STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT
| Il-Kumitat Parlamentari dwar | l-Affarijiet Soċjali japprova l-ewwel dokument tal-11-il Leġislatura - Il-ħidma lejn l-inklużjoni soċjali tfisser ħidma kontra l-faqar: it-tfal l-aktar li jbatu. |
| Minn dak li sema’ l-Kumitat, jidher li | l-problema tal-faqar hija waħda kumplessa u hija forma ta’ diskriminazzjoni. Għaldaqstant irid isir dak kollu possibbli sabiex kull persuna li qed tesperjenza l-faqar, bl-għajnuna u s-‘support’ tal-Istat u s-soċjetà in ġenerali, tagħraf issir aktar reżiljenti u ttejjeb l-għejxien tagħha. Il-Membri tal-Kumitat iltaqgħu ma’ diversi esperti u mistednin sabiex ikollhom l-aħjar għarfien fuq minn liema tbatijiet qed jgħaddu l-familji li jgħixu fil-faqar relattiv u l-fatturi ewlenin li jwasslu għal dawn iċ-ċirkostanzi. |
Madanakollu, it-tfal għandhom ikunu prijorità. Il-politika soċjali tal-Istat trid tgħin aktar lil dawn il-familji, b’attenzjoni partikolari lejn il-ħtiġijiet tat-tfal, għaliex huwa evidenti li l-faqar jintiret. Dan l-aħħar snin, kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni xprunaw il-pajjiż sabiex jiżviluppa f’ekonomija tal-għerf, servizzi u l-manifattura ta’ valur miżjud, fejn ir-riżorsa umana hija l-aktar ħaġa indispensabbli. Dan ifisser li ma nistgħux nippermettu li 21% tat-tfal f’Malta jikbru f’faqar relattiv bla ħtija, b’detriment lejn l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tagħhom sabiex isibu xogħol u b’hekk jibqgħu esklużi mis-soċjetà jew jinqabdu fil-poverty trap. Permezz ta’ dan ir-rapport li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati fit-28 ta’ April, 2009, il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali qed jirrakkomanda numru ta’ proposti tanġibbli għad-diskussjoni u li l-implimentazzjoni tagħhom jgħinu lil dawn il-familji u t-tfal. Il-Kumitat jixtieq li miżuri favur l-inklużjoni soċjali jsiru b’attenzjoni partikolari lejn il-familja u t-tfal, sabiex dawn ikunu fil-qalba tal-politika u kull miżura li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Dan id-dokument huwa l-ewwel wieħed minn serje ta’ dokumenti li l-Kumitat ser ikun qed ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra sabiex jirresponsabilizza lil dawk kollha nvoluti fl-oqsma tal-politika soċjali. L-ewwel rapport ġie ddedikat għall-memorja ta’ Dr Karl Chircop, li kien Membru Parlamentari u Membru tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali għal numru ta’ snin. Dan ir-rapport hu aċċessibbli minn fuq il-websajt tal-Parlament www.parliament.gov.mt fis-sezzjoni Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali.
Din il-laqgħa tal-Kumitat tmexxiet mill-President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali l-Onor Edwin Vassallo u pparteċipaw fid-diskussjoni l-Onor Frederick Azzopardi, l-Onor Michael Farrugia, l-Onor Michael Gonzi u l-Onor Anthony Zammit.
D0I – 05.05.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984