Il-Ministeru għal Għawdex jorganizza Lejlet Lapsi, Notte Gozitana
Bejn il-Ġimgħa, 22, s-Sibt, 23 u l-Ħadd, 24 ta’ Mejju, il-weekend ta’ Lapsi, it-toroq tal-Belt Victoria f’Għawdex se jieħdu l-ħajja permezz ta’ Lejlet Lapsi, Notte Gozitana.
Għadd ta’ attivitajiet li jinkludu taħlita ta’ forom artistiċi ġew inklużi fi programm mill-aktar imżewwaq u li żgur se jappella għal udjenza ferm wiesgħa. L-attivitajiet se jsiru mhux biss ġewwa r-Rabat iżda se jilħqu l-gżira kollha. Dan kollu qed ikun organizzat mill-Ministeru għal Għawdex.
Illum, waqt konferenza għall-istampa, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, nidiet dan l-avveniment li mistenni jiġbed lejh eluf ta’ persuni. Arti, mużika, żfin u teatru se jkunu f’kompetizzjoni biex jirbħu l-attenzjoni tal-pubbliku. Magħhom jiżdiedu l-istorja, tradizzjonijiet u wirt lokali, li flimkien huma ċelebrazzjoni tal-karatteristika u l-identità kulturali Għawdxija.
“Il-Ministeru għal Għawdex qed joffri opportunità lill-artisti, mużiċisti, żeffiena, nies ta’ snajja’ u individwi oħra b’talent Għawdxin, biex juru l-ħiliet tagħhom waqt dawn il-jiem li m’għandhomx jintesew,” qalet il-Ministru Debono
“Din hi opportunità għall-ekonomija Għawdxija biex tingħata spinta meħtieġa mhux biss permezz tat-turiżmu intern li dawn l-attivitajiet se joħolqu, iżda wkoll permezz ta’ turiżmu minn barra xtutna grazzi għall-pubbliċità qawwija li din l-attività qed tingħata internazzjonalment.
“Il-promozzjoni li qed tingħata barra, jkollha effett fit-tul għaliex it-turisti qed jiġu mistiedna jżuru lil din il-gżira djamant, mhux biss għal din l-okkażjoni iżda għal dak kollu li toffri ta’ kuljum,” hija qalet.
Dawn l-attivitajiet se jkunu ċelebrazzjoni kulturali ta’ livell għoli aċċessibbli għal kulħadd, bl-użu ta’ postijiet popolari u ta’ oħrajn mhux daqstant assoċjati ma’ esperjenzi kulturali. L-inizzjattiva ta’ Lejliet Lapsi, Notte Gozitana, tkompli ttejjeb l-isem li l-belt Victoria kisbet mas-snin, bħala ċentru ta’ kultura, storja, arti u mużika.
L-attivitajiet imħejjija jikkomplimentaw il-karatteristiċi tal-lokalità u t-topografija unika tagħha, li jagħtu sfond naturali għal atmosfera unika.
Artisti popolari se jkunu spalla ma’ spalla ma’ attivitajiet oħra mhux tas-soltu, u dak kollu li se jiġri se jseħħ fiż-żewġ postijiet marbuta mal-kultura kif ukoll f’postijiet oħra madwar ir-Rabat li jqanqlu interess u kurżità. Ħwienet u postijiet kummerċjali fil-kapitali Għawdxija qed ikunu mħeġġa jiftħu waqt l-attivitajiet, waqt li ħwienet tal-ikel u tax-xorb huma mistennija jżidu mal-attrazzjoni.
Palki prinċipali, kull wieħed b’tema partikulari, se jintramaw f’inħawi differenti, fosthom fiċ-Ċittadella, f’Misraħ l-Indipendenza, f’Misraħ San Ġorġ, u f’salib it-toroq fi Triq ir-Repubblika, b’għadd ta’ attivitajiet għaddejjin fl-istess ħin. Waqtiet u xeni mill-imgħoddi se jerġgħu jingħataw il-ħajja fit-toroq dojoq tar-Rabat, fejn għandhom isiru wkoll għadd ta’ rappreżentazzjonijiet ta’ arti diversa. Fi knejjes u kappelli li nsibu madwar iċ-ċentru tar-Rabat se jsiru numru ta’ kunċerti. Inizzjattivi privati huma mħeġġa u l-parteċipazzjoni ta’ artisti lokali tingħata kull appoġġ.
Tlett ijiem mimlija bl-attivitajiet
Il-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju:
· Ġewwa l-Ministeru għal Għawdex, fil-Banca Giuratale u fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella jiġu miftuħa uffiċċjalment tliet wirjiet imtella’ b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta;
· Il-kumpanija Yada tiċċelebra il-25 anniversarju tagħha permezz ta’ serata mill-aqwa fi Pjazza San Franġisk;
· Festival ta’ mużika Retro u Rock fit-terminus tal-karozzi tal-linja, bil-parteċipazzjoni tal-U2 Tribute Band;
· Festival tal-Inbid se jkun organizzat ġewwa ċ-Ċittadella; u
· esperjenzi għad-dawl tax-xama’ jagħtu l-ħajja lit-toroq dojoq tar-Rabat.
Is-Sibt, 23 ta’ Mejju, filgħodu:
· Gozo Mini Musical Show mill-Gozo College f’Misraħ San Franġisk;
· bil-pass jew bil-minibus – dawriet madwar Għawdex jitilqu mit-terminus tal-karozzi tal-linja; u
· kunċerti ta’ nofsinhar f’diversi kappelli.
Is-Sibt filgħaxija:
· diversi parati, wirjiet folkloristiċi, u re-enactments;
· infiorata;
· suq għat-tfal fejn imiddu idejhom u jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi.
Is-Sibt tard filgħaxija u l-lejl:
· il-palk f’Misraħ Indipendenza jilqa’ artisti magħrufa bħal Mike Spiteri u l-Banda Fakawi, il-Moonlighters mill-Italja, Mark Spiteri Lucas u diversi kantanti Għawdxin;
· il-palk armat fit-terminus tal-karozzi tal-linja se jkun il-lok ta’ Festival ta’ Żfin, b’attrazzjonijiet u DJs popolari;
· F’The Duke fi Triq ir-Repubblika ssir serata ta’ moda;
· it-toroq dojoq Rabtin jinxtegħlu bid-dwal tax-xama’;
· F’nofsillejl spettaklu ta’ ġigġifogu f’Misraħ Santu Wistin; u
· wara nofsillejl mużika f’Misraħ San Ġorġ minn Paul Giordimaina u Pamela, Renzo Spiteri, Rhema ma’ William Mangion.
Il-Ħadd filgħodu:
· Korijiet Għawdxin ikantaw fil-knejjes ewlenin tar-Rabat; u
· parata minn sbandieratori mill-Italja u żeffiena Għawdxin.
Il-Ħadd waranofsinhar:
· diversi spettakli folkloristiċi u re-enactments;
· għeluq b’Quddiesa Pontifikali u l-purċissjoni tal-Kwaranturi mill-Kattidral.
Numru ta’ postijiet storiċi u mużewijiet fir-Rabat ikunu miftuħin bla ħlas għall-pubbliku. Imxerrda mar-Rabat ikun hemm esibizzjonijiet privati mtella’ minn artisti Għawdxin. Il-Kunsilli Lokali madwar Għawdex se jiftħu s-siti storiċi ewlenin fil-lokalitajiet tagħhom biex dawn jiġu esplorati minn dawk kollha li jżuru Għawdex f’dawn il-jiem. Id-dawriet tematiċi madwar Għawdex li jitilqu mit-terminus tal-karozzi tal-linja bil-pass jew bil-minibus.
Ġewwa Għawdex it-trasport pubbliku se jaħdem normali, b’żieda ta’ vjaġġi minn u lejn ir-Rabat f’ħinijiet fit-tard. Servizz shuttle se jopera bejn l-Imġarr u r-Rabat. Faċilitajiet għal parking b’servizz ta’ park-and-ride mir-Rabat u l-madwar lejn iċ-ċentru, se jitħaddem waqt il-ħinijiet ta’ qofol ta’ l-attivitajiet.
Qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jiġi assigurat is-suċċess tal-avveniment, f’ambjent ta’ sikurezza, komfortabbli u san għall-pubbliku. Gozo Channel se topera regolarment bejn iż-żewġ gżejjer skont il-ħtieġa. F’Malta t-trasport pubbliku se jopera regolarment; aktar vjaġġi fit-tard isiru mill-Belt lejn iċ-Ċirkewwa u lura.
Lejlet Lapsi Notte Gozitana hija ppreżentata mill-Ministeru għal Għawdex u sponsorjata mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu u Air Malta.
Għal aktar informazzjoni ċempel 21556125; imejl info@gozoculture.com; jew żur www.gozo,gov.mt jew www.gozoculture.com.
DOI - 28.04.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984