INKJESTA FUQ IL-MEKKANIŻMI TA’ KONTROLL, LI ĠEW UŻATI MILL-AWTORITA’ DWAR IT-TRASPORT (ADT), FUQ PROĠETTI TA’ BINI TA’ TOROQ, LI KIENU PARTI FFINANZJATI MILL-ĦAMES PROTOKOLL FINANZJARJU BEJN L-ITALJA U MALTA
L-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-Parlament riżultat ta’ inkjesta li kien ġie mitlub jagħmel mill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Din kienet inkjesta dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll li ġew użati mill-ADT biex bihom timmaniġġja varjazzjonijiet fi proġetti ta’ bini ta’ toroq. Dawn il-proġetti kienu parti ffinanzjati mill-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn l-Italja u Malta.
Din l-inkjesta kienet tikkonsisti f’evalwazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ kontroll u f’evalwazzjoni ta’ espert tekniku, imqabbad apposta, biex jistudja t-tender relevanti u d-dokumenti li jsostnuha.
Waqt li ġie osservat li l-proġetti tlestew fil-ħin u li kien hemm titjib sostanzjali fil-proċess ta’ ppjanar, kienu nnotati dawn in-nuqqasijiet prinċipali:
- Il-fatt li dawn il-proġetti ġew meqjusa bħala li kienu tender dipartimentali wassal biex Ir-Regolamenti dwar Kuntratti Pubbliċi, għal dak li hu xiri, li normalment iservu wkoll ta’ kontroll, ġew mibdula b’sistemi ġodda mhux ittestjati.
- L-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi biex l-ADT timmaniġġja dawn il-proġetti ta’ xiri barra mill-qafas regolatorju l-aktar applikat fis-settur pubbliku, ma kkunsidratx li jista’ jkun hemm nefqa aktar milli dik stmata. Minn nefqa, oriġinarjament allokata ta’ Lm12.9M (fondi mill-Protokoll Finanzjarju bejn l-Italja u Malta għal xogħlijiet ta’ toroq), l-ispiża ta’ dan il-proġett telgħet għal Lm16.5M.
- L-ADT iddelegat ir-responsabilità ta’ tmexxija ta’ dan il-proġett lil Supervisors (esterni) li kienu ġew nominati mill-Kuntratturi. L-ebda evidenza ma nstabet biex tipprova li l-ADT żammet mal-istruzzjonijiet tal-Ministerugħall-Iżvilupp UrbanuToroq biex iżżomm kontrolli għal rasha.
- Waqt li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) kien qed jiċċekkja proġett kampjunarju nstab li l-ADT kienet addottat proċess mhux tas-soltu li bih saru l-pagamenti. Permezz ta’ dan il-proċess, f’waqtiet, il-kont tal-Kuntrattur kien fi kreditu.
- Instabu wkoll żbalji f’kontijiet. Dawn damu ma ġew innotati u rranġati. Kien hemm każ partikolari fejn żball baqa’ ma ġiex innotat.
- Tqajmu mistoqsijiet dwar il-mod li bih l-ADT addottat verżjoni modifikata tal-mudell ta’ kuntratt FIDIC, bl-implikazzjonijiet li modifikazzjonijiet bħal dawn iqanqlu.
- Ir-rwol tas-Supervisor ma kienx definit b’mod korrett u l-perċezzjonijiet ta’ trasparenza, effettività u kontabilità ġew imtappna b’dik li dehret li setgħet kienet konnessjoni bejn il-Kuntrattur u s-Supervisor. Id-diversi rwoli mogħtija lis-Supervisor għamluha aktar diffiċli li jinżamm distakk ċar bejn l-istess Supervisor u l-Kuntrattur.
Saru numru ta’ rakkomadazzjonijiet pertinenti biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet.
Ir-Rapport jidher fis-Sit Elettroniku tal-NAO: www.nao.gov.mt b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2009.
DOI – 15.06.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984