“PAJJIŻNA JRID IKUN PARTI MILL-ISTORJA TA’ SUĊĊESS FIS-SETTUR TAL-AVJAZZJONI FL-EWROPA” – IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU KARMENU VELLA
Il-kumpanija Europ Star tingħata uffiċjalment il-liċenzja biex tkun tista’ topera b’mod kummerċjali minn Malta fis-settur tal-avjazzjoni
Il-gvern Malti huwa kommess u determinat li jagħti l-appoġġ kollu li hemm bżonn lil dawk il-kumpaniji fil-qasam tal-avjazzjoni li jagħżlu ’l Malta bħala l-post minn fejn joperaw. Sostna dan il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella waqt ċerimonja li fiha l-kumpanija Europ Star ingħatat uffiċjalment il-liċenzja biex tkun tista’ topera b’mod kummerċjali minn Malta fis-settur tal-avjazzjoni magħruf aħjar bħala Air Operating Certificate (AOC).
Il-Ministru Vella semma kif illum il-ġurnata l-avjazzjoni huwa l-aktar settur li qed jikber fl-Ewropa kollha, b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropa. Ikkwota figuri uffiċjali li juru kif dan jikkontribwixxi medja ta’ €20 Biljun u jiġġenera mal-164,000 impjieg, li bejniethom ifissru medja ta’ kważi €6 Biljun f’pagi u salarji. F’dan ir-rigward il-Ministru għat-Turiżmu saħaq li pajjiżna jrid ikun parti mill-istorja ta’ suċċess fis-settur tal-avjazzjoni fl-Ewropa.
Meta tkellem dwar il-kuntest lokali, il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif fil-preżent pajjiżna għandu mal-150 ajruplan irreġistrat fuq ir-reġistru tal-ajruplani, flimkien ma’ 20 air operating certificate. Huwa stmat li matul is-sena li għaddiet biss, saru f’Malta mal-1100 ċaqlieq ta’ ajruplani fis-settur tal-business jets, biċ-ċifri għal din is-sena diġa laħqu s-700 għall-ewwel seba’ xhur tas-sena.
Il-Ministru Vella qal li Malta għandha diversi vantaġġi x’toffri fuq pajjiżi oħra fis-settur tal-avjazzjoni fosthom ir-riżors uman tal-ħaddiema, il-kompetittività tal-pajjiż, kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tagħna.
Karmenu Vella temm jirringrazzja lill-kumpanija Europ Star talli emmnet f’pajjiżna u fir-riżorsi li għandna u għażlet li tiftaħ il-bażi tagħha hawnhekk, fl-istess ħin li wiegħed l-appoġġ kollu tal-gvern lejn kumpaniji simili.
Fl-istess ċerimonja il-ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella inawgura wkoll uffiċini ġodda għall-kumpanija Europ Star.
Stqarrijiet Oħra:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032