Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT, WAQT LAQGĦA GĦALL-GUIDANCE TEACHERS, ORGANIZZATA MILL-MFSA– ‘TNEDIJA TA’ JOB SHADOWING EXPERIENCE FIS-SERVIZZI FINANZJARJI’ – FLORIANA - 20 TA’ MEJJU 2009

PR0872
Date Icon 20/05/2009
Jiena ċerta li lkoll kemm intom tifhmu r-rwolu s-sehem importanti li għandkom bħala Guidance Teachers, biex tassistu lill-istudenti biex jagħżlu l-karriera tagħhom billi tinfurmawhom dwar l-aspetti kollha tal-ħtiġijiet tas-suq u l-possibiltajiet u opportunitajiet li jeżistu u li jinħolqu minn żmien għal żmien.
L-iskema pilota li se tniedi l-Awtorita’għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) flimkien mal-istħarriġ li għamlet l-istess Awtorita’ dwar in-nuqqas ta’ ħiliet f’dan il-qasam u l-pjan ta’ azzjoni biex dawn ikunu ndirizzati, huma żewġ żviluppi importanti – riżultat tal-kollaborazzjoni bejn il-Guidance Unit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji liema kollaborazzjoni bdiet fl-2007.
Il-Gvern Malti identifika l-qasamtas-servizzi finanzjarji bħala wieħed mill-oqsma ta’ eċċellenza li rridu nilħqu sal-2015. Għalhekk hu importanti li jittieħdu inizjattivi tanġibbli mhux biss biex jidentifikaw in-nuqqasijiet ta’ persuni mħarrġa fis-settur imma biex imbagħad nibdew nippreparaw ħaddiema prospettivi, anke mil-livell tal-edukazzjoni sekondarja.
Il-qasam tas-servizzi finanzjarji hu wieħedli qajla tista’ tippromovih b’mod viżwali. Għalhekk din l-inizjattiva ta’ “job shadowing” li qed tintroduċi l-MFSA fuq suġġerimenti tal-għalliema tal-guidance, hi eżerċizzju importanti għall-promozzjoni ta’ karriera f’dan il-qasam u allura ssib l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Bħal kull skema simili oħra, għandha toffriokkażjoni lill-istudenti li se jipparteċipaw fiha, biex iduqu l-ambjent tax-xogħol u allura jsiru konxji tal-importanza tad-dixxiplina u l-impenn meħtieġ biex wieħed jaħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Nittama li dan il-proġett pilota, bil-ħidmabejn l-MFSA u l-Guidance Unit tal-Ministeru u bil-kollaborazzjoni ta’ aġenziji liċenzjati biex jaħdmu f’dan il-qasam li joffru kollaborazzjoni billi jaċċettaw studenti fil-postijiet tagħhom, ikun jista’ jespandi biex jinvolvi aktar studenti u operaturi.
Dan il-proġett jista’ jitqies bħala il-latprattiku tal-programm għall-orjentazzjoni ta’ karrieri li tfassal bejn l-MFSA u l-Guidance Unit. Grazzi għal dan il-programm, madwar 500 student u studenta ta’ Form IV u Form V minn 23 skola tal-Gvern, tal-Knisja u skejjel indipendenti, għamlu żjarat fl-uffiċini tal-MFSA bejn Novembru 2008 u Marzu 2009, fejn ingħataw tagħrif dwar il-qasam finanzjarju u l-karrieri li dan joffri. Jien infurmata li l-MFSA issa qed toffri dan il-programm ukoll lil studenti mill-Junior College u mill-Universita’.
Nixtieq nagħmel riferenza wkoll għall-proċessta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni li qed imexxi l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Edukazzjoni fi ħdan l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji. Grazzi għall-ħidma ta’ dan il-Kunsill Konsultattiv, l-MFSA ġiebet jaħdmu flimkien il-Guidance Unit tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, l-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ u numru ta’ istituzzjonijiet edukattivi privati.
L-iskop ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu lijiġbor flimkien u jirrazzjonalizza r-riżorsi bl-iskop li jkunu provduti programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali skond id-domanda perjodika tal-industrja tas-servizzi finanzjarji..
Ix-xogħol li qed jagħmel dan il-Kunsilljikkumplimenta l-ħidma li qed tagħmel l-Universia’ ta’ Malta u istitutzzjonijiet privati li jirrappreżentaw universitajiet barranin. Il-pjan ta’ azzjoni imfassal mill-Kunsill biex jissodisfa n-nuqqasijiet li joħorġu mis-survey tal-Awtorita’jenfasizza r-rwol importanti tal-istituzzjonijiet edukattivi biex jipprovdi korsijiet ta’ livell lil dawk li jridu jagħmlu karriera fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Karrieri lil-Ministeru tiegħi organizza f’April li għadda, uriet b’mod ċar li filwaqt li hemm interess f’karrieri fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, għad hemm bżonn li l-istudenti tagħna jkunu mgħarrfa dwar id-diversi possibbiltajiet li jeżistu f’dan il-qasam. L-istess jista’ jingħad dwar il-varjeta’ ta’ korsijiet u taħriġ li dawn iż-żgħażagħ jistgħu jagħżlu li jagħmlu darba jakkwistaw ir-riżultati tas-SEC.
Iżda dan is-settur mhux miftuħ bissgħaż-żgħażagħ li se jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja jew studji f’istitutzzjonijiet aktar għolja. Hu miftuħ ukoll għal adulti li forsi diġa’ għandhom impjieg imma li jixtiequ jfittxu impjieg ieħor li jkun aħjar u jirrendilhom aktar.
Biex dan il-proġett jirnexxi, hemm bżonnl-għajnuna tagħkom il-Guidance Teachers li tiltaqgħu mal-istudenti tagħna kuljum fl-iskejjel tagħhom. Tridu tkunu intom li tispjegawlhom l-opportunitajiet li jipprovdi l-qasam tas-servizzi finanzjarji u tinkoraġġuhom biex jidħlu għal din l-esperjenza interessanti.
Għalhekk nixtieq inħeġġeġ lill-Awtorita’għas-Servizzi Finanzjarji, il-Guidance Unit, l-MCAST u dawk kollha interessati biex isostnu u fejn ikun hemm bżonn issaħħu dan il-proċess ta’ kollaborazzjoni u konsultazzjoni ta’ bejniethom. B’dan il-mod, is-settur tas-Servizzi Finanzjarji jista’ jkompli jibbenefika minn impjegati li jkunu lesti u preparati biex jidħlu fis-settur b’responsabbilta, professjonalita’ u etikament preparati.
Fl-aħħarnett nixtieq nirringrazzjalill-operaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji li qed jappoġġjaw din l-inizjattiva kif ukoll lill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji u t-tmexxija tal-Guidance Unit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-ħidma li qed jagħmlu biex dan il-proġett pilota jkollu s-suċċess mixtieq.

DOI – 20.05.2009

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow