Left arrow Go Back

L-ISPEAKER L-ONOR LOUIS GALEA, JIRRAPREŻENTA LIL MALTA FL-OKKAŻJONI TA’ L- FL-20 ANNIVERSARJU TAL-ĦELSIEN TAL-UNGERIJA MILL-KOMUNIŻMU

PR1109
Date Icon 27/06/2009
“Il-ġrajjiet storiċi ta’għoxrin sena ilu li għaqdu lill-Ewropa mill-ġdid u ħelsu l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant mill-ħakma dittatorjali tar-reġimi komunisti dominati mill-Unjoni Sovjetika għadhom mhux biżżejjed apprezzati.” Dan sostnieh Gunther Verheugen, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, li wissa lil mexxejja Ewropej kontra viżjoni u rieda politika dgħajfa u appellalhom sabiex jerfgħu r-responsabilitajiet li l-istorja tal-ġrajjiet ta’ għoxrin sena ilu tpoġġi fuqhom sabiex iwettqu l-messaġġ li dawn il-ġrajjiet għaddew lill-Ewropa u lid-dinja.
Fil-belt kapitali Budapest,illum l-Ungerija fakkret l-għoxrin anniversarju tal-ħelsien tagħha mid-dominazzjoni tal-Unjoni Sovjetika, ir-ritorn għal-libertà u d-demokrazija, u tas-sehem tagħha għar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja u tal-Ewropa bit-tiċrit tal-Purtiera tal-Ħadid u l-ftuħ tal-fruntiera mal-Awstrija għall-Ewropa tal-Punent li ġabu magħhom il-waqà tal-Ħajt ta’ Berlin. Louis Galea, l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, irrapprezenta lil Malta f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Huwa kien akkumpanjat mill-Assistant Skrivan tal-Kamra, Ray Scicluna.
It-tifkira saretfil-Parlament Ungeriż u ġiet preseduta mill-iSpeaker Katalin Szilli. L-ewwel sessjoni ġiet indirizzata mill-President tal-Ungerija, Laszlo Solyom, u mill-Presidenti tal-Germanja, l-Awstrija, Finland, is-Slovenia, l-Isvizzera u mill-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea Gunther Verheugen. Il-President Amerikan Barak Obama kien rappreżentat mir-Rappreżentant tal-Kungress David Price li qara messaġġ tal-President Amerikan.
Fost il-protagonistital-ġrajjiet ta’ għoxrin sena ilu li indirizzaw il-mistiedna distinti kien hemm il-Prim Ministru Ungeriz ta’ dak iż-żmien Miklos Nemeth. Fl-1989, wara proċess ta’ żviluppi politiċi u ekonomiċi fl-Ungerija li ħa numru ta’ snin,  il-gvern ta’ Nemeth iddeċieda li jċarrat il-Purtiera tal-Ħadid, jiftaħ il-fruntiera mal-Awstrija u jħalli eluf ta’ rifuġjati mill-Germanja tal-Lvant jaqsmu għall-Awstrija u jidħlu fil-Ġermanja tal-Punent. Il-ġrajja hi simbolizzata miż-żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ungerij u l-Awstrija, Gyula Horn u Alois Mock, li fis-27 ta’ Ġunju, 1989, bi mqassijiet kbar qatgħu l-barbed wire li kien jissepara l-fruntiera taż-żewġ pajjiżi.
F’dan il-mument storiku kienstrumentali is-sehem ta’ Mikhail Gorbachev, dak iż-żmien il-mexxej tal-Unjoni Sovjetika, li kien nieda il-proċess tal-perestroika u ħa d-deċiżjoni li l-forzi armati sovjetici ma jintervjenux biex iwaqqfu dawn l-iżviluppi. Il-Kanċillier Ġermaniz ta’ dak iż-żmien, Helmut Kohl, kien iddeskriva is-sehem tal-Ungerija fl-1989 bħala l-ewwel pass fit-twaqqigħ tal-Ħajt ta’ Berlin li kien qed jaqsam l-Ewropa fi tnejn u fir-riunifikazzjoni tal-Ewropa.
Diversi kelliema rreferewgħas-sena 1989 bħala “Is-Sena tal-Mirakli fl-Ungerija u fl-Ewropa”. Kellhom jgħaddu kważi ħamsin sena ta’ ħakma taħt reġimi komunisti servili għall-Unjoni Sovjetika qabel l-Ewropa reġgħet ingħaqdet u sabet il-paċi fil-libertà u d-demokrazija. Il-proċess kien wieħed mimli sagrifiċċji, oppressjoni u telf ta’ ħajjiet f’diversi rivoluzzjonijiet, fosthom f’Berlin tal-Lvant fl-1953, fil-Polonja u fl-Ungerija fl-1956, fir-Rebbiegħa ta’ Praga fiċ-Ċekoslovakkja fl-1968,  għal darb’ oħra fil-Polonja fl-1976 u l-1979, u bil-moviment Pollakk Solidarnosc fl-1980-1981. Kull darba l-Unjoni Sovjetika interveniet biex ixxejjen l-isforzi tal-popli għall-ħelsien u l-libertà. Il-proċess ta’ riformi li nieda Gorbachev iżda ħarġu fil-beraħ id-dgħjufija tas-sistema totalitarja tal-Unjoni Sovjetika li ma kienetx aktar kapaċi twaqqaf il-proċess ta’ reżistenza li nfirex mal-pajjiżi kollha tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li kienu taħt id-dominju tagħha. Dawn il-ġrajjiet storiċi taw bidu għal proċess u era ġdida ta’ relazzjonijiet bejn il-pajjiżi Ewropej mibnijin fuq il-paċi, it-tama u l-fiduċja fost u bejn il-popli u l-mexxejja tagħhom.
Diversi kelliema fakkru l-laqgħata’ George Bush u Mikhail Gorbachev f’Malta li issiġillat il-korsa l-ġdida fl-istorja tal-Ewropa u tad-dinja. F’dawn il-ġrajjiet kellhom sehem kruċjali diversi organizzazzjonijiet volontarji. Iżda l-aktar waħda magħrufa u l-aktar waħda msemmija fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-lum hija l-għaqda Maltese Charity Service li dak iż-żmien kienet immexxija minn Fr Imre Kozma.

DOI – 27.06.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow