STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
Il-Partit Laburista huwa kontra soluzzjonijiet ġodda għal toroq ta’ kwalità
Il-kelliem Laburista Charles Buhagiar m’għandux fiduċja fil-kuntratturi Maltin u mhux qed jaqbel mal-proposta tal-Gvern li se tgħin lill-kuntratturi jinvestu aktar b’hekk ikollna toroq tajbin u siguri.
Charles Buhagiar injora l-fatt li, barra minn Malta, fejn it-toroq huma l-għira ta’ kulħadd, ix-xogħol isir fuq bażi ta’ Private Public Partnership (PPP). Barra minn Malta u anke f’pajjiżna stess dan il-kunċett ta l-frott u hekk għandu jiġri wkoll fil-bini u l-manutenzjoni tat-toroq. Il-kelliem Laburista, sempliċiment maqdar din il-proposta għax ġejja min-naħa tal-Gvern. Il-fatti huma li l-Gvern għadu jfassal din il-proposta, u għad irid jikkonkludi l-mod kif se titħaddem. Fl-istess ħin, imma, l-kelliem Laburista diġa’ qed jgħid li mhix se taħdem.
Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar is-sena ħidma ta’ dan il-Ministeru, il-Ministru Austin Gatt tenna ċar u tond li mhux kuntent bil-livell tat-toroq u l-fatt hu li l-pjanar kollu li jeżisti ma jistax jelimina l-problema li t-toroq jiddependu mill-finanzi tal-Gvern u bil-mudell propost, il-Gvern ikun jaf eżatt x’ser jonfoq bosta snin qabel.
L-istess soluzzjoni, li qed titħaddem b’suċċess f’diversi lokalitajiet Ewropej, tagħti lill-kuntratturi viżibilita’ fit-tul, fejn dawn jinvestu għax jafu l-ammont ta’ xogħol li jkun ġej u mhux jiddependu minn kuntratti żgħar li llum hemm u għada m’humiex. Il-Gvern qed iħares lejn din is-soluzzjoni għax huwa impenjat li jindirizza l-problema tal-kwalità tat-toroq, darba għal dejjem.
Il-Kelliem Laburista Charles Buhagiar, qed jipprova jikseb il-popolarita’ biss fuq din il-kwistjoni għax għal darb’oħra hu skorrett meta jgħid li l-Gvern se jipprivatizza t-toroq.
Il-Gvern kien ċar mill-bidunett li se jibqa’ s-sid u r-regolatur tat-toroq u li mhux se jkun hemm l-ebda ħlas mitlub mill-poplu.
DOI - 27.04.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984