Left arrow Go Back

IT-TIBDIL FIL-KLIMA FUQ L-AĠENDA TAL-MEUSAC

PR0691
Date Icon 24/04/2009

Il-Core Group tal-MEUSAC reġa’ ltaqa’ fl-24 ta’ April.

Il-Core Group iddiskuta l-White Paper dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima[1], li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi qafas għall-azzjoni billi tiffoka fuq:

  • aċċess aħjar għal firxa aktar wiesgħa ta' data dwar l-impatt tal-klima;
  • l-impatt tat-tibdil fil-klima fl-oqsma ewlenin tal-UE fosthom l-agrikoltura, is-sajd, l-ilma, il-ħarsien tal-bijodiversità, it-trasport u l-enerġija;
  • azzjoni komuni bejn miżuri politiċi differenti għall-aqwa riżultati;
  • appoġġ lejn sforzi internazzjonali aktar wiesgħa għall-adattament tat-tibdil fil-klima;
  • ħidma fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

Saret preżentazzjoni mis-Sinjorina Miraine Rizzo, uffiċjal tal-MEPA li tkellmet dwar l-impatt li t-tibdil fil-klima jista’ jkollu fuq Malta. Fost dawn issemma’ ċans ikbar ta’ għargħar, l-erożjoni taż-żoni kostali, u d-deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ilma ħelu. Hija qalet li minħabba t-tibdil fil-klima ċertu setturi jistgħu bħat-turiżmu jistgħu jkunu affettwati ħażin minħabba temperaturi ogħla. Malta hija vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għalhekk hemm bżonn ta’ strateġija nazzjonali dwar l-adattament tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ġbir ta’ iktar informazzjoni għall-għarfien aħjar dwar ir-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima. 

Il-Membri tal-Core Group qajmu diversi punti fost dawn:

  • il-bżonn ta’ iktar kordinazzjoni għal azzjoni immedjata għall-adattament tat-tibdil fil-klima, fost dawn l-użu aħjar tal-ilma u li jerġa’ jintuża l-ilma li jirriżulta mill-purifikazzjoni tad-drenaġġ;
  • livelli ogħla tal-ilma tal-baħar huma ta’ theddida għat-turiżmu; iktar maltemp jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-biedja; waqt li temperaturi ogħla jeddu l-bijodiversita` tal-baħar u għalhekk huwa ta’ theddida għas-sajd;
  • jekk hux qed isir studju mill-awtorijiet konċernati dwar l-emissjonijiet f’pajjiżna u dwar il-kwalità tal-arja;
  • il-bżonn li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu ppreparati aħjar fit-tranżizzjoni biex jintlaħqu l-miri għall-adattament tat-tibdil fil-klima;
  • ilqugħ għall-ilma tax-xita;
  • is-sostenibbilità fl-użu tal-ilma;
  • il-ħtieġa li jkun hemm regoli mill-awtoritajiet konċernati għas-settur tal-bini.

Sar tibdil fir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Core Group, fejn ġew innominati l-Onor. Francis Zammit Dimech (Membru) u l-Onor. Frederick Azzopardi (Membru Sostitut). Ġie deċiż ukoll li bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Core Group, is-sinjuri Grace Attard u Anna Borg jaqsmu t-terminu ta’ sentejn, għal sena kull wieħed peress li kienu ġabu l-istess ammont ta’ voti.

Preżenti għal-laqgħa tal-Core Group kien hemm: is-Segretarju Parlamentari Dott. Chris Said (Chairperson), Dott. Vanni Xuereb (Kap tal-MEUSAC), is-Sur Julian Micallef (Segretarju), Cecilia Attard Pirotta (Segretarju Permanenti, MFA), Graziella Pullicino (Kap, Segretarjat UE), Dott. Gabriella Pace (Kap tal-Informazzjoni, MEUSAC), is-Sinjura Helen D’ Amato, Dott. Josette Grech, is-Sur Sonny Portelli (MCESD), is-Sur Carmel Cacopardo (Alternattiva Demokratika), is-Sur Arthur Rossi (CMTU), is-Sur Joe Grech (GBC), is-Sur Paul Abela (GRTU), Dott. Romina Bartolo (UĦM), l-Ing. Ray Muscat u s-Sur Kevin Borg (MCCEI), il-Membru Parlamentari Frederick Azzopardi (PN), il-Membru Parlamentari Dott. Luciano Busuttil (PL), is-Sur Benjamin Rizzo (rappreżentant tas-soċjetà ċivili), kif ukoll sostituti u membri tal-istaff tal-MEUSAC.

Il-laqgħa li jmiss tal-Core Group se ssir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju, 2009 u fiha ħa jieħu sehem il-Kummissarju Joe Borg. 


[1] White Paper L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni [COM(2009) 147]

DOI – 24.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow