm jgħid il-Ministru Brincat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

More Press Releases Right arrow