INIZJATTIVI FAVUR L-AMBJENT F’GĦAWDEX GĦALL-JUM DINJI TAL-AMBJENT
| Il-Ministeru għal Għawdex, se jinvesti f’aktar | panelli fotovoltaiċi permezz tas-somma ta’ €7,700 li ġew iffrankati mill-kont tal-elettriku tal-istess Ministeru bl-użu ta’ sistema ta’ panelli li kienet ġiet stallata f’dan il-Ministeru fl-2007. Il-Ministeru għal Għawdex huwa wkoll impenjat li jixtri żewġ karozzi elettriċi. Dawn huma żewġ inizjattivi oħra favur il-ħarsien tal-ambjent u t-twettiq tal-viżjoni Eko-Għawdex. |
| Dan tħabbar mill-Ministru | għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret viċin is-sistema ta’ panelli fotovoltaiċi fuq il-bejt tal-Ministeru għal Għawdex, bħala parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati mill-istess Ministeru fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent, li se jitfakkar nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju 2009. Din is-sistema ta’ panelli fotovoltaiċi li kienet ġiet ikkummissjonata f’Jannar tal-2007, għandha kapaċità ta’ 10 Kilowatts u hi l-ikbar sistema tat-tip tagħha fis-servizz pubbliku fil-gżejjer Maltin. |
| Il-Ministru | Giovanna Debono qalet li matul iż-żmien li ilha taħdem, din is-sistema pproduċiet 41,800 kWh ta’ elettriku, ekwivalenti għal 5% tal-enerġija kkonsmata mill-binja tal-Ministeru għal Għawdex u ċ-Ċentru Amministrattiv. Hija żiedet tgħid li dan ifisser tifdil ta’ €7,700 mill-kont tal-elettriku tal-Ministeru. |
Dan huwa ekwivalenti għal tnaqqis f’emissjonijiet ta’ 36.5 tunnellata ta’ Dijossidu tal-Karbonju (Carbone Dioxide) fl-arja, li hu ekwivalenti għall-emissjonijiet ta’ karozza misjuqa għal madwar 200,000 kilometru, jew konsum medju ta’ 7 familji ta’ 4 persuni f’kull dar (28 persuna). Il-pubbliku jista’ jara kif qed taħdem din is-sistema permezz ta’ link fuq is-sit elettroniku www.eco-gozo.com. L-informazzjoni fuq dan is-sit hija aġġornata kontinwament.
Matul din il-konferenza tħabbar ukoll li proprjament fil-Jum Dinji ta’ l-Ambjent, se jsir l-aħħar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-istrateġija Eko-Għawdex, fejn se tiġi ddedikata siegħa għal din il-viżjoni fi klassijiet fl-iskejjel primarji madwar Għawdex. Matul din is-siegħa fil-klassijiet ta’ tfal li għandhom bejn it-8 u l-10 snin, se ssir diskussjoni kif ukoll eżerċizzju ta’ kreattività fejn it-tfal se jpinġu dak li jaħsbu huma dwar Eko-Għawdex. L-istrateġija ta’ din il-viżjoni hi mistennija li tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.
DOI - 02.06.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984