DISKORS MILL-ONOR MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IL-KONFERENZA “MENTAL HEALTH ILLNESS IN THE FAMILY - OUR HIDDEN SECRET” – FLORIANA - 27 TA’ MARZU 2009
PR0529
27/03/2009
Sinjuri,
| Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli | għas-Saħħa Mentali, nixtieq verament nirringrazzjakom ta’ din l-inizjattiva li ħadtu sabiex torganizzaw din il-konferenza. Din hi tema ferm sensittiva li sfortunatament ftit li xejn nisimgħu dwarha. Prosit u grazzi talli għażiltu dan is-suġġett. |
| L-istejjer ta’ tfal li għaddew minn esperjenza | fejn wieħed mill-ġenituri tagħhom kien qed jiffaċċja mard mentali, jixhdu kemm din hija esperjenza diffiċli għal dawn it-tfal. Tfajla ta’ sittax-il sena qaltli li kienet taħseb li missierha ma riedx ikellimha hi u tikber. Kien wara ħafna li skopriet li dak iż-żmien missierha kellu depression. Intant hi kienet taqbad il-bieb u titlaq ’il barra. Ommha ma tantx kien ikollha moħħha u din it-tfajla kienet tqatta’ żmien twil barra d-dar u ta’ spiss kienet issib ruħha f’sitwazzjonijiet ta’ periklu għaliha. |
| Segwejt mill-qrib ħafna każ ta’ missier li | minħabba problema ta’ mard mentali pprova jweġġa’ serjament lill-omm. Għandhom tlett t’itfal żgħar. It-tfal għaddew minn kalvarju sħiħ jippruvaw jifhmu u jinnegozjaw mal-kuxjenza tagħhom dak li ġara. Joħorġu għall-iskola u jħallu familja “normali”. Jirritornaw – ommhom tilgħabha mal-mewt Mater Dei. Missierhom arrestat. Id-dar siġillata mill-pulizija. Ta’ fuqhom senduqhom. Imbagħad jibdew il-mistoqsijiet. “Il-mamà se tgħix?” “Il-papà għamel hekk għax raġel ħażin jew għax marid?” “U jekk kien marid kif kien baqa’ jmur għax-xogħol?” “U jekk il-papà marid allura għalfejn qed jinżamm mill-pulizija?” “Jekk il-papa għamel hekk għax marid għalfejn ġabuna fuq l-aħbarijiet?” “Jekk il-papà vera marid u ma jafx x’kien qed jagħmel allura għalfejn se joħduh il-qorti?” “Min jaf x’inhuma jgħidu fuqna l-ġirien.” “X’se ngħidilhom lil sħabi tal-iskola? Dawn se jaħsbu li missieri hu xi raġel qattiel. Ma jafux kemm kien iħobbna?” Darba minnhom, wieħed mill-ulied f’nofs ta’ lejl, mar qajjem lill-qraba li kienu qed jieħdu ħsiebhom f’dak iż-żmien daqstant diffiċli u staqsiehom “Jimporta tweġbuni din il-mistoqisja u għiduli l-verità. Il-familja tagħna, il-familja “Spiteri” spiċċat? Daqshekk? Xi darba se nerġgħu nkunu flimkien bħala familja kif konna qabel? U jekk iva x’chances hemm li aħna jew il-mamà nkunu f’xi periklu? U meta nikber jien hemm chance li wkoll nispiċċa biex nimrad bħal papà?” Dawn huma mistoqsijiet diffiċli. Li m’hemmx tweġiba faċli għalihom. Mistoqsijiet li jtaqqlu u jkissru l-kbar. Aħseb u ara lit-tfal żgħar. |
| Ir-riċerka turi li l-konsegwenzi fuq tfal li | jkollhom ommhom ma tiflaħx huma ħafna aktar gravi u dan għaliex l-omm tiflaħ u ma tiflaħx, ħafna drabi hija mistennija li tieħu ħsieb uliedha hija stess. Jiġri li f’dawn iċ-ċirkostanzi, speċjalment fejn ma jkunx hemm is-sapport meħtieġ, it-tfal jintelqu għal riħhom u jispiċċaw traskurati. Hawnhekk ippermettuli naqsam magħkom kwotazzjoni ta’ Madre Teresa li naħseb hi relevanti ħafna f’dan il-kuntest “We think that poverty is only being hungry, naked and homeless. The poverty of being unwanted, unloved and uncared for is the greatest poverty.” Immaġinaw biss meta dawn l-unwanted, l-unloved u l-uncared for ikunu tfal żgħar li jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni għax l-omm tkun għaddeja minn problemi ta’ saħħa mentali. Immaġinaw xi trawma. Hemm tfal imbagħad li jispiċċaw jieħdu ħsieb huma stess lill-ġenituri tagħhom. Tfal żgħar li għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom u f’daqqa waħda taqa’ fuqhom responsabbilità li hi akbar minnhom - dik li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom. Tfal oħrajn, sfortunatament jistgħu quddiem din ir-responsabbilità jirribellaw u jitgerfxu. |
| Minn | riċerka lokali li saret minn Abela, Farrugia u Vella 2006 fi ħdan Il-Kummissjoni Nazzjonali Familja, instab li tfal Maltin li kellhom xi ħadd mill-ġenituri tagħhom marid mentalment urew numru ta’ sintomi: |
· 48.4% (kważi nofshom) kellhom problema ta’ mġieba
· 37% kellhom nuqqas ta’ aptit
· 23% ma kinux jorqdu sew
· filwaqt li 20% ma kinux joqgħodu attenti l-iskola
| Xi | ħaġa oħra li laqtitni kienet li 31% ta’ dawn it-tfal kienu jistħu li kellhom ġenitur marid mentalment. Minkejja dan kollu, irriżulta li 82% ta’ dawn it tfal ma kienu qed jirċievu ebda tip ta’ sapport. |
| Ippermettuli nerġa’ mmur pass lura - 31% ta’ | dawn it-tfal kienu jistħu li kellhom ġenitur bi problemi ta’ saħħa mentali. Jekk dawn it-tfal jistħu, hija s-soċjetà tagħna li ġġielhom jistħu. Minħabba l-istigma li sfortunatmanet għadha tgeżwer il-mard mentali. Irrid nirrikonoxxi li sar ħafna u qed isir ħafna biex niġġieldu din l-istigma. Progress għamilna. Imma fadlilna. Sfortunatament nies li għaddew minn problemi ta’ saħħa mentali għadhom isibuha diffiċli biex isibu impjieg. Anki l-lingwaġġ li nużaw bejnietna bħala Maltin hu prova ta’ din l-istigma. “Dak m’aħniex. Dak qed jitlef. Dak miġnun. Dak għal hemm fuq tajjeb.” U kliem ieħor simili li għadu magħġun fil-mod kif nitkellmu. Sadanittant hija ħasra li sfortunatament l-istejjer ta’ suċċess li jsiru kuljum fil-psikjatrija jiġu injorati. Imma mbagħad xi storja negattiva marbuta mal-mard mentali tiġi minfuħa u dramatizzata. |
| Hawnhekk irrid nirrikonoxxi li qed ikun hemm | aktar koperazzjoni mal-media u mal-ġurnalisti. Nawgura li nkomplu mixjin f’din id-direzzjoni. Għax kull settur tas-soċjetà tagħna jeħtieġ li jkun infurmat u sensittiv fil-konfront ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali – aħna l-professjonisti, aħna l-politiċi, il-forzi tal-ordni, il-membri tal-kleru, il-ġurnalisti u tant oħrajn. Naf li dan qed isir u nawgura li jkompli. |
| Intant irrid nagħmilha ċara, mhux it-tfal kollha | li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni jispiċċaw ħażin. Jeżistu familji li huma resilient, li quddiem dan l-inkwiet isibu mod kif jegħlbu d-diffikultajiet li jkollhom quddiemhom. Dan jitlob sforz kbir min-naħa tal-ġenitur li jkun in charge kif ukoll ċertu kapaċità li jibni network ta’ sapport kemm għalih jew għaliha, kif ukoll għal uliedu. |
| Bħala Segretarju Parlamentari għas-Saħħa | Mentali, inħoss li xogħlna huwa li nsaħħu kemm nifilħu dawn ir-riżorsi li jgħinu lill-familja tegħleb d-diffikultajiet li tkun qed tiffaċċja. Il-caregiver għandu bżonn ta’ għajnuna professjonali daqskemm għandu bżonn il-pazjent. Fil-fatt ir-riċerka tat-2006 tippreżentalna ċertu fatti li juru li għandna bżonn niffukaw ħafna iktar fuq il-qagħda tal-caregiver. Dan għaliex 42% ta’ dawn il-caregivers qalu li kienu qed iħossuhom depressed quddiem is-sitwazzjoni fi ħdan il-familja tagħhom filwaqt li 30% ma kinux qed jorqdu sew bil-lejl. Jekk is-sapport li ħadu l-caregivers ma kienx biżżejjed, is-sapport li ħadu t-tfal fil-fatt kien ferm anqas. Dan għaliex minn dan l-istess studju joħroġ ċar li l-caregivers ħadu aktar sapport mill-professjonisti meta komparat mas-sapport li ħadu t-tfal. |
