Left arrow Mur Lura

Diskors tal-Onor Lawrence Gonzi, Prim Ministru, waqt it-tnedija taz-zewg volumi “Dictionary of Maltese Biographies” ta’ Michael J Schiavone – Berga ta’ Kastilja – il-Hamis, 2 ta’ Lulju 2009

pr1138
Date Icon 02/07/2009
Iż-żewġ volumi “Dictionaryof Maltese Biographies” li qed jiġu mnedija llum jiftħulna tieqa beraħ fuq il-ġens Malti, l-identità tagħna u n-nazzjon Malti.
Nazzjon hu magħmul qabelxejnmin-nies li jagħtuh forma ħajja bħala post abitat, post mimli bin-nies li huma r-ruħ tiegħu u li lkoll flimkien ħadmu biex sawru identità komuni.  Identità li tista’ tkun ukoll identità kumplessa, imħallta, li  fiha diversi aspetti varji. Nazzjon jinbena bil-mod il-mod, u sikwit bi tbatija, bil-kuntrasti, bil-kontribut konsistenti tan-nies tiegħu kollha. Ikoll flimkien huma  jħalltu f’ħaġa waħda l-ħiliet u l-aspirazzjonijiet kollha, u jaslu bil-mod il-mod imma b’determinazzjoni biex maż-żmien jipproduċu ambjent li ma hu xejn differenti minn familja.  Hi familja kbira, estiża, magħmula minn ġenerazzjonijiet varji li lkoll, waħda ħdejn l-oħra, isawru n-nazzjonalità fl-istadji tagħha matul l-istorja. Tradizzjoni reliġjuża, lingwa nazzjonali, wirt ambjentali, arkitettura, sistema ekonomika u soċjali, produttività u tant oħrajn.  Dawn huma lkoll partijiet ta’ organiżmu wieħed, li jissejjaħ nazzjon.
Dan kollu jgħodd għal kull nazzjon, għaliexil-kunċett ta’ nazzjon baqa’ sa żmienna ma varjax ħafna minn kif ilu li ġie definit mill-ħassieba bħala proġett li jista’ jeżisti, u mill-politiċi bħala dritt li fil-fatt imbagħad għandu jeżisti. Fil-qofol ta’ kollox hemm dejjem l-idea ta’ poplu li għandu wirt kulturali li jagħtih koerenza, identità, karattru, kburija xierqa u doveruża bih innifsu, u fuq kollox li għandu ħila li jħares lura għaliex jaf minn fejn telaq, u anki jħares ‘il quddiem għaliex jaf fejn sejjer.
Dan ifisser li nazzjon jaf fejn jinsab, fejn huissa u hawn. Dan l-għarfien jiksbu billi ma jitlifx il-perspettiva tal-istorja daqskemm tal-kontemporanjetà. Il-futur jinsab fuq l-għatba ta’ dawn it-tnejn. Meta niġbru l-elementi tal-wirt kulturali kollu tal-pajjiż, ikollna sewwa sew l-aqwa u l-isbaħ definizzjoni li jista’ jkollna.  Identità nazzjonali tfisser nies matul ġenerazzjonijiet differenti, imlaqqgħin flimkien fil-pjazza tal-kunsens, fejn jagħrfu lil xulxin bħala aħwa u sħab, immexxijin mir-rieda tajba, mill-għaqal u mill-għan li jaslu għall-kisbiet tagħhom. Malta kellha x-xorti li l-elementi essenzjali tal-identità tagħha wassluha biex ma tinħallx fix-xejn u tasal sal-ogħla rikonoxximenti fid-dinja, inkluża fi żmienna s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. L-identità nazzjonali tagħna ġiet ippremjata anki mid-dinja.
Illum qegħdin niċċelebraw il-ħiliet u l-kisbietreali ta’ ommijietna u ta’ missirijietna, u tagħna l-kontemporanji, ta’ kull età u ħila. Qegħdin nagħrfu l-isem u l-kunjom u l-kontribut ta’ tant u tant Maltin li matul is-sekli ħallew jew qegħdin iħallu llum is-sehem siewi tagħhom fil-kostruzzjoni fiżika u morali mingħajr waqfien ta’ pajjiżna. Id-dar editriċi “Pubblikazzjonijiet Indipendenza” issa ilha snin sħaħ tkabbar il-librerija Maltija b’firxa wiesgħa ħafna ta’ pubblikazzjonijiet ta’ natura diversa.  Tatna kotba  li jidħlu f’ħafna kategoriji tal-għerf. Tatna xogħlijiet li taw sehem kbir fil-proċess li ninsabu fih u li hu politika ewlenija tagħna fi żmienna: li nagħrfu aħjar lilna nfusna, lil ommijietna u lil missirijietna, lill-wirt li ħallewna bħala dokument tagħhom u li aħna għandna l-jedd li ngawduh illum daqskemm għandna d-dmir kbir li nħarsuh b’kull mod biex jgħaddi bla mittiefes lil uliedna u lil ulied uliedna. Malta hi tagħhom ukoll bi dritt, u hi biss mislufa lilna għal ftit żmien. Hi ta’ kulħadd, jiġifieri hi tal-ġenerazzjonijiet kollha.
Din hi qabelxejn il-vokazzjoni ta’ dawn iż-żewġvolumi kbar li qiegħed jagħtina Michael Schiavone, “Dictionary of Maltese Biographies”, xogħol tassew voluminuż u mimli dettalji ta’ kull tip dwar il-ħidma siewja f’kull qasam tal-ħajja ta’ tant u tant nisa u rġiel Maltin ta’ kull żmien.
“Dictionary of MalteseBiographies” jikkonferma kemm il-Maltin kienu u huma bennejja għaqlin ta’ pajjiżna.  Ilkoll flimkien taw il-kontribut tagħhom biex minn pajjiż ċkejken ħolqu nazzjon ta’ kultura kbira, impressjonanti, mifruxa fuq mill-inqas sebat elef sena, preżenti f’kull qasam tal-ħajja, b’lingwa nazzjonali, b’ħajja tipika fl-oqsma kollha.
L-identità Maltija, li l-Gvern Malti tħabatf’leġislaturi differenti li jħares u jgħinha tikber u tissaħħaħ, hi l-aqwa kredenzjali li Malta kellha biex waslet għas-sovranità politika tagħha fis-snin sittin, u biex ħames snin ilu ħadet imbagħad bil-jedd kollu l-post xieraq tagħha fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.  Din id-deċiżjoni politika, aktar milli fil-każ ta’ pajjiżi wisq akbar, kellha wkoll bażi kulturali, u mhux biss ekonomika. Kienet ukoll kwistjoni akbar mill-ekonomija u l-aspetti purament politiċi. Kienet ukoll kwistjoni tad-dritt ta’ pajjiż li għandu tant kultura antika mill-aqwa, li tlaqqa’ fi ħdanha lill-aqwa patrimonji tal-Mediterran u anki lil oħrajn mhux Mediterranji.  Hu l-każ ta’ pajjiż li minnu nnifsu għandu l-kwalifika biex jitqies bħala nazzjon u għalhekk ukoll bħala stat li postu naturali huwa fost l-imseħbin fl-Unjoni Ewropea.  Wassalna anki lil-lingwa nazzjonali tagħna biex tkun waħda mil-lingwi nazzjonali ta’ kontinent sħiħ.  Aħna kburin li għamilna tant biex din l-art ħelwa tkun stmata.
L-identità nazzjonali tidher li tinfirexfl-oqsma kollha tal-ħajja, mhux biss għaliex din hi ħaġa naturali tal-bniedem hu fejn hu, imma wkoll għaliex il-Maltin kienu u għadhom nies ta’ intrapriża, nies li jidħlu għall-isfidi f’kull proġett ta’ ġid u saħħa li jista’ jagħmel lil Malta aħjar. Għandna f’idejna kompendju vast ta’ Maltin li taw is-sehem tagħhom biex lil Malta stajna minn żmien ilu u fi żmienna nsejħulha pajjiż ċivili, emanċipat, denn li jkun parti mill-familja tal-ġnus u fil-familja tal-Unjoni Ewropea.
Dan ix-xogħol juri għal darba oħra kemmiċ-ċiviltà Maltija hi ugwalment antika u attwali. Hi mnissla mill-qedem daqskemm hi ħajja u vivaċi fi żmienna. F’idejna għandna dokument ta’ xi ħaġa meraviljuża f’Malta: dokument ta’ kemm il-kultura hi apprezzata ħafna mill-Maltin, kif juri l-programm kulturali ffullat, tassew iffullat, ta’ pajjiżna fi żmienna, f’kull staġun, f’kull ġurnata tal-ġimgħa, f’livell kemm nazzjonali u kemm lokali.  Hi ħaġa tassew impressjonanti kemm Malta hi involuta f’attivitajiet li juru l-grad għoli u intens tal-impenn kulturali tagħha fl-oqsma kollha tal-kultura.
Dan id-dizzjunarju jagħti wkoll xhieda tal-fattli Malta, pajjiż ta’ ċiviltà kbira, hi wkoll Malta li għandha tradizzjoni demokratika twila ġmielha. Hi tradizzjoni magħmula mhux biss minn kisbiet reali, formali, li ħadu ż-żmien biex ġew, imma wkoll minn fehmiet, minn orjentamenti tal-ħsieb li huma diġà demokratiċi ħafna qabel ma setgħet isseħħ id-demokrazija bħala sistema vera u proprja.
Dan hu xogħol li wieħed iqallbu biex jiskopris-sorpriżi sbieħ kollha li toffri l-kultura Maltija, kultura għanja li hi mikrokożmu ta’ storja  ta’ reġjun sħiħ, u anki ta’ kontinent sħiħ. Din il-konċentrazzjoni hi rari, jekk mhux eċċezzjonali, meta wieħed iqis id-daqs tat-territorju. Hi sewwasew din li tirrendi lil dan id-dizzjunarju tassew interessanti, mimli avventuri ta’ għarfien għal kull min se jikkonsultah mhux biss biex jagħraf aħjar lil art twelidna fis-setturi tagħha kollha, imma wkoll biex ikompli jifraħ li pajjiżna huwa pajjiż li rnexxa għaliex hu pajjiż li ilu sekli jfittex li jemanċipa ruħu, li jilħaq livelli dejjem ogħla ta’ ċiviltà, rispett u finezza.
Dan ix-xogħol jirrappreżenta l-istorja tal-ħsiebMalti, tar-riżultati diversi li ħarġu minn dan il-ħsieb, u tal-isforzi kontinwi li saru fil-livelli kollha biex Malta saret dak li hi llum: mużew impressjonanti ta’ storja, pajjiż li jistħoqq l-attenzjoni ta’ kulħadd minħabba l-ġmiel naturali u r-raffinatezza arkitettonika, u l-esperjenza intellettwali f’kull qasam. Fejn il-Malti kellu l-opportunità li jagħti prova tal-ħila tiegħu tal-moħħ u tal-id.
Illum imiss lilna li nimpenjaw ruħna iżjed biexinsaħħu l-identità ta’ pajjiżna, inħarsuha u anki nagħtu prova li hi ħajja. Hi trid tkun il-kawża ewlenija tal-fiduċja ta’ wliedna u wlied uliedna fihom infusna. L-identità hi kwistjoni ta’ fiduċja personali u kollettiva. Irridu nsaħħu l-identità Maltija anki biex uliedna ma jkunux inqas minn ħaddieħor, biex ma jħossuhomx nieqsa mill-għeruq meta kulħadd hu kburi bl-għeruq tiegħu. Irridu niggarantixxu anki dan l-appoġġ mentali u komportamentali lil uliedna.
Nifraħ minn qalbi lil Michael Schiavone għal dinl-opra tassew sabiħa, utli u mimlija informazzjoni, li tana biex ikompli jkabbar il-fiduċja ta’ Malta fiha nnifisha, fl-identità sabiħa tagħha, fil-kultura antika u moderna tagħha, f’dak kollu li lil art twelidna jagħmilha dak li hi.
Jiena ċert li dan ix-xogħol se jkun ktieb ta’riferiment kull fejn hemm il-Maltin, u kull fejn il-Maltin jixtiequ jkunu jafu aħjar min kienu u min huma.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow