Left arrow Go Back

Titnieda l-Ewwel Ġimgħa Ewropea ddedikata għall-SMEs

PR0740
Date Icon 30/04/2009

Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech ħabbar li pajjiżna se jkun qed jingħaqad mal-bqija tal-Ewropa u jorganizzaw l-Ewwel Ġimgħa ddedikata għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) bejn is-6 u l-14 ta’ Mejju 2009. Dan ħabbru waqt diskusssjoni li kellu ma’ l-istudenti tal-MCAST dwar it-tema “Karriera fin-negozju tgħodd għalija?” 

Il-Ministru Fenech spjega li din il-Ġimgħa għandha l-għan li tixħet dawl akbar fuq ir-rwol tal-SMEs fl-ekonomija Maltija u Ewropea għaliex dawn il-kumpaniji huma l-akbar sors ta’ impjiegi, jipprovdulna l-parti l-kbira tas-servizzi u l-prodotti li jkollna bżonn ta’ kuljum filwaqt li huma wkoll sors importanti ta’ innovazzjoni u ideat ġodda li jkomplu jirrendu s-suq tagħna aktar kompetittiv u ta’ kwalità. 

Waqt din id-diskussjoni, li fiha ħadu sehem ukoll rappreżentanti tal-MCAST, il-Malta Enterprise u l-ETC, l-istudenti esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar id-dinja tan-negozju u ħarġu b’numru ta’ ideat dwar x’titjib iħossu li għandu jkun hemm f’dan is-settur biex ikun aktar faċli li wieħed iwettaq negozju.  

Min-naħa tiegħu l-Ministru Fenech, li esprima l-apprezzament tiegħu għall-parteċipazzjoni tajba u l-interess tal-istudenti, tkellem dwar ir-rwol ċentrali tal-SMEs fil-politika tal-Gvern u l-ħidma ta’ Malta biex l-Ewropa jkollha Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fuq livell Ewropew li verament jagħmel differenza fil-ħajja tal-intrapriżi żgħar u medji madwar il-kontinent. Madankollu, sostna Tonio Fenech, jekk il-pajjiżi ma jaslux fi qbil dwar il-proposti ambizzjużi mressqa minn Malta, xorta pajjiżna se jimxi ‘l quddiem b’dawn l-ideat. 

Fost l-attivitajiet ewlenin organizzati bħala parti minn din il-ġimgħa, se jkun hemm Business Convention fis-sit tat-Teatru Rjal, fil-Belt, mill-Erbgħa 6 ta’ Mejju sas-Sibt 9 ta’ Mejju fejn se jkun hemm numru ta’ stands li jipprovdu informazzjoni dwar x’wieħed għandu jagħmel biex jiftaħ jew jespandi n-negozju tiegħu bil-preżenza ta’ numru ta’ dipartimenti, entitajiet u kumpaniji kummerċjali li jaħdmu f’kuntatt dirett man-negozji ż-żgħar. Se jintbagħat ktejjeb informattiv dwar din it-tema fid-djar kollha f’Malta u Għawdex. 

Barra minn hekk, taħt l-istess tinda, se jkun hemm ta’ kuljum numru ta’ diskussjonijiet dwar temi relatati, imtella’ mill-MEUSAC, mill-GRTU, mill-Malta Association of Women in Business u mill-ETC. Il-Ħadd 9 ta’ Mejju se jkun hemm Festa ta’ Negozju u Kummerċ bil-parteċipazzjoni ta’ artiġjani Maltin. L-attivitajiet jagħlqu l-Ħamis 14 ta’ Mejju b’konferenza nazzjonali dwar l-SMEs. Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-programm sħiħ li jidher fid-dokument mehmuż. 

... / pr0740a.doc

DOI – 30.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow