Left arrow Go Back

Il-MINISTRU LEO BRINCAT F’LAQGĦAT MAL-GRTU U l-KAMRA TAL-KUMMERĊ, L-INTRAPRIŻA U L-INDUSTRIJA

PR1925
Date Icon 12/09/2013

WasteServ: Il-Gvern qed jaħdem fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li sarulu biex il-kumpanija tissaħħaħ.

Meta dalgħodu ltaqa’ mal-GRTU, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat aġġornahom, fuq talba tagħhom, dwar dak li ħareġ mill-istudji indipendenti li kkummissjona l-Gvern dwar l-operat tal-WasteServ, inkluż l-ipproċessar u l-proċeduri ta’ tendering u l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija.

Qal li minkejja li l-WasteServ  tinsab għaddejja minn żmien kritiku u tinħtieġ tibdiliet fl-operat, instab li fondi għall-infieq kapitali spiss intużaw għal skopijiet oħrajn u dan b’detriment għall-istess kumpanija u għall-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.

Il-Ministru Brincat qal li f’dan l-istadju l-ħidma tal-Gvern u tal-WasteServ hija ffukata fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapporti bil-għan li l-istrutturi tal-kumpanija jissaħħu.

Dan fl-istesswaqt li jiġi żgurat, b’mod partikulari wara li jiġi fis-seħħ il-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart, li jkun hemm benchmarks ġodda u aktar effettivi għal trasparenza sħiħa u impenn aktar professjonali f’dan il-qasam li jista’ jwassal għall-indafa pubblika akbar fil-pajjiż.

Il-Ministru Leo Brincat ta ħajr lill-GRTU u lil dawk l-entitajiet kollha li ressqu ’l quddiem bil-proposti tagħhom għat-tħejjija ta’ dan l-abbozz. Qal li mingħajr dan l-input il-Gvern ma kienx ikollu l-istampa kollha ta’ kif qed iħarsu lejn il-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart l-istakeholders kollha. Dan kollu id f’id mal-isfidi kollha li għandu quddiemu bħalissa l-pajjiż.

Qal li kull stakeholder bi dritt imma wkoll huwa fid-dmir li jġorr responsabbiltà sħiħa għall-operat tiegħu ħalli jkun eżempju għall-oħrajn li joperaw f’dan il-qasam. Fost oqsma oħra l-Ministru Brincat semma l-ħtieġa li jkun hemm trasparenza finanzjarja fl-operat tal-iskemi kollha eżistenti. Huwa wiegħed djalogu simili mal-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru Brincat qal li l-kwistjonijiet tal-eko kontribuzzjoni u l-WEEE qed jiġu miflija fid-dettal mill-Ministeri konċernati fejn qed jingħata piż lill-għażliet kollha li għandu quddiemu l-Gvern.

Fil-bidu tal-laqgħa l-President tal-GRTU Paul Abela feraħ lill-Gvern Malti għal dak li sejjaħ bħala breakthrough fil-qasam tal-enerġija inkluż dik alternattiva, bil-ftehim maċ-Ċina u qal li bħala GRTU jaraw dan kollu bħala parti mill-pjan għall-iżvilupp sostenibbli tal-Enemalta, kif ukoll għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda fosthom green jobs.

Il-President tal-GRTU ħeġġeġ lill-Gvern biex bħala parti mill-istrateġija tiegħu biex jinċentiva l-iżvilupp tal-ekonomija l-ħadra fil-pajjiż, għandu jkun hemm inċentivi għal ħolqien ta’ green jobs fis-settur privat.

Intant f’laqgħa oħra li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija l-Ministru Brincat qal li l-laqgħat strutturati li qed ikun hemm bejn iż-żewġ partijiet huma xhieda ħajja ta’ kif l-ambjent u l-ekonomija jinħtieġ li jaħdmu id f’id għal ġid komuni. Qal li spiċċa ż-żmien li wieħed jibqa’ jaħseb li dawn jistgħu jkunu ta’ xkiel għal xulxin.

Huwa fakkar li fl-ewwel laqgħa li kellhom flimkien ftit tax-xhur ilu kienu ġew identifikati oqsma li jinħtieġu li jiġu indirizzati biex l-affarijiet jimxu aħjar għal ġid tal-komunità kummerċjali u tas-soċjetà in ġenerali.

Fost dawn hemm l-ekonomija l-ħadra u l-ħolqien ta’ green jobs. Ma’ dawn ħarsa aġġornata lejn l-eko kontribuzzjoni u l-WEEE fuq l-iskart elettroniku, il-ħtieġa ta’ immaniġġjar aktar effiċjenti tal-iskart, kif ukoll it-talba li għamlet l-istess Kamra tal-Kummerċ biex issir taf aktar dwar dak li ħareġ mir-rapporti indipendenti li ġew ikkummissjonati mill-Gvern dwar il-WasteServ.

Il-Ministru stieden lill-Kamra tal-Kummerc li wara li tifli r-rapporti kollha dwar il-WasteServ li sal-lum kienet iffinanzjata mill-istat, tersaq ’il quddiem bil-proposti konkreti tagħha dwar kif sehem il-privat jista’ jikber ħalli l-WasteServ tkun tista’ toħloq aktar spazju għall-inizjattiva privata fil-pajjiż.

Huwa wiegħed diskussjoni aktar fil-fond mal-Kamra tal-Kummerċ meta fil-futur qrib joħroġ l-abbozz tal-Pjan għall-Immaniggjar tal-Iskart.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

More Press Releases Right arrow