DISKORS TAL-GĦELUQ MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI “5 SNIN FL-UNJONI EWROPEA” ORGANIZZATA MILL-‘MALTA-EU STEERING AND ACTION COMMITTEE’ (MEUSAC) - SAN ĠILJAN – L-ERBGĦA 20 TA’ MEJJU 2009
Mistiedna Distinti
Sinjuri
| Huwa l-pjaċir tiegħi li nkun hawn magħkom | illum għal din il-Konferenza Nazzjonali. |
| Nixtieq nirringrazzja lill-MEUSAC ta’ din l-inizjattiva | li tagħtina l-opportunità li mhux biss nevalwaw flimkien il-kisbiet ta’ pajjiżna wara ħames snin bħala membri fl-Unjoni Ewropea imma wisq aktar minn hekk li nħarsu ’il quddiem lejn aktar riżultati pożittivi għall-familji. |
| Nemmen li l-politika hija tassew strument li | biha tista’ b’mod konkret ittejjeb il-ħajja tan-nies. Biex tabilħaqq tkun politika ta’ ġid, il-bniedem għandu dejjem ikun fiċ-ċentru tal-ħidma politika. Minn dejjem kont konvint, imma dawn l-ewwel ħames snin urew biċ-ċar li l-Unjoni Ewropea hija verament proġett politiku li tpoġġi l-bniedem bħala l-qofol u l-fus tal-ħidma tagħha. U bi bniedem hawn qed nifhem l-omm, il-missier fil-familja; il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol; it-tfal fl-iskejjel u ż-żgħażagħ fil-proċess edukattiv u l-ħajja kulturali tagħhom; il-familja fl-ambjent li tgħix fih f’pajjiżna; dik il-persuna li għandha bżonnijiet soċjali aktar minn oħrajn; is-sidien tan-negozji li jinvestu ħinhom u flushom u li jimpjegaw lill-ħaddiema magħhom; jiġifieri kull wieħed u waħda minna f’pajjiżna. |
| Is-suċċess ekonomiku ta’ kull pajjiż m’huwiex | ċifra tat-tkabbir, imma għall-Gvern jitkejjel bit-tisħiħ tal-impjiegi u bil-ħolqien tax-xogħol. Ix-xogħol m’huwiex biss l-użu ta’ riżorsa produttiva imma aktar minn hekk, ix-xogħol jagħti d-dinjità lill- bniedem. Matul dawn il-ħames snin, inħolqu aktar impjiegi b’riżultat taż-żieda fl-investiment li kellna f’pajjiżna u b’riżultat ta’ investiment ġdid. Illum hawn aktar ħaddiema jaħdmu mas-settur privat, hawn aktar ħaddiema jaħdmu għal rashom. Hawn aktar investiment u b’hekk inħolqu u żdiedu aktar l-impjiegi. Qed nagħtu aktar inċentivi biex aktar nies jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Insemmi żewġ eżempji. Illum persuna li tagħlaq 61 sena u taħdem ma titlef xejn mill-pensjoni u mill-paga. Fi 12-il xahar 1,167 persuna li għandhom 61 sena jew aktar bdew jaħdmu. Fi 3 snin 1,384 omm gawdew mit-tnaqqis fl-income tax għaliex daħlu f’impjieg wara ħames snin. Minn din is-sena din l-inizjattiva twessgħet aktar biex aktar ommijiet jibqgħu f’impjieg. Fl-istess waqt il-Gvern fetaħ aktar child care centres u ħareġ skemi b’fondi tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħu ċ-child care centres privati u biex jingħata aktar taħriġ lil min jieħu ħsieb lit-tfal f’dawn iċ-ċentri. Il-politika tagħna hi politika li toħloq l-impjiegi u politika favur l-ommijiet, il-missirijiet u l-familja fil-bżonnijiet tagħhom biex ikun hemm bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. |
| Konxju tal-fatt li kien hemm numru ta’ | ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba r-ristrutturar ekonomiku li sar u l-effett tal-kriżi internazzjonali, imma hawn ukoll b’sens ta’ solidarjetà, u b’fondi tal-Unjoni Ewropea saru programmi apposta biex dawn in-nies ingħataw l-għajnuna biex isibu xogħol alternattiv. |
| L-ewro, timbru ieħor tas-suċċess ta’ sħubija | wkoll hu ta’ benefiċċju għall-konsumatur u l-investitur ġewwa pajjiżna. Fuq kollox, sa mill-ewwel sena li bdejna nużaw din il-munita, din kienet essenzjali biex ikollna kenn mill-kriżi internazzjonali. Għenet lill-pajjiż jilqa’ għal dan il-mewġ li seta’ kellu konsegwenzi negattivi fuq eluf ta’ ħaddiema. |
| Għalhekk sinjuri, id-dimensjoni ekonomika li | kienet ta’ suċċess hi fuq kollox suċċess għall-ħaddiema tagħna, għaż-żgħażagħ tagħna u għall-familji tagħna. Il-fondi li ksibna mill-Unjoni Ewropea, u nixtieq nisħaq fuq il-fatt li mhux biss Malta rċeviet ferm aktar milli kkontribwixxit imma Malta kellha l-ogħla absorption rate fl-użu tal-fondi, li wkoll tejbu l-ħajja tagħna u ta’ wliedna. Dan joħroġ biċ-ċar fl-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna. Il-Gvern immexxi minni jibqa’ jqis l-edukazzjoni s-sies ta’ kollox, l-aqwa għodda biex tgħin u tixpruna lill-poplu tagħna lejn żvilupp sħiħ ta’ kull persuna u lejn progress ekonomiku. Permezz ta’ programmi ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea 11,000 żagħżugħ u żagħżugħa u ħaddiema segwew programmi ta’ taħriġ; filwaqt li aktar minn 3,000 student pparteċipaw fi programmi edukattivi. Dan kollu minbarra l-investiment fl-Università, fil-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) u fl-Institute for Tourism Studies (ITS). |
| Il-fondi tal-Unjoni Ewropea kienu wkoll | stimulu importanti biex intejbu l-ambjent ta’ madwarna għall-ġid ta’ saħħitna; għall-ġid tat-tfal u tal-familji tagħna. Illum pajjiżna qiegħed jittratta l-iskart b’mod aħjar. Sar immodernizzar tal-impjant tar-riċiklaġġ. Qed jitnaqqsu l-emmissjonijiet fl-arja li kienu joħorġu mill-Magħtab. Sar titjib fil-kwalità tal-ilma b’investiment ġdid fl-impjanti tar-reverse osmosis u b’hekk 220,000 familja qed igawdu minn dan l-investiment. Saru impjanti ġodda biex jiġi trattat id-dranaġġ. Dawn l-inizjattivi fl-ambjent qed iwasslu wkoll biex jinħolqu aktar green jobs. Il-politika ambjentali li qed inwettqu għandha wkoll dimensjoni soċjali u ekonomika. |
| L-Unjoni Ewropea fissret li pajjiżna qiegħed | fuq il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li mhux biss jaffetwaw l-400,000 Malti u Għawdxi imma l-500 miljun ewropew. Din hija l-qawwa ta’ sħubija – li nkunu hemm bir-rappreżentanti tagħna f’kull istituzzjoni. Hawn ukoll għamilna kisbiet importanti għal pajjiżna għax kellna vuċi fid-deċiżjonijiet. F’Marzu li għadda sar qbil li Malta ma ddaħħal l-ebda VAT fuq il-mediċini u fuq l-ikel. Deċiżjoni li minnha jibbenefikaw il-familji. |
Sinjuri
| Anniversarju mhux biss okkażjoni biex inħarsu | lura lejn il-kisbiet li għamilna tul dawn is-snin. Aktar importanti minn hekk, irridu nitfgħu ħarsitna ’l quddiem biex inkomplu nagħmlu suċċess mis-sħubija. |
| Tul dawn l-ewwel snin ta’ sħubija rajna li | stajna nżidu l-informazzjoni kif ukoll it-tagħrif biex nibbenefikaw aktar mill-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan ħassejna l-ħtieġa li nerġgħu nwaqqfu l-MEUSAC biex filwaqt li tingħata aktar informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea; tikber il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili kif ukoll biex ikun hemm punt ta’ referenza biex bħala pajjiż, permezz tas-soċjetà ċivili nibbenefikaw aktar mis-sħubija. |
| Fix-xhur li ilu mwaqqaf, il-MEUSAC diġà | stabbilixxa preżenza f’pajjiżna b’numru ta’ suċċessi. Il-konsultazzjoni fuq liġijiet ewropej qabad ritmu tajjeb. ’Il fuq minn 200 persuna minn 40 organizzazzjoni differenti jipparteċipaw b’mod regolari. Fil-qasam tal-għajnuna li tingħata lis-soċjetà ċivili biex dawn igawdu minn programmi tal-Unjoni Ewropea, ir-riżultati s’issa huma nkoraġġanti ħafna. Il-MEUSAC f’erba’ xhur għen 37-il organizzazzjoni fi proġetti li jammontaw għal €6.3 miljun. Bħalissa, għandha mas-70 applikazzjoni oħra biex jiġu pproċessati. Dawn huma kollha proġetti li ser ikunu qed jagħmlu differenza għall-aħjar lin-nies fil-lokalitajiet tagħna. |
| Irridu li kulħadd jipparteċipa u jgawdi mill-programmi | tal-Unjoni Ewropea. Hekk inkunu qed niżguraw li sħubija tkun tabilħaqq suċċess għall-poplu, għal kull wieħed u waħda minna. |
| Irridu issa nħarsu ’l quddiem biex niżguraw | li dawn l-ewwel ħames snin huma biss il-bidu tas-suċċessi tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Biex dan iseħħ irridu nkomplu nagħmlu l-bniedem u l-familja fiċ-ċentru tal-ħidma politika tagħna kemm dik lokali, nazzjonali u dik ewropea. F’kull deċiżjoni li qed nieħdu qed naraw kif il-persuna tmur aħjar, ikollha aktar opportunitajiet u tkun tista’ tiżviluppa aktar. |
| Fis-snin li ġejjin, speċjalment fil-kuntest | preżenti, il-qofol tal-ħidma trid tkun iffukata fuq ix-xogħol. Irridu nkomplu nisfruttaw is-sħubija ta’ pajjiżna bħala mezz kif mhux biss niggarantixxu x-xogħol imma ferm aktar biex inkomplu nkattru x-xogħol għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna. F’dan iż-żmien fejn diversi pajjiżi għaddejjin minn diffikultajiet fil-qasam tal-impjiegi, pajjiżna qiegħed jagħti l-għajnuna lil dawk il-kumpaniji, fabbriki u intrapriżi li ntlaqtu mill-kriżi internazzjonali. B’dan il-mod, b’mod dirett salvajna aktar minn 2,000 impjieg. Fl-istess waqt komplejna ninċentivaw aktar il-ħolqien tal-impjiegi. Fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena l-Employment and Training Corporation (ETC) kellha 2,329 vacancy, din hi ċifra ta’ inkoraġġiment għaliex pajjiżna qiegħed joħloq aktar impjiegi. |
| Il-maltemp ekonomiku li għaddejjin minnu | bħalissa jgħaddi u għalhekk irridu nkunu lesti biex meta l-ekonomija globali terġa’ tirpilja aħna nkunu lesti biex naħtfu l-opportunitajiet. Dan ifisser li rridu nkomplu ninvestu, nirriformaw u niġġeddu. Irid jissokta l-investiment fl-infrastruttura u fil-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna. Għalhekk irridu nkomplu nagħmlu l-aħjar użu mill-1.159 biljun ewro li ksibna mill-Unjoni Ewropea. |
| Filwaqt li nkomplu nisfruttaw il-benefiċċji | tas-sħubija rridu naraw li nkomplu nħaddnu l-valur tas-solidarjetà fil-politika tagħna bħala Membri tal-Unjoni Ewropea. Solidarjetà fuq numru ta’ livelli. Irridu naraw li ħadd ma jibqa’ lura għalhekk irridu nkomplu ninvestu fin-nies tagħna u fil-qasam soċjali biex kulħadd jiżviluppa l-potenzjal tiegħu u tagħha. Irridu nuru solidarjetà mal-ġenerazzjonijiet futuri billi nkomplu ntejbu l-ambjent ta’ madwarna u ninvestu f’enerġija nadifa. Hekk inkunu mhux biss qed intejbu l-kwalità tal-ħajja fil-preżent imma nkunu qegħdin nagħmlu proġetti li jgawdu minnhom il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Inkunu qed inpoġġu fil-prattika l-politika ta’ żvilupp sostenibbli. |
| Fl-istess ħin li aħna nuru u nħaddnu s-solidarjetà | rridu naraw li l-Unjoni Ewropea tħaddan il-valur bażiku hi wkoll, speċjalment fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali. Quddiem traġedja umana u sfida għal pajjiżna rridu nwieġbu b’politika ispirata mill-valuri bażiċi tagħna bbażati fud id-dinjità tal-bniedem. Hekk kif poġġejna din l-isfida fuq l-aġenda ewropea, irridu nkomplu naħdmu biex l-Unjoni Ewropea toffri soluzzjonijiet ewropej għal din l-isfida billi tħaddan b’mod attiv is-solidarjetà bejn il-membri u jidħol fis-seħħ il-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. |
Sinjuri
L-isfidi quddiemna huma ħafna kif ukoll l-opportunitajiet. L-istess kienu ħames snin ilu fejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea offriet sfida kbira kif ukoll opportunitajiet. Fl-ewwel ħames snin tas-sħubija wettaqna ħafna. Sarrafna s-sħubija b’riżultati konkreti, f’inizjattivi ta’ ġid fl-edukazzjoni, fl-ambjent, fil-qasam soċjali, f’Għawdex u f’aktar xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema. Il-Gvern immexxi minni jemmen u għandu fiduċja fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Is-suċċess li ksibna tul dawn il-ħames snin huma xhieda ta’ dan. Konvint li flimkien, b’deċiżjonijiet għaqlin u responsabbli ser inkomplu nirnexxu.
DOI – 20.05.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984