STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U L-INVESTIMENT B’REAZZJONI GĦALL-ISTQARRIJA TAL-ONOR. CHARLES MANGION
L-Oppożizzjoni trid li l-Gvern jinjora r-realtajiet li pajjiżna għaddej minnhom. Flok ihares l-impjiegi, l-oppozizzjoni trid li l-Gvern idahhal aktar flus mit-taxxi.
Il-Gvern qed jaħdem u se jibqa’ jaħdem sabiex fuqnett fl-aġenda tiegħu jħares l-impjiegi tal-ħaddiema, filwaqt li jinkoraġġixxi lill-kumpaniji li jinsabu f’diffikulta’ biex jieħdu l-opportunità u jinvestu fit-tkabbir tal-operat tagħhom. Il-proposta li l-Partit Laburista qed jagħmel kostantement biex il-Gvern ifassal mini budget mhi xejn ghajr ammissjoni li turi li kieku l-Partit Laburista kien fil-Gvern kien jaghmel mini budget biex idaħħal taxxi ġodda li fl-ahhar mill-aħħar huma ta’ detriment għall-ħaddiema tagħna f’dan il-mument.
Iż-żieda fl-iżbilanċ li tant qed takkuża l-Oppożizzjoni hija riżultat dirett tal-kriżi dinjija. Il-Gvern se jibqa’ jżomm l-iżbilanċ taħt moniteraġġ kontinwu, u dan mingħajr ma jissogra li ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom.
F’perjodu tant kritiku u sensittiv, il-Gvern qiegħed jimxi b’għaqal mhux biss biex jilqa’ għall-maltemp dinji, iżda wkoll jisma’ u jikkontribwixxi għas-sejħa li qed issirlu mis-setturi kummerċjali biex jgħin u jtaffi l-piżijiet temporanji ta’ cashflow li n-negozji qed iġorru.
L-Oppożizzjoni trid li flok il-Gvern jibqa’ jimxi b’għaqal, jagħfas fuq in-negozjanti u l-kummerċjanti. Huwa ċar li l-Oppożizzjoni mhux qed tħares fit-tul, u dan jista’ jkollu effetti negattivi l-aktar fuq il-familji għaliex jintilfu l-impjiegi u jonqos l-investiment. Minn dan jidher li l-Oppożizzjoni m’għandiex politika serja dwar ix-xogħol u l-investiment. Il-Gvern, b’għaqal u b’responsabbiltà, qed jagħżel l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-ħaddiema minflok defiċit baxx.
Fil-budget għal din is-sena, il-Gvern ħabbar programm ta’ investiment ta’ 320 miljun ewro. Dan sar għaliex il-Gvern għażel li jilqa’ b’mod effettiv għall-mewġ li għaddej madwarna, u l-impatt li din il-kriżi dinjija kien se jkollha fuq pajjiżna. Dan il-pakkett ta’ inċentivi jinkludi taħriġ għall-ħaddiema, skemi ta’ għajnuna għall-investituri u negozjanti, bini ta’ skejjel ġodda, proġetti ambjentali, fabbriki u proġetti fil-qasam turistiku.
Il-Gvern reġa’ naqqas ukoll l-income tax għat-tielet sena konsekuttiva, naqqas l-income tax għall-ommijiet li jibqgħu f’impjieg u għal dawk li jidħlu lura f’impjieg, naqqas l-income tax għall-familji li jżommu studenti barranin, neħħa t-taxxa fuq l-ivvjaġġar, żied il-benefiċċji soċjali, żied id-dħul ta’ dawk li jieħdu pensjoni tas-servizzi u ta żieda lill-anzjani daqs kemm jingħataw il-ħaddiema.
DOI - 29.04.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984