Left arrow Mur Lura

KONFERENZA INTERNAZZJONALI DWAR IL-BIZZILLA TILTAQA’ F’GĦAWDEX

PR0544
Date Icon 30/03/2009
It-tielet sessjoni ta’ konferenzainternazzjonali dwar il-bizzilla, ġiet imtella’ f’Għawdex fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Din il-konferenza tagħmel parti minn proġett tal-programm ‘Leonardo da Vinci’ taħt il-programm għat-Tagħlim matul il-Ħajja tal-Kummissjoni Ewropea.
Iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat WistinCamilleri (GCAC) daħal f’dan il-proġett flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra li ġejjin mill-Belġju, l-Italja, Ġermanja, Spanja u Slovenja. B’hekk Malta qed tkun irrappreżentata fi proġett li hu intenzjonat li jqabbel metodi u tekniċi użati minn kulturi differenti fil-pajjiżi parteċipanti, b’mod speċjali bl-użu tal-bizzilla fl-iddisinjar tal-ħwejjeġ saż-żmien tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Fil-fatt il-proġett jinkludi r-rikostruzzjoni ta’ ħwejjeġ antiki b’inserzjonijiet tal-bizzilla maħduma bl-idejn. Parti oħra tal-proġett tiffoka biex tiġi kkreata sistema ta’ xempji tal-bizzilla komuni. Permezz ta’ dan ser jiġi mfassal kodiċi mibni fuq il-kuluri, li jagħmilha possibbli biex disinni tal-bizzilla li joriġinaw minn pajjiżi differenti jkunu jistgħu jiġu ddeċifrati faċilment u għalhekk ix-xogħol relatat ikun jista’ jiġi esegwit minn kulħadd b’mod identiku.
Għal dinil-konferenza qed jattendu 28 rappreżentant tal-pajjiżi Ewropej li qed jieħdu sehem f’dan il-proġett. Dawn ingħaqdu ma’ għalliema tal-bizzilla u parteċipanti Għawdxin li jattendu korsijiet relatati fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat, waqt żjara qasira li għamlu f’Għawdex. Fil-konferenza ġew diskussi materji relevanti għall-proġett Lace - wealth for the rich, blessing for the poor, fejn ġew mogħtija wkoll dettalji dwar il-fażi attwali li fiha wasal il-proġett tal-kodifikazzjoni tax-xempji.
Il-Ministru għalGħawdex, l-Onor. Giovanna Debono, indirizzat lill-parteċipanti waqt li nawgurat wirja ta’ xogħlijiet tal-bizzilla maħduma minnhom stess. Il-Ministru fissret kif avvenimenti ta’ din in-natura jkomplu jagħtu saħħa lill-investiment li sar fil-bini ta’ estensjoni ġdida fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat. Il-faċilitajiet ġodda li nbnew f’din l-estensjoni qegħdin jippermettu li aktar Għawdxin ta’ kull età jipparteċipaw f’diversi korsijiet li jiġu organizzati. Fuq kollox dawn il-faċilitajiet flimkien mal-impenn u l-inizjattivi ta’ dawk kollha involuti, qed ikunu għodda siewja biex dan iċ-ċentru jiġġenera attività ta’ kreattività u innovazzjoni filwaqt li jippermetti skambji interkulturali. B’hekk minbarra li huwa strumentali biex jinżammu ħajjin snajja’ tradizzjonali, qed iservi wkoll biex jippromwovi mezzi u tekniċi moderni li jirriżulta f’tagħlim u taħriġ vokazzjonali b’risq ir-riżorsi umani f’Għawdex. Għal din l-okkażjoni, bħala għeluq għal dan il-programm ġiet imtella’ fashion show minn mudelli Għawdxin, fejn fost oħrajn ġew esebiti ħwejjeġ b’xogħlijiet ta’ bizzilla integrati fihom.
Sadanittant gruppta’ studenti li jattendu korsijiet fil-GCAC għadhom kemm irritornaw minn mawra qasira f’Temse fil-Belġju. Huma kienu akkumpanjati mill-Kap ta’ l-iskola, is-Sur Joseph Attard, flimkien mas-Sur Charlie Camilleri, għalliem fl-istess ċentru. Din il-mawra saret wara li grupp ta’ studenti Belġjani mill-iskola Artofil, kien għamel żjara f’Għawdex.   Fil-Belġju, il-grupp minn Għawdex żar l-Akkademja tal-Arti ta’ Temse. Hawnhekk, is-Sur Camilleri ta lezzjonijiet ta’ Papier Mache, liema suġġett kien ilu ma jiġi esegwit fl-istess Akkademja għal iktar minn ħamsin sena. Saret żjara wkoll fid-Dipartiment tat-tessuti ta’ din l-akkademja li hu magħruf għal tekniki partikolari fil-manifattura ta’ prodotti maħduma mis-suf tan-ngħaġ. B’riżultat ta’ din iż-żjara fil-Belġju, sar qbil biex jiġi ffirmat programm ta’ skambju bejn l-Akkademja Belġjana u ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.  Permezz ta’ dan il-programm, studenti miż-żewġ ċentri ser jingħataw aktar opportunitajiet biex jitgħallmu u jiżviluppaw it-talenti artistiċi tagħhom billi jaqsmu l-esperjenza teknika u jipproponu metodi ġodda. Dan jikkontribwixxi wkoll b’risq il-promozzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali innovattiv.
DOI -30.03.2009
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow