Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI NŻAMM FID-18 U 19 TA’ ĠUNJU 2009 U L-LAQGĦA MAL-PRIM MINISTRU TAL-ISVEZJA FREDERIK REINFELDT, PRESIDENT TAL-KUNSILL EWROPEW

pr1166
Date Icon 06/07/2009

Mr Speaker,

Illejla nixtieq nirraporta lildin il-Kamra dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li nżamm bejn it-18 u d-19 Ġunju.  Id-delegazzjoni li mexxejt kienet tinkludi lil Dr Tonio Borg, Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u lir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana.
Nixtieq ukoll nieħu dinl-okkażjoni biex nirraporta lill-Kamra dwar il-laqgħat li kelli mal-Prim Ministru tal-Isvezja, Frederik Reinfeldt li fl-1 ta’ Lulju bdiet tokkupa l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

A.        IL-KUNSILL EWROPEW (18 u 19 ta’ Ġunju 2009)

Nibda billi npoġġi fuq il-Mejdatal-Kamra kopja tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li ser ngħaddi biex nagħti rendikont tal-punti ewlenin diskussi u deċiżi matul dan il-Kunsill.
Dan il-Kunsill inżamm waqt“l-akbar riċessjoni globali mit-Tieni Gwerra Dinjija” 'l hawn.  Għal darba oħra l-Kunsill Ewropew wera d-determinazzjoni tal-Unjoni Ewropea li nissuperaw d-diffikultajiet preżenti u li nħarsu lejn il-futur billi nieħdu għadd ta' deċiżjonijiet biex niffaċjaw b'mod rapidu u effettiv l-isfidi li għandna quddiemna.

1.                  Kwistjonijiet istituzzjonali

L-Irlanda u t-Trattat ta'Lisbona
Il-Gvern Malti u l-UnjoniEwropea huma konvinti li t-Trattat ta' Lisbona ser jipprovdi qafas aħjar għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea u għalhekk il-mira li dan it-trattat jidħol fis-seħħ sa tmiem l-2009 ġiet riaffermata.  Dan jitlob li kull pajjiż jirratifika dan it-Trattat.
Nixtieq infakkar kif il-KunsillEwropew ta’ Diċembru li għadda kien innota t-tħassib tal-poplu Irlandiż espress fir-referendum tat-12 ta’ Ġunju 2008 u qabel li tħassib tagħhom dwar il-politika fiskali, id-dritt għall-ħajja, l-edukazzjoni u l-familja kif ukoll in-newtralita` militari jkunu indirizzati permezz ta’ garanziji legali. Kien hemm qbil ukoll li jkun hemm konferma tal-importanza lil numru ta’ oqsma soċjali, inkluż id-drittijiet tal-ħaddiema.
Issa, il-Kunsill Ewropew ta’ġimgħatejn ilu qabel dwar is-sett ta' arranġamenti, li huma kompatibbli għal kollox mat-Trattat ta’ Lisbona, sabiex jipprovdi rassigurazzjoni u biex jirrispondi għat-tħassib tal-poplu Irlandiż.  Prattikament dawn huma garanzija li fit-Trattat ta’ Lisbona

1.        m’hemm xejn li jaffettwa il-provvedimenti tal-Kostituzzjoni tal-Irlanda dwar id-dritt għall-ħajja, il-protezzjoni tal-familja u l-protezzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni;

2.        il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tassazzjoni mhix ser tinbidel; u

3.        il-politika tradizzjonali Irlandiża ta’ newtralita` militari mhix affettwata.

Il-Kunsill ikkonferma wkolll-importanza kbira li l-Unjoni Ewropea tagħti lid-drittijiet tal-ħaddiema u l-politika soċjali kif ukoll innota dikjarazzjoni unilaterali Irlandiża dwar is-sigurta` u d-difiża  li ser tkunu assoċjata mal-istrument ta’ ratifika Irlandiż.
Kien hemm ftehim ċar li dankollu huwa kompatibbli għal kollox mat-Trattat ta' Lisbona u m’hemmx bżonn tal-ebda ratifika mill-ġdid ta' dak it-Trattat.  Il-Protokol jiċċara li mhux ser jibdel la l-kontenut u lanqas l-applikazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona. L-istatus tiegħu mhux ser ikun differenti minn kjarifiki simili fi Protokolli miksuba minn Stati Membri oħra, per eżempju dak li kisbet Malta dwar l-abort fin-negozjati għas-sħubija.
Nomina tal-Presidenttal-Kummissjoni
Nixtieq nirraporta lill-Kamra libħala Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern qbilna unanimament dwar in-nomina ta’ José Manuel Barroso bħala President tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2009-2014.  Għalhekk, il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka u l-Prim Ministru tal-Isvezja,  in vista tal-presidenza tal-Kunsill, ġew inkarigati biex ikollhom diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew sabiex jaraw jekk il-Parlament huwiex f'pożizzjoni li japprova din in-nomina fis-sessjoni plenarja tiegħu ta' Lulju.
Fil-Kunsill ta’ Diċembru ligħadda, konna qbilna wkoll li, ladarba t-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni Ewropea tkompli tkun komposta minn ċittadin minn kull Stat Membru. Il-proċess ta' nomina tal-persuni l-oħra li ser jinħatru bħala membri tal-Kummissjoni jista' jinbeda biss meta tiġi ċċarata l-bażi legali għall-proċedura ta' nomina.
Miżuri transitorji rigwardil-Parlament Ewropew
Fl-istess Kunsill Ewropew(Diċembru 2008) kienet giet adottat Dikjarazzjoni dwar miżuri transitorji rigward il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li meta t-Trattat ta' Lisbona jidħol fis-seħħ in-numru ta' MEPs tat-tnax-il Stat Membru, inkluż Malta, li n-numru ta' MEPs tagħhom kellu jiżdied, fil-fatt jiżdied sa tmiem it-terminu parlamentari 2009-2014. Il-Presidenza ġiet inkarigata sabiex tieħu l-miżuri neċessarji ħalli tieħu l-passi neċesarji ħalli jiżdiedu dawn it-18-il siġġu mas-736 siġġu okkupat fl-elezzjonijiet li għadhom kemm għaddew.

2          Sitwazzjoni ekonomika, finanzjarja u soċjali

Mr Speaker,

L-Unjoni Ewropea, bħall-bqijatad-dinja, għadha qed tiffaċċja l-effetti tar-riċessjoni l-aktar profonda u wiesgħa miż-żmien ta' wara l-gwerra. Għalhekk ma setgħax jonqos li din l-isfida tkun ċentrali fid-diskussjonijiet li kellna. Kien hemm qbil li l-Unjoni Ewropea tkompli tiżviluppa u timplimenta l-miżuri meħtieġa biex tiġi ffaċċjata l-kriżi. Huwa evidenti li l-miżuri meħuda qed jikkontribwixxu biex jiġu limitati l-effetti negattivi tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u qed jgħinu biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi. L-appoġġ għall-fluss tal-kreditu lejn l-ekonomija reali kkontribwixxa ukoll għall-protezzjoni tal-impjiegi.
Il-Kunsill Ewropew irriaffermal-impenn għal finanzi pubbliċi sodi u għall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tenna d-determinazzjoni tiegħu li jagħmel dak li hu meħtieġ sabiex jiġu restitwiti l-impjiegi u t-tkabbir. Huwa importanti li l-konsolidazzjoni żżomm il-pass mal-irkupru ekonomiku.
Bini ta' ordni ġdid fis-swieqfinanzjarji
Din il-kriżi finanzjarja wrietbiċ-ċar li jeħtieġ titjib fir-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm fl-Ewropa u globalment. L-azzjonijiet tagħna għandhom iwasslu kemm għall-prevenzjoni ta' krizijiet futuri kif ukoll biex jerġgħu jagħtu l-fiduċja fis-settur finanzjarju, partikolarment billi tittejjeb il-protezzjoni tad-depożituri u l-konsomaturi, u b'hekk jiġi ffaċilitat ir-rilanċ tal-ekonomija Ewropea.
Huwa minnu li diġa` hemmprogress sinifikanti fit-titjib tal-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropea, partikolarment bil-ftehim li ntlaħaq dwar id-Direttiva dwar il-Ħtiġiet ta' Kapital, ir-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu u d-Direttiva Solvenza II.  Madanakollu jeħtieġ aktar progress fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-fondi ta' investiment alternattivi, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tad-depożituri u rigward it-trasparenza u l-istabbiltà tas-swieq tad-derivattivi.
Għalhekk, il-Kunsill Ewropewappoġġja l-ħolqien ta' Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku li ser iwettaq monitoraġġ u jivvaluta t-theddid potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja u, fejn meħtieġ, joħroġ twissijiet ta' riskju u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. Il-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew ser jeleġġu l-presidenza tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.
Ġie rakkomandat it-twaqqif ta’Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, komposta minn tliet Awtoritajiet Ewropej ta' Superviżjoni (European Supervisory Authorities), bil-għan li ttejjeb il-kwalità u l-konsistenza tas-superviżjoni nazzjonali, issaħħaħ is-sorveljanza ta' gruppi transkonfinali permezz tal-istabbiliment ta' kulleġġi ta' superviżjoni u l-issettjar ta' ġabra unika tar-regoli Ewropea li tkun applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-Suq Uniku. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtoritajiet Ewropej ta' Superviżjoni m'għandhomx jaffettwaw bi kwalunkwe mod ir-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-qafas il-ġdid jappoġġa swieq finanzjarji tal-UE li jkunu sodi u kompetittivi.
Il-ħsieb tal-Kummissjoni Ewropeahuwa li tippreżenta, sa mhux aktar tard minn kmieni fil-ħarifa li ġejja, il-proposti leġislattivi biex jiġi stabbilit qafas ġdid tal-UE għas-superviżjoni, filwaqt li jiġi rispettat bis-sħiħ il-bilanċ ta' kompetenzi u responsabbiltà finanzjarja.  Dawn il-proposti għandhom jiġu analizzati mill-Kunsill Ewropew li ser isir f'Ottubru li ġej.
Il-ħarsien u l-ħolqiental-impjiegi
Il-ġlieda kontra l-qgħad tibqa'prijorità għolja. L-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti, partikolarment fil-qafas komuni meħtieġ biex jiġi żgurat li l-miżuri li jittieħdu jkunu kkoordinati, jappoġġaw lil xulxin.
L-oqsma ewlenin li għandhomjirċievu attenzjoni partikolari huma:
1.  iż-żamma tal-impjiegi ul-ħolqien ta' impjiegi ġodda;
2.  it-titjib tal-ħiliet ut-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; u
3. it-tkabbir fl-aċċessgħall-impjiegi.

3          Tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli

L-iżvilupp sostenibbli, lijinkludi dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Wasal iż-żmien li l-komunitàinternazzjonali tieħu l-passi meħtieġa biex jiġi limitat it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu. Rispons koerenti għall-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-kriżi ekonomika u finanzjarja għandu joħloq opportunitajiet ġodda u jkun possibbli t-tqarrib lejn ekonomija sostenibbli, b’impatt anqas negattiv fuq l-ambjent u li tkun kapaċi tiġġenera tkabbir u toħloq impjiegi ġodda.
L-Unjoni Ewropea ikkonfermatid-determinazzjoni tagħha li jintlaħaq ftehim ambizzjuż u komprensiv matul il-Konferenza ta' Kopenħagen u biex jitħaffef il-pass tan-negozjati għal dan il-għan.  L-Unjoni Ewropea hija lesta li jkollha rwol ewlieni f'dan il-proċess. Hija stess daħlet għal impenn ambizzjuż li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'20% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Dment li pajjiżi żviluppati oħra jidħlu għal impenji komparabbli fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u li pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu b'mod adegwat skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, l-Unjoni hija impenjata, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008, li żżid l-impenn tagħha għal 30%.
Is-sigurtà tal-provvistatal-enerġija tkompli tkun prijorità għall-Unjoni Ewropea u għalhekk il-Kunsill Ewropew innota l-problemi potenzjali f'dak li jirrigwarda l-provvista tal-gass mir-Russja permezz tal-Ukraina.

4          Immigrazzjoni illegali

Mr Speaker,

F’dan il-Kunsill ingħata passkbir ieħor sabiex l-isfida kbira li pajjiżna qed jaffaċċja fl-immigrazzjoni illegali tkun indirizzata aħjar f’kuntest Ewropew. Huwa rikonoxxut li pajjiżna huwa espost “għal pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati” u li l-isfida tal-immigrazzjoni illegali hija sfida ewropea.
Dan il-Kunsill saħaq li “huwaessenzjali li jkun hemm rispons Ewropew determinat ibbażat fuq is-sodezza, is-solidarjetà u r-responsabbiltà kondiviża, f'konformità mal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil u l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni. L-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi aċċellerata, b'mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.”
Kien hemm qbil li mal-propostatal-Kummissjoni Ewropea għal progett pilota f’pajjizna għal miżuri volontarji għar-riallokazzjoni interna ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali li jinsabu f’ Malta kif ukoll għat-twaqqif malajr tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Ażil.
Flimkien ma’ dan kollu,il-Kunsill Ewropew jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jissaħħu l-operazzjonijiet tal-kontroll tal-fruntieri kkoordinati minn FRONTEX, li jkun hemm regoli ċari ta' ħidma għall-pattuljar konġunt u l-iżbark ta' persuni salvati, u użu akbar ta' titjiriet konġunti ta' ritorn.
Il-Kunsill Ewropew għarafil-ħtieġa għal tisħiħ sinifikattiv tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ewlenin ta' oriġini u ta' transitu, bħal Libja u t-Turkija u stqarr li din hija priorita`. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora kooperazzjoni konkreta ma' pajjiżi terzi. Jeħtieġ li l-effettività tal-ftehim tal-Unjoni Ewropea ta' riammissjoni tiżdied bħala parti mil-linji politiċi esterni ġenerali tal-Unjoni.
Matul dan il-Kunsill,il-Ministri tal-Affarijiet Barranin iddiskutew il-qagħda fil-Pakistan, fl-Afganistan,  Burma/Mjanmar, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran.

B.        LAQGĦA MAL-PRIM MINISTRU SVEDIZ FREDERIK REINFELDT

Mr Speaker,

Ngħaddi issa biex nagħtirendikont ta’ laqgħa li kelli mal-Prim Ministri tal-Isvezja Frederik Reinfeldt li l-ġimgħa ta’ ghaddiet bdiet tokkupa l-presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Id-delegazzjoni li mexxejtgħal-laqgħa mal-Prim Ministru Svediz Frederik Reinfeldt il-Hamis 25 ta’ Ġunju, kienet tinkludi lil Dr Tonio Borg, Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, is-Sur Richard Cachia Caruana.  Il-Prim Ministru Reinfeldt kien akkumpanjat mis-Sur Tobias Billström, Ministru għall-Migrazzjoni u l-Politika dwar l-Azil, Dr. Gustaf Lind, Segretarju tal-Istat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Unjoni Ewropea u Affarijiet Barranin, Ms. Ulla Gudmundson, l-Ambaxxatur tal-Isvezja għal Malta  u uffiċjali oħra.
Il-Prim Ministru Reinfeldtspjega li l-oqsma ta’ priorita’ għall-Presidenza Svediza jinkludu l-bidla fil-klima, il-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-kwistjonijiet istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tat-Trattat ta’ Lisbona, apparti li kwestjoni Irlandiża, jonqos il-kunsens tal-Presidenti tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka.  Tajjeb nirrimarka li sa dakinhar il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża kienet għadha ma pronunzjatx ruhu li dan it-Trattat huwa kompattibli mal-Liġi Tedeska.
Kif għidt aktar qabel, il-PMReinfeldt infurmani bil-ħsibijiet tiegħu dwar il-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew dwar il-ħatra tal-president il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.  Qbilna li din il-konsultazzjoni għandha tkun ispirata minn rispett bejn l-istituzzjonijiet u għandha tfittex il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż li tinqata’ kull inċertezza li fic-cirkostanzi ekonomiċi ta’ bħalissa tista’ tagħmel ħafna ħsara.  L-ideal huwa li d-deċiżjoni dwar in-nomina ta’ Barroso tittiħied sa nofs dan ix-xahar. Wieħed irid iżomm f’moħħu numru ta’ skadenzi, inkluż l-elezzjonijiet fil-Ġermanja fil-ħarifa li ġejja.
Huwa ċar li l-Unjoni Ewropeatrid iżżomm mal-impenji tagħha fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.  Il-bidla fl-attitudni tal-Istati Uniti tal-Amerika hija evidenti u huwa mistenni li din tħabbar il-posizzjoni tagħha fis-summit tal-G8 li ser jibda nhar l-Erbgħa li ġejjin ġewwa L’Aquila fl-Italja. F’dan kollu, il-posizzjoni taċ-Ċina ser tkun interessanti u punt li fuqu ser jiddependi ħafna. Jiena sħaqt li Malta hija kunfidenti li ser nilħqu l-miri tagħna.  Ovvjament dan kollu jitlob viżjoni ċara u determinazzjoni u aħna kommessi li nżommu mal-impenji tagħna. Hawnhekk nixtieq naqsam l-aprezzament li l-Gvern Svediż għandu għall-kontribut ta’ Malta f’dan il-qasam, anke permezz tal-ħidma u s-servizzi tas-Sur Michael Zammit Cutajar.
Iddiskutejna  l-qasamtas-superviżjoni finanzjarja Ewropea;  skond il-Prim Ministru Reinfeldt, il-Presidenza Svediża qed timmira li din tkun imwaqqfa sal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li ġej. Ħafna minn dan ix-xogħol mistenni jsir fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ekonomija u l-Finanzi, l-ECOFIN. Jiena emfassizzajt il-ħtieġa li l-kompetenzi tal-pajjiżi individwali għandhom ikunu ċari f’dan il-qafas, punt li dawru jeżisti qbil. Jekk ser jidher li l-G20 Summit li huwa ppjanat li jinżamm f’Pittsburgh bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru li ġej ser jiddiskuti sewwa s-superviżjoni finanzjarja, il-Presidenza Svediża ser tara li l-posizzjoni tal-pajjiżi li huma Membri fl-Unjoni Ewropea tkun waħda maqbula.
L-Istrateġija għall-BaħarBaltiku ġiet diskussa.  Malta qed issegwi b’interess u b’mod posittiv din l-istrateġija għaliex tista’ titfa dawl ukoll fuq il-politika u l-istrateġiji għall-Mediterran, qasam li anke skond il-Prim Ministru Svediż għandu jingħata aktar importanza.
Il-kwistjoni tal-immigrazzjoniġiet diskussa. Jiena urejt kif Malta tqis il-Proġett Pilota bħala proġett importanti ħafna u li huwa importanti l-Presidenza Svediża tiżgura li dan il-proġett ikun suċċess. Dan il-proġett għandu jgħin wkoll lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżviluppa il-ħiliet tagħha f’dan il-qasam. Ovvjament dan mhux biżżejjed u qbilna dwar l-importanza li jkomplu n-negozjati mal-pajjiżi ta’ transitu, inkluż il-Libja u t-Turkija u ħidma konġunta għal ripatriazzjoni tal-persuni li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni. F’dan ir-rigward it-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew għas-Sapport tal-Azil għandu kontribut partikolari.  Il-Ministru Billström tkellem dwar il-laqgħa tajba li kellu mal-Ministru Carm Mifsud Bonnici, partikolarment fil-kuntest tal-ħtieġa ta’ ftehim għal riammissjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu. L-awtoritajiet Svediżi jagħrfu li Malta teħtieġ solidarjetà partikolari mill-Unjoni Ewropea in vista tal-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżna.
Tkellimna dwar it-tkabbirtal-Unjoni Ewropea, anke dwar it-talba għas-sħubija li l-Iżlanda mistennija tressaq dal-waqt. Malta u l-Isvezja jaqblu li t-tkabbir tal-Unjoni huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Pajjiżi Membri.
Ġewwa l-Isvezja kelli wkolllaqgħat ma’ imprendituri ewlenin Svediżi fejn iddiskutejna l-opportunitajiet li toffri Malta, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.  Dawn il-laqgħat ikkonfermaw l-isem tajjeb li jgawdi pajjiżna, urew il-potenzjal kbir tagħna kif ukoll fetħu  interess ġdid.
Matul l-istess vjaġġ jiena żortil-Litwanja u l-Estonja fejn kelli laqgħat mal-Prim Ministru Litwan Andrius Kubilius u l-Prim Ministru Andrius Ansip tal-Estonja.  Ma’ dawn iż-żewġ Prim Ministri iddiskutejna kif bħala pajjiżi żgħar u fuq il-fruntiera tal-Unjoni Ewropea nistgħu naħdmu aħjar flimkien fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.  Iddiskutejna wkoll l-isfidi tal-immigrazzjoni illegali, il-bidla fil-klima u s-sigurta` fil-provvista tal-enerġija kif ukoll il-qagħda finanzjarja u ekonomika internazzjonali.

Mr Speaker,

Aħna parti minn din id-dinja liqiegħda taffaċċja kriżi finanzjarja u ekonomika u fl-istess ħin qed tfittex kif tindirizza sfidi kbar oħra bħalma huma l-immigrazzjoni illegali, it-tibdil fil-klima u s-sigurta` fil-provvista tal-enerġija.  Dawn huma realtijiet li huma marbutin ma’ xulxin b’mod intimu u ma nistgħux nindirizzawhom b’mod sodisfaċenti għal rasna u waħedna.
Pajjiżna għandu x-xorti lif’dawn il-mumenti qed ikun madwar il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjoniet li jolqtu lilna u lil uliedna. Aħna determinati li pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem.  Irridu nagħtu sehemna fit-tfassil tal-miżuri meħtieġa u qed naqsmu il-mezzi li qed ikunu disponnibli biex dawn l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet b’risq is-soċjeta` tagħna kollha.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow