Tnaqqis ta’ 5% fil-kawżi pendenti fil-Qrati tal-Ġustizzja bejn Settembru 2008 u Marzu 2009
Iż-żieda fl-effiċjenza tal-Qrati tal-Ġustizzja qed iwasslu biex il-poplu Malti jinqeda aħjar. Dan joħroġ min-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qrati li juri li dawn naqsu b’5% fis-sitt xhur bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u l-31 ta’ Marzu 2009. L-istess statistika turi anke li t-tul ta’ żmien li kawża tieħu biex tinqata ukoll kompla jonqos.
Waqt diskors qasir qabel l-għoti ta’ warrants lil 21 avukat u żewġ prokuraturi legali ġodda, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici qal li dan kien frott ħidma aktar effettiva u veloċi mill-Ġudikatura Maltija, iżda anke frott in-numru ta’ riformi li daħħal il-Gvern fl-aħħar snin fil-qasam tal-ġustizzja, bħat-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar li wkoll ra qabża sinifikanti ’l quddiem tul il-perjodu msemmi.
Ta’ min jinnota li dan it-tnaqqis kien imqassam fuq diversi oqsma:
| Appell Ċivili Superjuri | -6% |
| Appelli Inferjuri | -26% |
| Prim Awla | -4% |
| Qorti tal-Maġistrati | -4% |
| Tribunal Talbiet Żgħar | -7% |
Il-Ministru Mifsud Bonnici kompla jgħid li għalkemm in-numru ta’ kawżi ġodda baqa’ kostanti, llum fil-Qrati l-ikbar ammont ta’ kawżi ilhom pendenti biss bejn sena u tliet snin, u dan huwa titjib importanti, meta wieħed iqis li sa ftit żmien ilu, it-tul medju tal-kawżi kienet ta’ bejn sitta u seba’ snin.
Filwaqt li feraħ lill-avukati ġodda għal din il-kisba importanti fil-karriera tagħhom, l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern fakkarhom fl-importanza tar-rwol tal-avukat fit-tħaddim tal-ġustizzja u kif din il-professjoni kienet wasslet għal qabża ‘l quddiem fiċ-ċivilizzazzjoni meta din iddaħħlet fi żmien ir-Rumani.
Huwa temm b’appell biex huma jżommu għoli l-livell tal-professjoni tal-avukati filwaqt li jimxu b’onestà u lill-klijenti tagħhom jgħidulhom dejjem il-verità.
DOI – 10.06.2009
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984