SKEMI U SERVIZZI TA’ L-ETC F’GĦAWDEX
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) bil-kollaborazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex (Gozo Business Chamber) organizzat seminar għall-intraprendituri Għawdxin, li matulu ġiet mgħoddija informazzjoni rigward skemi u servizzi li l-ETC toffri ġewwa Għawdex. Minn dawn l-iskemi jistgħu jibbenefikaw kemm dawk li jħaddmu kif ukoll dawk li jaħdmu jew qed ifittxu x-xogħol.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, meta indirizzat lil dawk preżenti, fissret l-importanza tal-funzjonijiet tal-ETC ġewwa Għawdex. Spjegat kif skemi mħaddma minn din il-Korporazzjoni jolqtu aktar mill-qrib lil dawk l-Għawdxin li jaħdmu għal rashom jew dawk li jħaddmu oħrajn magħhom, kif ukoll lill-ħaddiema u dawk li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol. Il-Ministru Debono fakkret kif fl-ewwel ħames snin ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, is-settur tax-xogħol u r-riżorsi umani f’Għawdex, gawdew minn skemi u benefiċċji oħra ko-finanzjati minn fondi Ewropej. Fosthom hija semmiet il-Gozo Employment Aid Scheme li kienet proposta fl-2007 u li permezz tagħha matul dawn is-sentejn, 94 intrapriża impjegaw 264 ħaddiem filwaqt li gawdew minn inċentivi li jammontaw għal aktar minn €1,400,000. Il-Ministru għal Għawdex semmiet ukoll skemi oħra li permezz tagħhom gradwati u nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sabu xogħol f’Għawdex filwaqt li oħrajn tejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ korsijiet li ġew organizzati għalihom. Il-Ministru Giovanna Debono ħeġġet lil intraprendituri u ħaddiema li jaħdmu f’kull settur f’Għawdex, biex ikomplu jagħmlu użu minn skemi ġodda li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. ‘Dan ikun qed jgħin biex jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli fuq il-gżira ta’ Għawdex’, żiedet tgħid il-Ministru Debono.
Uffiċċjali mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ taw tagħrif dwar żewġ skemi ġodda li ser jitħaddmu fuq bażi nazzjonali, b’ko-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew.
L-Employment Aid Programme 2009-2013 ser ikun qed jippromwovi l-integrazzjoni ta’ persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, jiffaċilita l-aċċess għax-xogħol filwaqt li jtejjeb il-ħiliet ta’ dawk li l-aktar li jinħtieġu għajnuna kif ukoll jikkontribwixxi biex jissupplixxi aktar riżorsi umani. L-applikazzjonijiet li jilħqu l-kriterji stabbiliti ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema li għaliha hemm allokati €8,200,000.
Skema oħra hija it-Training Aid Framework li ser ikollha l-għan li tippromwovi l-aċċess għat-taħriġ biex jiġu mtejba l-ħiliet ta’ dawk li jaħdmu fis-suq tax-xogħol f’Malta u Għawdex. Din l-iskema ser tkun miftuħa għal dawk li jaħdmu għal rashom jew iħaddmu persuna jew aktar, kif ukoll għal impjegati f’setturi varji. Hemm allokati €10,758,200 biex jiġu organizzati diversi korsijiet li joffru taħriġ ġenerali jew speċifiku biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-programm.
Għas-seminar attendew numru ta’ persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll persuni oħra li jħaddmu persuna jew aktar. Fis-seminar tkellmu wkoll il-Kap tat-taqsima tal-ETC ġewwa Għawdex, is-sur Marcel Bonnici, kif ukoll il-President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex, is-sur Joe Grech.
DOI – 30.04.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984