| Ċertament l-għajnuna li għandha tingħata trid | tkun indirizzata lejn il-familja kollha mhux l-inqas lejn it-tfal. Il-familja hija importanti u għandha rwol kruċjali biex tagħti sapport lill-membru marid. Imma rridu nżommu quddiem għajnejna li l-familja ma tistax tagħti biss, imma trid tieħu wkoll u jrid ikollha s-sapport meħtieġ. It-team ta’ professjonisti jrid ikun team multidixxiplinarju li jaħdem mal-familja kollha u mhux mal-pazjent biss. |
| Dawn | il-familji għandhom bżonn mhux biss għajnuna terapewtika u sapport, imma bżonn ukoll ta’ għajnuna prattika. Ħafna drabi l-caregiver ikollu joħroġ għall-ġurnata tax-xogħol barra mid-dar. U allura Day Centres għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jservu biex il-pazjent ikollu fejn imur matul il-ġurnata biex ma jibqax waħdu. Hawnhekk irrid ngħid li s-servizz li qed nagħtu fil-komunità minn Ħal Qormi u minn Bormla għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jinkludi wkoll sapport lill-familja. Dan is-servizz issa se jiġi estiż għal-lokalitajiet oħrajn. Diġà beda l-proċess biex jiġu impjegati aktar staff u professjonisti. Minn hawn u ftit ieħor dan is-servizz se jibda jingħata wkoll mill-Fgura. Bħalissa għandna żewġ Day Centres għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, wieħed Ħal Qormi u ieħor f’Bormla. Minn hawn u ftit ieħor se niftħu żewġ Day Centres oħra, wieħed fiż-Żejtun u ieħor Raħal Ġdid. |
| Anki | l-Mental Health Act li bħalissa tinsab fl-Uffiċċju tal-Avukat tar-Repubblika u li nittama li tkun diskussa fil-Parlament matul din is-sena, taħseb ukoll f’aktar drittijiet kemm għall-pazjent kif ukoll għall-familja tiegħu, fosthom għat-tfal. Tipprovdi wkoll għas-sapport ħolistiku għall-familja kollha. Qed ngħid dan għax vera fadlilna triq twila x’interrqu. Imma qed jittieħdu u qed naħdmu wkoll fuq numru ta’ inizjattivi. Irrid nirrikonoxxi wkoll b’sodisfazzjon li hawn ċertu qawmien u kuxjenza favur dan il-mard. Nemmen sinċerament li mixjin fid-direzzjoni t-tajba. |
| Is-sapport li nistgħu noffru lil dawn il-familji | m’huwiex biss att ta’ solidarjetà ma’ nies li qed jiffaċċjaw ħafna tbatija, imma jservi wkoll bħala azzjoni priventiva u jilqa’ għal problemi aktar serji ’l quddiem. Għalhekk inħossni verament sodisfatt illi qed niftaħ din il-konferenza llum. Napprezza ħafna jekk ġentilment tibgħatuli l-konklużjonijiet tagħkom wara din il-konferenza. |
KONKLUŻJONI
| Irrid nikkonkludi billi għal darb’oħra nerġa’ | nifraħ lill-Mental Health Association ta’ din l-inizjattiva. Il-fatt li għażiltu li tiddiskutu dan is-suġġett ifisser li intom tabilħaqq jimpurtakom. Ifisser li intom impenjati bis-serjetà li tagħmlu d-differenza. Lil kull wieħed u waħda minnkom, f’isem it-tfal li qed ibatu fis-skiet ngħidilkom Grazzi. Grazzi mill-qalb. Jien għandi min jiġi minni bi problema ta’ saħħa mentali. U jekk hawn xi ħadd f’din il-kamra li m’għandu l-ħadd fil-familja tiegħu jew forsi minn fost sħabu li jbati minn problemi ta’saħħa mentali nitolbu biss japprezza li hu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. |
| L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li sa | għoxrin sena oħra l-problema ta’saħħa mentali se tkun l-aktar kundizzjoni komuni wara l-mard vaskulari. Qiegħed hawn illum niftaħ din il-konferenza mhux sempliċiment bi dmir li jġib miegħu l-uffiċċju politiku li nokkupa. Iżda aktar minn hekk bi dmir personali bħala missier. Għax għada jew pitgħada nista’ nkun jien li ngħaddi minn problemi ta’ saħħa mentali. Nista’ nkun jien li jkolli bżonn nidħol il-Mount Carmel għall-kura. U f’dak il-każ nixtieq ferm li din is-soċjetà minflok tiġġudika lill-uliedi, tieqaf magħhom, tieħu ħsiebhom u tissapportjahom. |
Grazzi ħafna.
DOI – 26.03.2008
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984