ENERĠIJA NADIFA – STUDJI AKTAR DETTALJATI GĦAL 3 WINDFARMS, TNEJN FUQ L-ART U WAĦDA FIL-BAĦAR
Se jsiru aktar studji dwar 3 siti biex ikun stabbilit jekk hux vijabbli li jsiru windfarms fihom biex jiġi ġenerat l-elettriku mir-riħ. Il-proposti tal-postijiet fejn se jsiru aktar studji huma: Wied Rini u Ħal Far fuq l-art, u s-Sikka l-Bajda fil-baħar.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino u l-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Id-deċiżjoni tal-Gvern li jsiru aktar studji biex isiru windfarms hi deċiżjoni ambjentali u deċiżjoni li għandha impatt fuq it-titjib tas-saħħa tal-poplu. Hi deċiżjoni wkoll li għandha impatt fuq il-kompetittivita’ ta’ pajjiżna u l-ħolqien tax-xogħol. Il-Gvern qiegħed jimxi b’serjeta’ u se jsiru l-istudji kollha meħtieġa. L-applikazzjonijiet lill-MEPA għal dawn it-3 siti qed isiru wara studji preliminari li saru u issa jibda l-proċess ta’ studji aktar dettaljati. Dawn l-istudji li jridu jsiru jinkludu fost l-oħrajn il-qawwa tar-riħ; l-avjazzjoni u l-attivita’ marittima u l-ambjent.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li t-tħabbira tal-lum hija biss il-bidu ta’ proċess sħiħ tal-ippjanar li jrid isir, liema proċess se jkun wieħed miftuħ u trasparenti u fejn kulħadd ser ikun mistieden jesprimi ruħu.
Hu qal li l-Gvern marbut b’miri ċari sal-2020 u għalhekk pajjiżna m’għandux il-lussu li jista’ joqgħod jistenna l-iżvilupp ta’ teknoloġiji mingħajr fl-istess waqt ma jarax kif jimmassimizza l-alternattivi li jeżistu. Ikun żball għal pajjiżna li jipposponi d-deċiżjonijiet li għandhom impatt fuq il-kompettitivita’, l-ambjent ta’ madwarna u fuq is-saħħa tal-poplu tagħna.
Il-Prim Ministru żied li f’dan il-proċess li għandna quddiemna se ngħaddu għall-fatti u jittama li dan ikun l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minna fuq temi importanti bħalma hi l-bidla fil-klima. Malta kienet promotur ta’ dan il-qasam u jeħtieġ li dak li nistennew li jsir fuq livell internazzjonali jsir ukoll fuq livell nazzjonali – bil-kontribut u bl-inizjattiva tagħna wkoll.
Hu qal li l-proposta tal-windfarms tingħaqad ma’ kullana ta’ inizjattivi oħra: il-bidla fir-reġistrazzjoni tal-karozzi biex ninċentivaw karozzi iżgħar, aktar ġodda u li jniġġsu anqas, ix-xogħol li għaddej biex mill-iskart jibda jiġi ġenerat l-elettriku, it-tibdil fit-tariffi li jinċentiva l-aktar lil min jikkonsma l-anqas; u l-iskemi li ħarġu mill-Gvern għas-settur kummerċjali u industrijali biex tintuża aktar l-enerġija ġejja mix-xemx.
Il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino saħaq li l-proċess imniedi llum huwa biss il-bidu ta’ proċess twil u miftuħ li jinkludi wkoll konsultazzjonijiet pubbliċi bħala parti mill-proċess tal-ippjanar u mill-proċess ta’ evalwar ambjentali. Pullicino qal li kwalunkwe dibattitu dwar dawn il-proġetti jrid isir fil-kuntest tar-realtajiet lokali li jinkludu sfidi li ġejjin mid-daqs limitat ta’ pajjiżna li jagħmilha ferm diffiċli li tnaqqas għal kollox ċertu impatti li jista’ jkun hemm minn kwalunkwe attivita’ li ssir.
Il-Ministru Pullicino saħaq ukoll li pajjiżna għandu miri ċari u stabbiliti li sal-2020 irridu nkunu lħaqna l-mira li niġġeneraw 10% tal-enerġija kollha li nikkunsmaw minn sorsi nodfa u l-enerġija mir-riħ hija kruċjali biex, flimkien ma’ teknoloġiji oħra bħalma hu l-iskart u x-xemx, nilħqu din il-mira.
Il-Ministru George Pullicino qal li l-politika adottata mill-Gvern, u rakkomandata wkoll mill-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima hi li pajjiżna jibbenefika minn varjeta’ ta’ sorsi li jiġġeneraw l-enerġija nadifa. Din hi magħrufa bħala renewable energy mix u tatina aktar sigurta’ fil-provvista’ ta’ enerġija nadifa li rridu nilħqu.
Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru George Pullicino rringrazzjaw lil kull min ta sehemu fit-tfassil tal-proposti u appellaw għal maturita’ u serjeta’ fid-dibatittu li ser ikun hawn dwar dawn l-inizjattivi.
DOI – 28.04.2009
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984