STQARRIJA TAl-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport
L-MUT tagħmel talbiet li jiswew 15-il miljun Ewro fis-sena aktar minn dak li kien hemm miftiehem fl-2007
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, jikkundanna d-deċiżjoni tal-Malta Union of Teachers li ordnat strajk ta’ ġurnata fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja bla ma qalet li dak li qed titlob imur ‘l hinn minn dak miftiehem fil-Ftehim Kollettiv tal-2007 li hi stess iddeskriviet bħala “ftehim storiku”. L-MUT resqet t-talbiet tagħha għall-aktar allowances u kundizzjonijiet għall-ghalliema fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja. Ta’ min wieħed jghid li dak li qed titlob l-MUT kieku kellu jkun aċċettat jiswa lill-poplu Malti madwar 15 miljun Ewro kull sena.
Il-Ministeru qal li din l-azzjoni industrjali ma tinftiehemx għax il-mexxejja tal-Union jafu sew li mill-ftehim ‘l hawn kienu mplimentati ħafna mill-miżuri miftehma u hemm oħrajn fil-proċess avvanzat ta’ implimentazzjoni.
Mhux veru li dak li qal il-President tal-MUT waqt rally li l-union organizzat il-lum, li bl-introduzzjoni tas-sistema tal-Kulleġġi, l-edukazzjoni f’Malta marret lura. Għall-kuntrarju, din ir-riforma ġiebet titjieb fis-sistema edukattiv kif jixhdu d-diversi prattiċi tajba li kienu ntrodotti f’din l-aħħar sena mill-Kulleġġi u li sabu l-appoġġ kemm tal-għalliema nfushom, tal-ġenituri u fuq kollox tal-istudenti li qed jibbenefikaw minnhom.
Il-Union naqset ukoll milli tgħid li matul dawn is-sentejn kienu mpjegati madwar 600 ħaddiem ġdid fis-settur edukattiv; 420 minnhom għalliema u edukaturi oħra. Hemm ukoll mal-170 ruħ oħra li se jiġu ngaggati fil-futur qarib. Dawn primarjament se jkunu professjonisti li se jagħtu appogg lill-għalliema kif kien miftiehem fil-Ftehim Kollettiv.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jiċħad ukoll l-allegazzjoni li ma hemmx djalogu bejnu u bejn il-Union, u jsostni li kull darba li l-Union talbet li tiltaqa’ mal-Ministeru jew mad-Direttorati tal-Edukazzjoni dawn il-laqgħat dejjem saru, l-aħħar waħda dan ix-xahar stess. Min-naħa tiegħu id-Direttorat kontinwament iżomm lill-union infurmata bl-iżviluppi li jkun hemm minn żmien għal żmien.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport jikkundanna bis-sħiħ dan l-aġir ta’ l-MUT li qed tagħmel talbiet esagerati li jwassal biex wieħed jiddubita jekk l-MUT għamlitx il-kalkoli u kkunsidratx l-effett tat-talbiet fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Ministeru u d-Direttorati jibqgħu rikkonnoxxenti u grati għas-servizz li qed jagħtu l-għalliema u edukaturi oħra, u jibqgħu impenjati biex isibu mezzi kif dejjem jappoggjaw aktar lill-għalliema u edukaturi Maltin u Għawdxin.
DOI - 25.04.09
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984