Left arrow Go Back

Is-SegretarjU Parlamentari għat-Turiżmu Mario De Marco, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u sport Clyde Puli, jniedu l-iskema Turiżmu Sportiv

PR0728
Date Icon 29/04/2009

Bl-għan li jkun attirat aktar turiżmu sportiv lejn pajjiżna, is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport ħolqu fond li jlaħħaq €250,000 fis-sena biex niedew skema li biha Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi Maltin jattiraw atleti u sportivi minn pajjiżi oħra ħalli jipprattikaw l-isport tagħhom f’pajjiżna. 

Is-Segretarju Parlamentari Mario De Marco qal li skont stħarriġ tal-MTA, is-sena l-oħra, kellna aktar minn 80,000 turist li ġew Malta apposta biex jippratikaw xi sport; b’50,000 minnhom ġew għall-għadis. Huwa rrefera għall-fatt li l-klima tagħna, l-aċċessibbiltà minn diversi pajjiżi, il-lingwi differenti li nitkellmu, id-distanzi żgħar bejn il-lukandi u l-faċilitajiet sportivi, l-akkomodazzjoni tal-ogħla livell, u fuq kollox is-sigurtà f’pajjiżna jagħmluna post ideali sabiex inkomplu niżviluppaw dan is-settur. 

Dr de Marco qal li permezz ta’ din l-iskema l-Gvern se jkun qiegħed jgħin lill-għaqdiet sportivi sabiex jagħmlu użu min-netwerks internazzjonali tagħhom u jidħlu għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet internazzjonali bħal konferenzi, seminars, kompetizzjonijiet u training camps li permezz tagħhom jiżdiedu t-turisti li jiġu Malta għal dan il-għan. 

Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li din l-iskema fiha żewġ benefiċċji primarji. L-isportivi Maltin se jużaw il-kuntatti internazzjonali tagħhom sabiex jgħinu lil pajjiżna jibni niċċa turistika oħra fi żmien ta’ ċirkostanzi diffiċli. Fl-istess waqt l-isportivi se jibbenefikaw minn fondi għal kull bed night li jġibu lejn pajjiżna waqt li jgawdu mill-esperjenza ta’ atleti u klabbs barranin f’pajjiżna. 

Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li bejn l-2006 u l-2008 l-ammont ta’ turisti sportivi li żaru pajjiżna minħabba avvenimenti sportivi organizzati minn għaqdiet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isport, ammontaw għal kważi 60,000 bed night jew 20,000 bed night fis-sena. Dan in-numru ma jinkludix is-settur ta’ l-iscuba diving u attivitajiet sportivi oħra organizzati mill-privat.

Clyde Puli qal li l-iskema mħabbra għandha mhux biss tassisti u tinċentiva l-għaqdiet sportivi Maltin iżda wkoll iżżid l-ammont ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali f’Malta u konsegwentement iżżid il-bed nights. 

Il-finanzjament tal-iskema se jkunu qed joħroġ nofs mill-Kunsill Malti għall-Isport u nofs mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Matul l-ewwel sena ta’ din l-iskema, il-fond allokat se jkun ta’ €100,000. Fis-sentejn ta’ wara l-ammont se jkun ta’ mhux anqas minn €250,000 fis-sena. 

L-iskema konġunta bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tgħin lill-għaqdiet biex ikunu preparati b’mod professjonali fl-istadju ta’ bidding kif ukollbiex ikunu attirati u organizzati avvenimenti internazzjonali lejn pajjiżna.  

Din l-inizjattiva tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern li jattira avvenimenti internazzjonali f’Malta li mhux bil-fors ikun f’forma ta’ logħob kompetittiv imma wkoll jistgħu jkunu training camps u konferenzi. Din l-iskema għandha tgħin fiż-żieda ta’ turisti li jżuru Malta speċjalment fix-xhur meqjusa kwieti għas-settur turistiku.

DOI - 29.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow