Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TAT-TIĠDID TAL-KUNSILLI LOKALI:  “BIEX IL-KUNSILL JAGĦTIK L-AQWA SERVIZZ” – VALLETTA – 15 TA’ APRIL 2009

PR0616
Date Icon 15/04/2009
It-twaqqiftal-Kunsilli Lokali saħħaħ il-proċess demokratiku f’pajjiżna.  Il-proċess demokratiku ma jibdiex u jieqaf ma’ xi elezzjoni.  Ikompli tul il-mandat kollu; kemm ta’ Gvern kif ukoll ta’ Kunsill Lokali.  U dan hu dak li għamilna matul dawn l-aħħar 12-il xahar, anki fejn jidħlu l-Kunsilli Lokali.
F’din l-aħħarsena, il-Gvern kien impenjat f’20 eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar oqsma differenti; il-liġi tal-kera, l-edukazzjoni, il-bidla fil-klima, l-immaniġġjar tal-iskart, it-trasport pubbliku, il-MEPA, u eko-Għawdex, fost l-oħrajn.  Dawn ir-riformi jinteressaw ukoll lill-Kunsilli Lokali għaliex jolqtu mill-qrib lir-residenti.  Għalhekk it-tiġdid tal-Kunsilli Lokali m’għandux jittieħed bħala tiġdid iżolat iżda jingħaqad ma’ kullana oħra ta’ inizjattivi u riformi li qed isiru bħalissa u li se jsiru fix-xhur li ġejjin.
Fil-proċess ta’konsultazzjoni, għidna x’inhi l-viżjoni tagħna għall-Kunsilli Lokali.  Minn hemm ‘il quddiem, smajna aktar milli tkellimna aħna.  Tajna widen, flok iddeċidejna waħedna.  Għarbilna dak li għidtulna biex inwettqu dak li tixtiequ intom, flok fassalna proposti għal rasna.  Dak li ġie preżentat illum hu riżultat ta’ dak li għamilna flimkien.
Il-proċess ta’konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali kien wieħed wiesa’ ħafna u matulu smajna lill-kunsillieri, lis-Segretarji tal-Kunsilli Lokali, lill-għaqdiet volontarji, lill-unions, lil min iħaddem, lit-tfal, liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-ġenituri u lil kull min b’xi mod jew ieħor imiss mal-operat tagħhom.  Iżda fuq kollox smajna lir-residenti, li huma l-klijenti tal-Kunsilli Lokali.
Ippermettulinesprimi s-sodisfazzjon tiegħi bil-parteċipazzjoni kbira fil-proċess ta’ konsultazzjoni.  Irċevejna kważi 8,000 kontribut.  Użajna kull mezz biex nisimgħu: laqgħat fil-lokalitajiet, laqgħat reġjonali, freephone, website, e-mails u permezz ta’ leaflet.  Nixtieq li nara li dan il-moviment jitkompla mill-Kunsilli Lokali fil-ħidma tagħhom.  Il-Maltin u l-Għawdxin jinteressahom mill-Kunsilli Lokali u wrew li jridu jagħmlu l-parti tagħhom biex dawn jissaħħu ħalli huma jkollhom servizz aħjar u jgħixu f’lokalitajiet isbaħ u aktar organizzati.
Fil-ħidma tagħna,aħna bħala Gvern ħerqana li f’dak li nagħmlu nagħtu l-aħjar lir-residenti, liċ-ċittadini, lill-poplu tagħna.  U għalhekk emminna li kien wasal li jsir proċess ta’ tiġdid tal-Kunsilli Lokali.
Stajnanikkuntentaw li l-Kunsilli Lokali huma suċċess f’pajjiżna, u nieqfu hawn.   Ladarba konna qed inħarsu lejn il-Kunsilli Lokali bħala realtà li ħadmet stajna faċilment ħallejna kollox kif inhu.  Iżda l-verità hi li fil-ħajja tal-lum jekk tieqaf, tibda tmur lura. Għalhekk iddeċidejna li kien wasal iż-żmien li nanalizzaw x’ħadem u x’ma ħadimx, x’jista’ jitjieb u, fuq kollox, inkunu ċerti li l-Kunsilli Lokali tagħna jirrispondu għar-realtajiet tal-lum; ikunu lesti għall-isfidi tal-ġejjieni; u jilħqu l-aspettattivi tar-residenti – bi skop wieħed – li jagħtu l-aqwa servizz possibbli lir-residenti ta' kull lokalità.  Din hi l-viżjoni tagħna: biex il-Kunsill jagħtik l-aqwa servizz.
Jekk inqabblu l-lokalitajiettagħna llum ma’ kif kienu 15–il sena ilu żgur li nintebħu bit-titjib sostanzjali fil-lokalitajiet infushom.  Qed isiru aktar attivitajiet u qed jittieħdu aktar inizjattivi fuq livell lokali.  Bit-tiġdid li qed inħabbru llum irridu nkunu ċerti li meta għaxar snin, ħmistax-il sena oħra nħarsu lura u nqabblu l-lokalitajiet tagħna ma’ dawk tal-lum ngħidu li l-lokalitajiet huma ferm aħjar u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti kompliet titjieb.
Xi smajnafil-proċess ta’ konsultazzjoni?  Meta tagħmel analiżi ta’ dak li smajna ssib li r-residenti jridu mill-Kunsilli Lokali:

•           toroq u bankini aħjar;

•           indafa fil-lokalità u dixxiplina biex tinżamm l-indafa u l-ordni;

•           uffiċċju amministrattiv li jservi ta’ one stop shop fil-lokalità;

•           ambjent isbaħ fejn il-familja tista’ tgħix, tistrieħ u tiddeverti;

•           faċilitajiet għat-tfal, żgħażagħ u anzjani;

•           it-tħaddim tal-valur tas-solidarjetà fejn jingħata sostenn lil min hu fil-bżonn;

•           tisħiħ tal-identità tal-lokalità – bi tħaris tal-wirt storiku u kulturali tal-lokalità;

•           ħidma mill-qrib mal-għaqdiet tal-lokalità;

•           aktar parteċipazzjoni attiva mir-residenti.

Kif irrispondejnagħal dawn l-aspirazzjonijiet tal-poplu tagħna?  Fil-preżentazzjoni li għadha kemm saret stajtu tisimgħu d-deċiżjonijiet li wasalna għalihom magħkom.  Minn dawn id-deċiżjonijiet stajtu tindunaw li l-Kunsilli Lokali se jkunu f'pożizzjoni aħjar li jirrispondu għal dak li qed jistenna l-poplu tagħna.  Għalhekk se jkunu jistgħu jagħtu aktar servizzi, se jkollhom responsabbiltajiet ġodda u se jkunu qed jaħdmu aktar fl-oqsma ambjentali, edukattivi, soċjali, kulturali u dak sportiv.
F’dak kollu lijsir għandha tberren viżjoni waħda:  biex il-Kunsill jagħtik servizz aħjar.  Aħna jinteressana mill-bniedem.  Aħna jinteressana mill-missier li qed jimxi fuq il-bankina ma’ wliedu.  Tinteressana dik l-anzjana li għaddejja minn fuq rampa b’anqas tbatija.  Jinteressana l-persuna b’diżabilità li qed issegwi kors tal-computer fl-uffiċini tal-Kunsilli Lokali.  Jinteressana dak it-tifel, li flimkien ma’ oħtu qed jilgħab fil-ġnien li rranġa l-Kunsill.  Jinteressawna r-residenti li jsibu toroq tajbin u li joffru sigurtà fejn isuqu.  Jinteressana li l-gwardjani jieħdu ħsieb l-ordni u s-sigurtà tat-tfal ħdejn l-iskejjel.  Il-faċilitajiet u l-istrutturi huma importanti, iżda aktar minnhom huma importanti dawk li jagħtuhom ħajja: in-nies.
Għal dan il-għanse jinħolqu diversi servizzi ġodda li jkunu jistgħu jingħataw permezz tal-e-government mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali u se jsir ukoll titjib fis-sistema tal-IT u tal-Customer Care.  Il-kunċett ta' one stop shop huwa importanti u ċentrali – kull resident għandu jinqeda mill-uffiċċju tal-Kunsill Lokali mhux biss mis-servizzi offruti direttament mill-Kunsill iżda wkoll għas-servizzi offruti mill-entitajiet ċentrali.
Se jitniedaQuality Service Charter dwar kif għandu jingħata s-servizz mill-Kunsilli Lokali lill-pubbliku.  Dan iċ-Charter se ngħadduh lill-Kunsilli Lokali u fl-istess waqt se nagħtu l-għodda biex jitħaddem.  Għalhekk dawk involuti fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali se jingħataw it-taħriġ meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jadottawh.
Irridu narawukoll li biex tassew jingħata servizz tajjeb u lil kulħadd l-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali u postijiet oħra pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd… u anki hawn il-Kunsilli Lokali se jingħataw l-għajnuna biex iħaddmu dan il-kunċett.
Aħna nixtiequ lil-Kunsilli Lokali jagħrfu r-realtajiet ġodda tas-suq tax-xogħol u jkunu aċċessibbli għal dawk li jaħdmu matul il-ġimgħa. Għalhekk wara diskussjonijiet irridu naslu biex il-ftuħ tal-uffiċċji amministrattivi jibda jsir ukoll fil-ġranet tas-Sibt biex aktar nies ikunu jistgħu jużaw is-servizzi mogħtija mill-Kunsilli Lokali.  Irridu naraw ukoll li kull persuna jkollha l-informazzjoni kollha possibbli dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali u ssib il-bibien miftuħa biex tipparteċipa fl-istess ħidma.
Il-programmtal-gvern hu bbażat fuq żvilupp sostenibbli.  Iżda l-Gvern ma jistax jaħdem f’din id-direzzjoni waħdu.  Fid-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum irridu mhux biss naraw x’se niggwadanjaw fil-preżent iżda rridu nħarsu wkoll id-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Biex ikollnażvilupp sostenibbli fil-pajjiż irid ikollna lokalitajiet sostenibbli u permezz ta’ dan it-tiġdid qed nagħtu l-għodda lill-Kunsilli Lokali biex jaslu għas-sostenibbiltà fil-belt jew raħal tagħhom.
Kull KunsillLokali se jkun qed ifassal strateġija li għandha twassal għal lokalità sostenibbli fl-oqsma kollha inkluż dawk infrastrutturali, ambjentali, soċjali, edukattivi u kulturali.  B’hekk ikunu l-Kunsilli Lokali flimkien mar-residenti tagħhom li jippjanaw il-ġejjieni fit-tul tal-lokalità bl-aħjar mod possibbli.  U r-residenti se jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-lokalità.
Lill-KunsilliLokali se nagħtuhom l-opportunità li jieħdu inizjattivi biex jikkontribwixxu għall-użu effiċjenti tal-enerġija, tal-ħarsien tal-klima u l-immaniġjar tal-iskart. Dan irid iwassal biex ir-residenti tagħna jgħixu f’ambjent aħjar, b’sensittività akbar lejn dak li hu ta’ ġid għall-ambjent ta’ madwarna u għas-saħħa tagħna.  Diġà l-Gvern ħareġ skema għall-Kunsilli Lokali biex jieħdu inizjattivi marbuta mal-enerġija alternattiva.
Il-KunsilliLokali jridu jagħrfu l-importanza tal-edukazzjoni u għalhekk għandu jkollhom il-possibbiltà li jħaddmu aktar il-kunċett ta’ life-long learning fil-lokalitajiet, kif joffru opportunitajiet ta’ tagħlim lill-adulti u anzjani fil-komunità stess.  Fil-proċess ta’ konsultazzjoni ħareġ ċar li hawn għatx għat-tagħlim u taħriġ tul il-ħajja.
Ir-residentifil-proċess ta’ konsultazzjoni kienu ċari:  ma jridux Kunsilli Lokali li jħarsu lejn il-ħtiġijiet infrastrutturali tal-lokalità biss.  Irridu Kunsilli li jagħtu kas l-aspett soċjali ta’ kull wieħed u waħda minna.   Politika mingħajr l-aspett soċjali, tkun politika fjakka, inumana.  Irridu li l-istess Kunsilli Lokali jidħlu aktar fl-aspett soċjali anki permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-aġenziji nazzjonali.
L-għodda li qednagħtu lill-Kunsilli Lokali biex dan it-tiġdid isir realtà jinqasmu fi tlieta - ir-riżorsi umani, ir-riżorsi finanzjarji u t-taħriġ.  Fejn ikun meħtieġ se nżidu r-riżorsi umani, biex isiru aktar inizjattivi fuq livell lokali.
Il-formola ta’ kif jitqassmu l-fondi se ssiraktar sempliċi.  Se jkun introdott fond għal dawk il-lokalitajiet li jridu joffru s-servizzi lill-eluf ta’ Maltin jew turisti li jżuruhom.  Se jsir ring-fencing ta’ partijiet mill-fondi li l-Gvern Ċentrali jalloka lill-Kunsilli Lokali.  Irridu li l-flus li jiġu mgħoddija lill-Kunsilli Lokali mit-taxxi tal-poplu tagħna jintużaw bl-aħjar mod possibbli u għalhekk qed jiddaħħlu diversi regolamenti ġodda biex nassiguraw li dawn jintużaw tajjeb u nieħdu value for money.
Kultant nippretendu li għax persuna saretKunsillier jew Kunsilliera, din f’daqqa waħda saret esperta fl-oqsma kollha li jkopru l-Kunsill Lokali.  Din mhix ir-realtà u għalhekk se nvaraw diversi programmi ta’ taħriġ fosthom korsijiet ġenerali u speċifiċi għall-Kunsilliera b’mod kontinwu u strutturat.  Mal-Kunsilliera rridu nħarrġu wkoll lis-Segretarji Eżekuttivi u lill-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali u anki hawn se nniedu programmi ta’ taħriġ li jkunu strutturati u ppjanati biex jirriżultaw f’servizz aħjar għar-residenti u operat aktar effiċjenti tal-Kunsilli Lokali.
Fit-tiġdid li qed isir se ntawlu t-terminutal-Kunsilli Lokali biex dawn ikollhom iċ-ċans jippjanaw u jattwaw il-pjan ta’ ħidma tagħhom.  Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni nistgħu ngħidu li kien hemm appell unanimu li t-terminu jitwal u dan se nkunu qed inwettquh. B'hekk nassiguraw li r-residenti ta' kull lokalità jieħdu l-massimu mill-ħidma ppjanata ta' kull Kunsill Lokali.
Se ndaħħlu wkoll aktar trasparenza u kontabbiltàu rridu nassiguraw rispett sħiħ tal-liġi minn kull Kunsill Lokali. Ma nistgħux nittolleraw abbużi jew ksur tal-Liġi.  Kull nuqqas ta’ Kunsill Lokali hu nuqqas fil-konfront tar-residenti u l-Gvern irid iħares l-interessi tar-residenti u tal-komunitajiet tagħna.
F’pajjiżna se nkunu qed inwettqu dan it-tiġdidbiex il-Kunsilli Lokali jkomplu jiżviluppaw aktar.  Iżda hemm realtà oħra li rridu nżommuha f’moħħna għaliex hi ta’ benefiċċju għar-residenti u għall-lokalitajiet tagħna.  Fl-1 ta’ Mejju li ġej pajjiżna se jkun ilu ħames snin imsieħeb fl-Unjoni Ewropea.  Diversi Kunsilli Lokali diġà għarfu l-ġid li jistgħu jiksbu għar-residenti bis-saħħa tas-sħubija u l-programmi li għandha l-Unjoni Ewropea.
Nistieden lill-Kunsilli Lokali biex aktar minnqatt qabel iħarsu ‘l barra mill-konfini tagħhom u ‘l barra mix-xtut ta’ dawn il-gżejjer.  Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ġabet opportunitajiet ġodda għall-Kunsilli Lokali.  Permezz ta’ fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsilli Lokali jistgħu jwettqu proġetti ambjentali u infrastrutturali u jieħdu inizjattivi oħra f’oqsma bħall-edukazzjoni u skambji.  Diversi Kunsilli Lokali diġà taw prova ta’ kif kapaċi jieħdu vantaġġ minn dawn il-programmi.
Il-Gvern qiegħed iwieżen lill-Kunsilli Lokali,anki fejn jidħlu l-opportunitajiet tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Din is-sena twaqqaf fond biex jgħin lill-Kunsilli Lokali jagħmlu tajjeb finanzjarjament għal dik il-parti tal-proġett li tkun trid tiġi ffinanzjata minn fondi lokali.  Kif tafu, ħafna mill-proġetti tal-Unjoni Ewropea jiġu ffinanzjati sa 75% jew 85% minn fondi tal-Unjoni Ewropea u l-bqija mill-fondi nazzjonali.  Hekk ukoll il-Kunsilli Lokali jkunu jridu joħorġu parti żgħira biex iwettqu l-proġett li jkunu kkwalifikaw għalih.  Il-Gvern waqqaf fond biex jagħmel tajjeb għal dan il-ko-finanzjament tal-Kunsilli Lokali.
Ħadna aktar inizjattivi.  Is-sena li għaddietil-Gvern waqqaf il-MEUSAC.  Fost ir-responsabbiltajiet tiegħu hemm li jagħti appoġġ lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-Kunsilli Lokali biex iressqu applikazzjonijiet quddiem l-Unjoni Ewropea biex jibbenefikaw minn fondi li jistgħu jiġu allokati direttament lill-Kunsilli Lokali.  Din is-sena kien hemm 19-il Kunsill Lokali li applikaw biex jipparteċipaw fi programmi tal-Unjoni Ewropea bl-għajnuna li ngħataw mill-MEUSAC.
Minbarra l-gwadann li jista’ jagħmel kullKunsill Lokali, illum diversi lokalitajiet qed jibbenefikaw minn inizjattivi li qed isiru minn fondi tal-Unjoni Ewropea.  Mill-budget 2007 – 2013, Malta qed tieħu 1.159 biljun ewro biex tieħu inizjattivi fix-xogħol u l-investiment biex jinħolqu aktar impjiegi għall-ħaddiema; fl-edukazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagh tagħna; fondi biex jinfetħu u jiġu mgħejjuna child care centres għall-ġenituri fl-ibliet u l-irħula tagħna; fondi  biex isiru faċilitajiet għall-immaniġjar u l-ġbir tal-iskart u biex isiru toroq arterjali.  Ħafna mill-proġetti jinħassu f’livell lokali mir-residenti.
Quddiemna għandna aġenda impenjattiva.  Persważli b’dan it-tibdil li qed inressqu quddiemkom, bil-ħidma tal-Gvern, bl-enerġija tal-kunsillieri u l-impjegati; u l-parteċipazzjoni attiva tar-residenti se nkunu qed nibnu fuq is-suċċess tal-Kunsilli Lokali tal-aħħar ħmistax–il sena.  Se nkunu qed naraw li l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna jiżviluppaw biex ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħtu l-aħjar servizz lir-residenti kif ukoll biex iwasslu għal titjib sostanzjali f’kull qasam - hekk ikunu qed jiġu indirizzati l-aspettattivi u milħuqa l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tar-residenti.

…/pr0616a.pdf - Biex il-Kunsill jag]tik l-Aqwa Servizz

…/pr0616b.pdf – Skeda tal-Elezzjonijiet

…/pr0616c.pdf - Riforma Kunsilli Lokali

DOI – 15.04.2009

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow