Jinbeda l-proġett ta’ tisbieħ tal-promenade f’Marsaxlokk
Id-Divizjoni tax-Xogħlijiet fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali bdiet xogħol ta’ tisbiħ tax-Xatt ta’ Marsaxlokk bhala parti mill-programm tal-gvern biex isebbah l-ambjent tal-lokalitajiet. “Dan qiegħed isir għax il-Gvern jemmen fil-potenzjal qawwi li din iż-żona ta’ Marsaxlokk toffri kemm għar-residenti, għall-kumplament tal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jżuru pajjiżna,” sostna l-Ministru George Pullicino meta dalgħodu għamel zjara fuq dawn ix-xogħlijiet.
Ix-xogħol li se jkopri 9,200 metri kwadri ta’ art beda man-naħa tal-bini fejn, flimkien mal-Water Services Corporation, qed jiġu stallati servizzi ġodda kemm tal-ilma kif ukoll tad-drenaġġ skond il-bżonn ta’ l-inħawi. Qed isiru wkoll channels żejda għas-servizzi li jistgħu jinqalgħu fil-futur sabiex dan il-paviment ma jkunx hemm bżonn li jerġa’ jinqala’.
F’din l-ewwel fażi qed jitwessgħu xi ftit il-bankini u jsir il-pavimentar ta’ dawn mill-ġdid, b’materjal tal-porfido u tal-qawwi li jkun jiflaħ għall-attività kollha li ssir f’Marsaxlokk filwaqt li jagħti dehra mill-isbaħ.
Ix-xogħlijiet qed isiru b’ordni, fejn l-ewwel jinbeda block, jingħaddu is-servizzi, isiru l-preparamenti għall-pavimentar u wara jibda t-tqegħid tal-materjal. L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ser tkun lesta qabel l-istaġun tas-sajf, filwaqt li x-xogħlijiet ta’ man-naħa tal-baħar ser jibdew wara x-xhur tas-sajf.
Il-Ministru George Pullicino qal li se jitwaħħlu wkoll bollards man-naħa tal-baħar bl-iskop li jillimitaw l-aċċess tal-vetturi fuq il-promenade u dan biex il-karrozzi ma jagħmlux ħsarat, filwaqt li ser jitħalla aċċess biex ix-xogħol tas-sajjieda jibqa’ għaddej b’ammont ta’ spazju ddedikat għad-dgħajjes tas-sajjieda, li jiffurmaw parti importanti ta’ dan il-villaġġ. Fil-fatt huma parti ntegrali tal-attrazzjoni u l-attivita’ ta’ Marsaxlokk.
Ghar-rigward tal-bejjiegħa tal-ħut, se jiġi allokat spazju għalihom b’faċilitajiet sabiex il-bejgħ tagħhom ikun aktar faċli filwaqt li l-prodott jinżamm frisk. Għalhekk fid-disinn ġie nkorparat ukoll disinn ta’ tinda ġdida li se tieħu post dik antika tal-ħadid li qegħda fi stat ħażin. Dan se jkun qed isir ukoll biex id-dehra tkun wahda li tixraq max-xogħol ta’ upgrading taż-żona li qed isir.
Tul il-promenade, se jiżdied ukoll dawl dekorattiv kif ukoll numru ta’ bankijiet tul ix-xtajta biex ikunu jistgħu jitgawdew dejjem aktar ix-xeni sbieħ li joffri Marsaxlokk.
Dan il-proġett mistenni li jiġi jiswa b’kollox ‘l fuq minn €1,200,000. Dan l-investiment juri biċ-ċar kemm il-Gvern irid li b’mod konkret jinvesti biex ikompli jissaħħaħ il-valur li dawn iż-żoni joffru, kemm għal Maltin kif ukoll għat-turisti.
DOI – 27.04.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984