Left arrow Go Back

Diskors mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Zghazagh u Sport, l-Onor. Dolores Cristina fil-Kommemorazzjoni ta’ Ġorġ Pisani - Il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2009, - Sala Robert Samut, Floriana.

PR0800
Date Icon 09/05/2009
Illejla se jkollna l-opportunita’ sabiħa linisimgħu dwar l-opri kbar li Ġorġ Pisani wettaq f’ħajtu u li minnhom gawdejna wkoll bħala nazzjon.
Jekk wieħed jeżamina l-ħajja ta’ Ġorġ Pisanimalajr jintebaħ li hemm għaddejja linja ta’ konsistenza.  Il-ħidma li għamel Pisani kienet waħda kostanti u bla waqfien u hi diretta lejn il-poplu Malti u Għawdxi.  Tista’ tgħid li kienet ħidma intenzjonata mill-bidu sal-aħħar biex ittejjeb il-ħajja ta’ dak li jkun speċjalment fil-kamp tal-intellett.  Minn din l-attivita tal-lejla għandu joħroġ il-mudell ta’ bniedem kolt li jħobb lil għajru u jixtieq li ħutu Maltin u Għawdxin, jimxu ‘l quddiem.
Hemm diversi messaġġi li wieħed jista’ jisletmill-bijografija ta’ dan ir-raġel dedikat fil-missjoni tiegħu.  Pisani tista’ tgħid li għex ħajja ispirata kollha kemm hi mit-tagħlim evanġeliku u dan wettqu fil-prattika. Dan l-aspett jinħass anki fil-poeżija sabiħa li huwa niseġ.
Bla dubju, Ġorġ Pisani kien bniedem li stinkakemm felaħ biex għolla l-ilsien Malti ‘l fuq.  Kien ukoll pijunier biex il-Malti jkollu letteratura li tista’ titgawda min-niesu fi żmien meta l-poplu kien isib ftit x’jaqra u fi żmien meta kien hawn il-preġudizzji kontra l-Malti.  Ismu bir-raġun jingħaqad mal-ġganti l-oħra: bħal Ġuże’ Aquilina, Dun Karm, Ġuże’ Chetcuti u oħrajn.
Ġorġ Pisani ħaddem diversi stili ta’ kitbamill-poeżija sar-rumanz sa kitba għall-palk.  F’kelma waħda ta gost, stimula u paxxa lil bosta. Dan hu punt importanti li forsi ftit nirriflettu dwaru.  L-artist joħloq biex jagħtina gost u Pisani għadda minn dan l-eżami.  Xhieda ta’ dan hu li x-xogħol tiegħu japprezzawh il-Maltin kollha u l-kritiċi u sal-lum ix-xogħlijiet tiegħu għadhom ikunu studjati u apprezzati anki f’livell akkademiku.
Ġorġ Pisani jfakkarna li l-lsien Malti lilnajagħtina identita’ tagħna bħala nazzjon. Dan il-punt hemm bżonn li niftakruh u ngħożżuh għax illum qed ngħixu f’dinja mgħaġġla u globalizzata fejn it-teknolġija qed tieħu s-supremazija.  L-Ilsien Malti lili jagħmilni Maltija u Pisani dan il-kredu wettqu matul ħajtu.
Kif tafu lkoll, l-Istat u l-Gvern Maltijapprezza din ir-realta’ importantissima u llum kburin ngħidu li l-lingwa tagħna mhux biss titħaddem f’pajjiżna imma hija waħda mill-ilsiena ewlenin fl-Unjoni Ewropea.  Ħames snin ilu kien hemm il-biża’ li sħubija fl-Unjoni Ewropea se tfisser sfiduċja fl-identita’ tagħna.  Dan ma seħħx.  Illum ilkoll tgħallimna li l-lingwa tiddependi min-niesha biex din tgħix u timxi ‘l quddiem.  Wieħed ma jistax ma jinnutax ukoll li llum għadd konsiderevoli ta’ barranin qed jitgħallmu din il-lingwa tagħna.
Minn żmien Ġorġ Pisani sal-lum, nistgħunosservaw kemm stagħniet il-lingwa u kemm kibret il-letteratura tagħna.  Imqar wieħed jitawwal f’ħanut tal-kotba biex jitfixkel minn fejn ser jibda.  Kważi kważi, anki l-barranin jiskantaw kemm kulturalment għaddejja attivita f’pajjiżna u kemm il-kittieba tagħna huma attivi.
Matul is-sena joħorġu bosta kotba li jgħollul-livell intelletwali tagħna u jsebbħulna ħajjitna.  Kif għamilt fil-messaġġ tiegħi għal Jum il-Ktieb 2009, f’April li għadda, nerġa’ nsellem lill-kittieba u lill-pubblikaturi li bis-saħħa tagħhom il-ktieb tant għamel progress.  Illum il-produzzjoni tal-ktieb saret artiġġjanat fiha nnifisha.  Fuq kollox l-awturi qed jiktbu aħjar, isbaħ u b’iktar kreattivita’.
F’din l-okkażżjoni fejn qed infakkru persunaġġli ħabb bla qies il-Malti iżda kellu għarfien sew ta’ diversi lingwi oħra, inħoss li nkun qed nonqos jekk ma nagħmilx l-appell tiegħi biex il-Maltin jitgħallmu l-lingwi.  Dan mhux biex ikun sagrifikat il-Malti iżda biex ikollna futur.  Dan il-messaġġ ħareġ sew meta f’Malta kellna l-Kumissarju tal-UE għall-multilingwiżmu.
Il-ħidma li Pisani għamel għal Għawdex fi żmienil-gwerra, fi żmien il-ġuħ, tfakkarna kemm hi importanti l-missjoni li għandu l-kittieb fis-soċjeta’.  Kull kittieb m’għandux jillimita ruħu biss biex jikteb imma għandu jgħin biex is-soċjeta tagħna timxi ‘il quddiem.  Awtur m’għandux jibża’ minn dan ir-rwol.  M’għandux jibża’ li jiskomoda lil xi ħadd sakemm f’dak li jgħid ikun ġust u veritier.
Ġorġ Pisani stinka biex Għawdex jikberfl-edukazzjoni u fil-kultura. Hu kien xempju ta’ għalliem. Ippermettuli llum insellem lill-għalliema li qed jaħdmu biex it-tfal tagħna jitilgħu aħjar u jkollhom għarfien biex jgħixu aħjar.  B’għodda tajba l-għalliema għandhom il-ħila biex uliedna ma jibqgħux lura.  Huwa dmir tagħna li nassiguraw li t-tfal tagħna jikbru fl-iskejjel tagħna kulturalment u jkollhom edukazzjoni kompleta.  B’dan ma nifhimx biss il-kisba taċ-ċertifikati.  Il-Gvern hu kuntent biż-żjieda fin-numru ta’ studenti li qed ikomplu l-istudji tagħhom wara li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja u qed jifhmu li l-proċess edukattiv mhux talli ma jieqafx mas-sittax il-sena iżda jkompli tul ħajjitna kollha.  Illum, bis-saħħa ta’ diversi skemi li qed nipproponu, qed nassiguraw il-ġid ta’ wliedna f’dan is-settur ukoll.
Bla dubju għal Ġorġ Pisani jgħodd il-kliem li hunnifsu kiteb ghal Mikiel Anton Vassalli - “Malti safi tassew”.  Pisani hu eżempju ta’ kif għandhom ikunu ċ-ċittadini Maltin.  Il-monument li hemm fil-belt Victoria mhux biss ifakkarna fil-passat, fi bniedem li m’għadux magħna.  Għall-kuntrarju, quddiemu rridu nerġgħu nġeddu dan is-sens patrijottiku li għandu jkollna lejn art twelidna.
Il-kelma patrijottiżmu llum kważi spiċċatmill-vokabularju tagħna. Iżda kif jgħallem bil-kitba u bl-eżempju tiegħu il-persunaġġ li qed infakkru l-lejla, meta nisħqu dwar il-ħarsien tal-ambjent u niġġieldu l-vandaliżmu u dak kollu li jgħawwar is-soċjeta tagħna, inkunu qed nagħtu l-ikbar eżempji ta’ kif nistgħu nkunu patrijotti.  F’dan ir-rigward Ġorġ Pisani, mitt sena minn twelidu, jibqa’ rilevanti ħafna.        DOI – 09.05.2009
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow