Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT SEMINAR GĦALL-MEDJATURI ORGANIZZAT MIĊ-ĊENTRU TAL-MEDJAZZJONI GĦAL MALTA – VALLETTA - IL-ĦAMIS, 16 TA’ APRIL 2009

PR0619
Date Icon 16/04/2009

Sinjuri,

Huwata’ pjaċir għalija li nindirizzakom illum f’din l-okkażjoni.  Il-medjazzjoni hija proċess legali li għandu ħafna vantaġġi għal min jagħraf jiddeċiedi li jasal fi ftehim fuq kwistjoni legali.  Ma narax li għandi nagħmel elenku twil ta’ dawn il-vantaġġi, biss huwa biżżejjed li jingħad li jonqsu l-atrit, l-ispejjeż, iż-żmien, it-telf inutili ta’ siegħat ta’ xogħol u li l-medjazzjoni tagħlaq għoqda mingħajr ma tikkumplika ruħha inutilment.
Kullsoċjetà li qed tħares ʹil quddiem ħadet ħsieb iddaħħal dan il-mekkaniżmu legali li lejh wieħed jista’ jirrikorri jew qabel jiftaħ kawża, jew waqt li kawża tkun għaddejja.  Huwa metodu alternattiv ta’ kif issolvi l-problemi, flok quddiem Ġudikant quddiem persuna li kapaċi twassal għal ftehim.  Il-verità hija li f’numru ta’ każijiet, dan il-ftehim huwa ferm iktar effettiv minn sentenza ta’ Qorti li ma tkunx tista’ tħares u tindirizza t-truf kollha tal-kwistjoni.  Għalhekk, il-proċess alternattiv tal-medjazzjoni hemm loku u hemm ukoll skop li dan jiġi promoss u utilizzat aktar.
Pajjiżna ma baqax lura fuq dan u huwa wkoll,forsi minn ta’ l-ewwel fuq livell Ewropew, li ħa ħsieb li jkollu liġi fuq is-suġġett.  Fil-fatt, fil-21 ta’ Diċembru 2004 ġie introdott fil-liġijiet tagħna l-Kapitolu 474, li jintroduċi u jirregola b’mod ċar il-kunċett tal-medjazzjoni.  Żgur li dan kien u jibqa’ pass importanti ħafna fis-settur legali, iżda waħdu m’huwiex biżżejjed.  Hemm bżonn li wieħed ikompli jaħdem sabiex tinbidel il-kultura legali.  Tiċċaqlaq sabiex tibda tifhem u taċċetta li hemm vantaġġi li jistgħu jinkisbu li, fl-aħħar tal-ġurnata, huma ta’ benefiċċju għal kull min huwa nvolut: is-soċjetà, il-persuni konċernati u l-konsulenti legali.  M’hemmx dubju li m’hemmx għaġġla żejda għaliha, lanqas ma hi xi prinċipju kardinali, biss hemm bżonn li s-soċjetà tiġi mgħarrfa aktar bil-vantaġġi u tiġi mħajra tidħol aktar għaliha.
Għalhekk, nixtieq nieħu l-opportunità sabiex,l-ewwel, nirringrazzja lill-Bord taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għax-xogħol li sar sa issa u nħeġġu sabiex ikompli jintensifika l-ħidma tiegħu.  It-tieni, niġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għal-librett verament spjegattiv maħruġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern fis-sena 2005 fuq “X’inhu sewwa l-Proċess tal-Medjazzjoni”, li hu miktub bi kliem sempliċi sabiex jinftiehem minn kulħadd.  It-tielet, nirringrazzja li l-Kodiċi ta’ Etika issa ġie finalizzat mill-Bord u huwa għad-disposizzjoni tal-medjaturi kollha.  Dawn huma passi importanti ħafna fil-ħidma tal-medjazzjoni.  Ma hemmx dubju li jimmeritaw attenzjoni għax issa ser tiżdied iktar il-ħidma Ewropea f’dan is-settur.  Fil-fatt, wara numru ta’ snin ta’ diskussjoni fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa fil-21 ta’ Mejju 2008 approva d-Direttiva 2008/52/EC fuq il-Medjazzjoni fil-Kamp Ċivili u Kummerċjali fi kwistjonijiet legali “cross-border”.  F’dan id-dokument, ai termini tal-artikolu 6 ċċaqlaqna sabiex il-ftehim li jaslu għalih il-partijiet fi proċess ta’ medjazzjoni, jekk huma jiftehmu hekk, isir eżegwibbli bħal sentenza tal-Qrati.
Il-medjazzjoni hija proċess importanti ħafnagħal kull soċjetà demokratika u aktar ma din tiġi msaħħa, aktar tippermetti li tirrenja l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż.  Hija prijorità ta’ dan il-Ministeru li, tul is-snin li ġejjin, dan ikompli jiġi ssudat.  Hemm bżonn ninfurmaw lis-soċjetà b’dan il-mekkaniżmu u nagħmlu ħilitna kollha sabiex inbiddlu iktar il-kultura legali.  L-użu tal-medjazzjoni hemm bżonnu u hemm bżonn li ngħarfuh fil-vantaġġi kbar li dan jagħti.

DOI – 16.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow