DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT SEDUTA PARLAMENTARI FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA UFFIĊJALI TAL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR BAN KI-MOON, SEGRETARJU ĠENERALI TAN-NAZZJONIJIET UNITI, FIL-PARLAMENT, IL-BELT VALLETTA – L-ERBGĦA, 22 TA’ APRIL 2009
Eċċellenza,
| Inħossni kburi li f’ísem il-Poplu Malti, li | l-Membri ta’ din il-Kamra jirrappreżentaw, nilqa’ lill-Eċċellenza Tiegħek fostna. Nixtieq nesprimi r-rispett u r-rikonoxximent li l-Istat u l-poplu Malti għandu kemm lejn l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-ogħla istituzzjoni internazzjonali li tħares il-paċi u s-sigurtà fid-dinja, kif ukoll lejn ix-xogħol li qed twettaq. |
| Ippermettili nibda billi nesprimi l-apprezzament | tiegħi lejn id-diskors tiegħek ta’ dalgħodu u speċjalment irrid ngħid li din il-Kamra kollha kemm hi taqsam miegħek, Sur Segretarju Ġenerali, is-sentimenti li inti esprimejt dalgħodu fil-konfront ta’ dak li seħħ fil-konferenza dwar ir-razziżmu fil-ġranet li għaddew u l-konklużjonijiet ta’ dik il-konferenza. Nista’ naċċertak li din l-istituzzjoni, dawn il-membri parlamentari u dan il-poplu Malti u Għawdxi, ilkoll kemm aħna naqsmu r-rispett lejn id-dinjità tal-persuna, ir-rispett lejn il-persuna sħiħa, mingħajr ebda diskriminazzjoni, la ta’ kulur, la ta’ razza, la ta’ reliġjon, la ta’ fehma politika jew ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni oħra. Għal dak is-sentiment li int esprimejt dalgħodu inti żgur issib lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu warajk. |
| Anqas minn sebgħin ġurnata minn meta ħadna | l-Indipendenza fl-1964, Malta issieħbet f’ din l-Organizzazzjoni. Il-mexxejja ta’ dakinhar kellhom fiduċja sħiħa f’pajjiżna u fil-poplu tagħna. Kienu ċerti li dan in-Nazzjon ġdid, anke jekk huwa fost l-iżgħar fid-dinja, kien kapaċi jħaddan u jirrispetta l-mandat tan-Nazzjonijiet Uniti bħala membru attiv fi ħdan din l-Organizzazzjoni. |
| Iż-żmien tana risposta għax pajjiżna għamel isem | bħala nazzjon protagonista. |
| Malta tat kontribut sinifikanti u oriġinali | sabiex flimkien mal-komunità internazzjonali tħares ir-riżorsi komuni, bħall-klima, ħalli dawn jitgawdew kemm mill-ġenerazzjonijiet tal-lum, kif ukoll minn dawk ta’ għada. |
| Il-karatteristiċi ta’ Malta bħala pajjiż sovran | imma vulnerabbli quddiem l-abbuż tal-poter militari jew ekonomiku għenuna nrawmu vuċi u nsibu mezzi, fi ħdan in–Nazzjonijiet Uniti, kif il-komunità internazzjonali tista’ tħares ir-riżorsi naturali bħala ġid komuni tal-umanità kollha. |
| Fi | ħdan il-komunità internazzjonali, isem Malta huwa sinonimu ma’ żewġ inizjattivi li biddlu l-mod kif il-liġi internazzjonali tirregola l-użu tar-riżorsi naturali. |
| Dan | ma kienx pass ħafif għal pajjiżna imma żgur li kien fattur determinanti li sawwarna bħala nazzjon matur li jemmen u jaħdem mhux biss favur l-indipendenza u l-ugwaljanza ta’ kull stat u poplu fid-dinja, iżda anki li jseddaq spirtu ta’ fraternità bejn poplu u ieħor, proprju kif tisħaq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
| Meta | fl-1967 ir-Rappreżentant ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti, Arvid Pardo, ippropona l-użu tar-riżorsi minerali ta’ qiegħ il-baħar bħala wirt komuni tal-umanità u allura ‘l barra mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, Malta kienet qed tuża leħinha fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti biex tieqaf lil nazzjonijiet ħafna akbar minnha, inkluż is-super potenzi ta’ dak iż-żmien, milli jkomplu jisfruttaw dawn l-istess riżorsi, a skapitu ta’ pajjiżi li ma kellhomx il-mezzi biex jikkompetu magħhom. |
| Il-viżjoni ta’ Malta għalkemm meqjusa bħala | ħolma, wasslet biex titwieled l-unika sistema ta’ mmaniġġjar internazzjonali li tħares l-istess riżorsi sabiex jiġu wżati b’mod paċifiku u fl-interess tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. |
| Madwar għoxrin sena wara, fl-1988, Malta reġgħet | kienet in-nazzjon li fi ħdan l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ressaq proposta, fuq parir tal-Professur David Attard, sabiex il-komunità internazzjonali tirregola l-attivitajiet tal-bniedem li kienu qed jikkawżaw tibdil fil-klima. |
| Minkejja li l-ħarsien tal-ambjent kien diġà | akkwista importanza kbira fost il-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti, din il-proposta kienet meqjusa bħala att kuraġġuż u innovattiv. Pajjiżna talab li jiġi negozjat trattat sabiex attivitajiet li jagħmlu l-ħsara lill-klima jiġu indirizzati, anki meta dawn kienu qed iseħħu fil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali. |
| Il-proposta ta’ Malta kienet waħda bbażata fuq | il-ħarsien tal-klima bħala parti mill-ġid komuni tal-umanità. Il-klima, kienet issostni din il-proposta, hija essenzjali għall-ħajja fid-dinja u għalhekk kull pajjiż kellu interess komuni li jħares din ir-riżorsa naturali milli tiġi affettwata negattivament b’mod irreparabbli. |
| Fid-diskors li kien għamel il-Ministru | tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien, illum il-President Emeritu Dottor Ċensu Tabone, spjega kif Malta kienet ħadet din l-inizjattiva għax qieset li d-dritt ta’ kull individwu li jgawdi klima fi stat li tħares il-ħajja bl-aħjar mod, għandu jiġi rikonoxxut mid-dritt internazzjonali. Meta spjega din l-inizjattiva fis-Second Committee tal-Assemblea Ġenerali, il-Professur Attard tenna kif it-tibdil fil-klima għandu jiġi mogħti attenzjoni urġenti billi jittieħdu miżuri effettivi u koordinati fuq bażi globali, reġjonali u nazzjonali u fejn tingħata għajnuna speċjali lil pajjiżi li qed jiżviluppaw. |
| L-inizjattiva ta’ Malta dwar it-tibdil fil-klima | wasslet għal riżoluzzjoni approvata unanimament mill-Assemblea Ġenerali nhar is-6 ta’ Diċembru 1988. |
Malta ma waqfitx hemm.
| Baqgħet issostni għall-ħtiega li | jibdew negozjati għal trattat dwar it-tibdil fil-klima. Hekk sar, u r-Riżoluzzjoni pprovdiet l-elementi li fuqhom mbagħad tfasslet il-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u aktar tard ukoll il-Protokoll ta’ Kyoto. |
| Ir-riżoluzzjoni proposta minn Malta kienet | tinkorpora l-fatturi kollha li pajjiżna kien saħaq fuqhom sa mill-bidu li ħa din l-inizjattiva. Fosthom li t-tibdil fil-klima huwa ta’ interess komuni għall-umanità u li għalhekk kull Stat għandu d-dmir li jħares il-klima minn kull ħsara li tirriżulta mill-attivitajiet tal-bniedem, sabiex din tkun tista’ tibqa’ ssostni l-ħajja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. |
| Fi | ħdan l-Unjoni Ewropea aħna ħdimna biex il-Protokoll ta’ Kyoto jiġi attwat. Saħansitra għażilna volontarjament li nassumu taħt il-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta’ Kyoto, l-istess obbligi bħal pajjiżi żviluppati meta tlabna li nagħmlu parti mill-iskeda li tinkludi dawk il-pajjiżi li għandhom l-obbligu li jnaqqsu l-emissjonijiet li jikkaġunaw it-tibdil fil-klima. Aħna grati għall-għajnuna li rċevejna mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, il-United Nations Development Programme, biex inwettqu l-obbligi tagħha. |
| Il-prestiġju li tgawdi Malta minħabba | l-inizjattiva li ħadet jidher biċ-ċar fil-ħatra ta’ Michael Zammit Cutajar, l-Ambaxxatur Malti għall-Bidla fil-Klima, bħala ċ-Chairperson għall-kumitat ad hoc magħżul biex jinnegozja l-futur tal-Protokoll ta’ Kyoto. L-Ambaxxatur Zammit Cutajar serva għal żmien twil bħala Segretarju Eżekuttiv tan-negozjati tal-Konvenzjoni u l-Protokoll. |
| Lokalment, il-Gvern beda proċess twil u daqstant | ieħor komplikat biex inħejju u nimplimentaw strateġija dwar it-tibdil fil-klima għall-Malta. Il-Gvern ħatar grupp ta’ esperti, li wara konsultazzjoni twila, lestew ix-xogħol tagħhom u wasslu biex jiffinalizzaw Strateġija Nazzjonali għal pajjiżna. Issa jmiss li nibdew l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. |
| Daqs | kemm kienet sfida kbira biex nikkonvinċu pajjiżi oħra, daqshekk neħtieġu kuraġġ sabiex bħala Gvern u bħala pajjiż nagħmlu l-għażliet neċessarji biex pajjiżna jilħaq l-obbligi tiegħu biex inaqqas l-użu tal-fossil fuels u jaħdem ħalli jadatta ruħu għat-tibdil fil-klima. |
| Malta tifhem il-bżonn li għandu jinżamm ritmu | kostanti fin-negozjati. Kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-kuntest aktar wiesa’ tan-negozjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, Malta qed taħdem bis-sħiħ sabiex jintlaħaq qbil dwar il-klima għal wara l-2012. Aħna fiduċjużi li waqt il-konferenza li ser issir f’Kopenhagen lejn l-aħħar ta’ din is-sena, jintlaħaq qbil dwar il-klima għal wara l-2012 li jindirizza b’mod adegwat it-temi ta’ adattament u mitigazzjoni. |
Eċċellenza,
| Il-bidla fil-klima hija marbuta b’mod intimu ma’ | sfida kbira li qed jiffaċċja pajjiżna, l-isfida tal-immigrazzjoni illegali. |
| Fid-dawl tas-sitwazzjoni ferm diffiċli li | qiegħed iħabbat wiċċu magħha pajjiżna, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-appoġġ tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti. |
| Malta toffri protezzjoni skond l-obbligi | internazzjonali u Ewropej li għandha. Il-Gvern irid jirrispetta l-obbligi kollha tiegħu. Madankollu aħna m’għandniex ir-riżorsi u l-kapaċità meħtieġa għall-integrazzjoni ta’ dawk il-persuni kollha li jingħataw protezzjoni. |
| B’mod partikulari, il-Gvern iqis li d-deċiżjoni | tal-UNHCR li ma topponix l-użu tar-resettlement quotas għat-trasferiment minn pajjiżna ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, bħala pass pożittiv u li jagħraf iċ-ċirkustanzi reali ta’ pajjiżna. |
| Il-parteċipazzjoni attiva tal-UNHCR | fil-Programm ta’ Trasferiment li għaddej bħalissa mal-Istati Uniti, tikkonferma r-rieda tal-UNHCR u tal-Istati Uniti, li jipprovdu assistenza prattika lil Malta. Matul l-aħħar 12-il xahar, dan il-programm wassal għat-trasferiment ta’ 242 persuna minn Malta lejn l-Istati Uniti. |
| Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex | nirrakkomanda li l-Uffiċċju tiegħek iħeġġeġ pajjiżi oħra li jħaddmu sistema ta’ kwota għat-trasferiment, sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom lil Malta, billi jilqgħu f’pajjiżhom numru ta’ persuni bi protezzjoni internazzjonali minn Malta. |
Eċċellenza,
Malta hija fost l-aktar pajjiżi vulnerabbli. Madankollu aħna għandna fiduċja kbira fil-poplu tagħna u fil-kapaċitajiet tiegħu. Il-kontribut ta’ pajjiżna jiżboq sewwa d-daqs u l-limitazzjonijiet tagħna. Il-ħidma ta’ pajjiżna fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti huwa xhieda mill-aqwa ta’ dan kollu.
Hawnhekk nixtieq insemmi l-Presidenza ta’ pajjiżna tal-45 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fit-18 ta’ Settembru 1990, il-President Emeritu l-Professur Guido de Marco kien elett unanimament bħala President tas-sessjoni. Għal darb’ oħra, Malta tat kontribut f’mument kruċjali fl-istorja riċenti, fil-qalba ta’ tmiem il-Gwerra Bierda.
Eċċellenza,
| Il-Gvern immexxi minni huwa kommess li jkompli | jibni fuq dan kollu. |
| Jiena konvint li flimkien miegħek u | man-Nazzjonijiet Uniti nistgħu nkomplu nagħtu kontribut akbar u aħjar sabiex intejbu l-ħajja tagħna u tal-ġenerazzjonijet li ġejjin. |
DOI – 22.04.2009
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984