Left arrow Mur Lura

INKJESTA DWAR DIRECT ORDERS U KUNTRATTI FL-ISPTAR MATER DEI: SERVIZZI KLERIKALI/OSPITALITÀ, SIGURTÀ, PARKEĠĠ U T-TREĠIJA TAT-TRAFFIKU

PR0821
Date Icon 13/05/2009
L-Awditur Ġenerali rrapporta lill-Parlamentdwar inkjesta li ġiet mitluba minn tliet Membri tal-Kumitat Permanenti Dwar il-Kontijiet Pubbliċi f’Awwissu 2008 dwar kuntratti għal servizzi klerikali/ospitalità, kif ukoll ta’ sigurtà, parkeġġ u treġija tat-traffiku fl-Isptar Mater Dei. F’din it-talba ġie propost li l-Awditur Ġenerali jeżamina l-kuntratti, hawnhekk involuti, kemm mil-lat finanzjarju u t’osservanza, kif ukoll biex jivverifika kienx hemm valur għal flus minfuqa.
Mill-investigazzjoni li saret instab li t-trasferimentgħall-Isptar Mater Dei fis-sena 2007 poġġa pressjoni fuq l-awtoritajiet tas-saħħa biex jingaġġaw aktar skrivani u assistenti klerikali fis-swali biex jimlew vakanzi li akkumulaw matul is-snin fl-Isptar San Luqa, kif ukoll biex tittieħed deċiżjoni li għal dawn is-servizzi toħroġ sejħa għall-offerti. L-approvazzjoni biex tinħareġ din is-sejħa għall-offerti għal servizzi klerikali/ospitalità ġiet mitluba wara li kien diġà ġie ppublikat l-avviż li jitlob ditti biex jissottomettu l-offerti tagħhom. Ma sarux arranġamenti fil-ħin biex tinħareġ mill-ġdid sejħa oħra għall-offerti, u dan wassal biex it-Tender ġiet estiża diversi drabi.
Ftit wara l-ftuħ tal-Isptar il-ġdid, il-Gverniddeċieda li jnaqqas it-tariffi tal-parkeġġ wara konsiderazzjonijiet soċjali. Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi għall-provvediment tas-sigurtà esterna, parkeġġ u treġija tat-traffiku kien diġà ngħata, u t-tibdil li kien hemm fit-tariffi wassal għal arranġamenti ġodda. L-akbar inkwiet għall-Gvern kien kif se jwettaq dawn it-tibdiliet fl-iqsar żmien possibli u fl-istess ħin jiżgura li jkun hemm kontinwità fis-servizzi. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li b’aktar sforzi indirizzati lejn l-evalwazzjoni u n-negozjat tal-kundizzjonijiet ġodda kontrattwali, li faċilment il-Gvern seta’ segwa, l-għanijiet biex jiġi żgurat li jkun hemm valur għal infieq tal-flus kienu jintlaħqu.
Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt ukoll, għaldawk li huma servizzi tas-sigurtà interna fl-Isptar Mater Dei, ittieħdet wara li ġie deċiz li l-personnel tas-sigurtà jibqa’ jaqdi dmirijietu fl-Isptar San Luqa. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li numru eċċessiv ta’ staff tas-sigurtà nżamm l-Isptar San Luqa u, għalkemm ittieħdu miżuri biex jonqos dan l-istaff, dan in-numru għad irid jiġi mnaqqas iżjed ladarba jiġu indirizzati ċerti diffikultajiet.
Il-kuntratt għal servizzi tas-sigurtà internafl-Isptar Mater Dei ġie mogħti xahrejn qabel is-sottomissjoni tat-talba għall-approvazzjoni għal direct order. Dan sar ukoll sitt xhur qabel l-iffirmar tal-kuntratt. L-approvazzjoni biex jiġi estiż il-kuntratt oriġinali għal servizzi tas-sigurtà interna ngħatat ħames xhur wara t-tmiem tal-istess kuntratt.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sablimitazzjonijiet f’dak li hu contract management. Dawn jinkludu informazzjoni mhux kompluta jew inkonsistenti relatata mal-provvedementi ta’ servizzi klerikali/ospitalità u servizzi ta’ sigurtà interna. Il-verifikazzjonijiet qabel il-ħruġ ta’ pagamenti kienu limitati. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jħoss li hemm bżonn li tiġi żviluppata sistema aktar komprensiva biex l-eżekuzzjoni ta’ servizzi, li għalihom ikun ħareġ kuntratt, ikunu mmonitorjati aħjar. Pagamenti relatati ma’ servizzi ta’ sigurtà interna li saru ma kellhomx dejjem l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa, l-aktar minħabba żbalji fil-kalkoli fil-valur stmat u d-dewmien biex jiġi approvat l-ammont korrett dovut. Id-dħul relatat mat-tariffi tal-parkeġġ għall-istaff ma kienx qed jiġi approvat mit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei, waqt li l-kumpanija li tipprovdi s-servizz għas-sigurtà esterna ma żammitx mal-kundizzjonijiet kif stipulati fil-ftehim għal dan is-servizz fir-rigward tan-numru ta’ gwardjani tas-sigurtà.
It-tmexxija tal-isptar indikat li se tieħuazzjoni biex tindirizza dawk in-nuqqasijiet kollha li nstabu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

DOI – 13.05.2009

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow