Left arrow Mur Lura

RAPPORT  TAL-EWWEL  SENA  TA’  ĦIDMA

PR0523
Date Icon 26/03/2009

(Marzu 2008 – Marzu 2009) 

SEGRETARJAT PARLAMENTARI TAS-SAĦĦA 

MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI 

______________________________________

FLIMKIEN  NASLU  B’GĦAQAL

Messaġġ tal-Onor Joe Cassar, Segretarju Parlamentari tas-Saħħa

MESSAĠĠ TAL-ONOR JOSEPH CASSAR,SEGRETARJU PARLAMENTARI TAS-SAĦĦA, GĦALL-EWWEL SENA TA’ ĦIDMA (Marzu 2008 – Marzu 2009)  - SPTAR MATER DEI  -  26.03.2009
Nixtieq nirringrazzja lilkom il-ġurnalisti liaċċettajtu l-istedina tagħna biex illum naqsmu magħkom informazzjoni dwar l-inizjattivi u x-xogħol li sar matul din is-sena ta’ ħidma kemm ili li sirt Segretarju Parlamentari risponsabbli għal qasam tas-Saħħa.
Kif ser tkunu tistgħu tapprezzaw, din kienetsena fejn impenjajna ruħna bis-sħiħ sabiex inkomplu ntejbu l-qasam tas-saħħa għall-poplu Malti kollu. Sena ilu kien għadu kif infetaħ l-isptar Mater Dei wara numru ta’ snin ta’ stennija kbira. Matul din is-sena tkompla x-xogħol sabiex l-isptar Mater Dei jiżviluppa s-sistemi biex jingħata l-aqwa servizz possibbli. Iżda s-settur tas-saħħa mhuwiex biss l-isptar Mater Dei u għalhekk tnedew serje ta’ inizjattivi biex nibdew inħarsu lejn titjib f’setturi oħra li jagħmlu parti integrali u importanti fil-kullana ta’ servizzi li flimkien huma intiżi biex jipprevjenu u jittrattaw il-mard.
Irrid ngħid mill-bidu nett li l-inizjattivi ul-proġetti li għaddejjin fil-qasam tas-saħħa huma intiżi sabiex niżguraw l-iżvilupp ta’ servizzi aċċessibbli għal kull min għandu bżonnhom. Is-servizzi li nagħtu ser ikomplu jkunu tal-aqwa kwalita’ possibbli iżda rridu b’mod għaqli niżguraw ukoll is-sostenibbilita’ u l-effiċjenza fis-servizzi li jingħataw.

Sptar Mater Dei 

Ser nibda billi nagħti ħarsa lejn dak li twettaqġo l-isptar Mater Dei. Kuljum ġewwa dan l-isptar ikun hemm madwar elf vista tal-outpatients, isiru madwar mitt operazzjoni u l-fuq minn għaxart elef test fil-laboratorju. Kemm ilu miftuħ l-isptar Mater Dei żdiedu n-numru ta’ operazzjonijiet li jsiru kuljum u żdiedu n-numru ta’ nisa li jwelldu ġo l-isptar pubbliku. Dan kollu huwa xhieda tas-suċċess ta’ dan l-isptar. Pero’ dan is-suċċess joħloq ukoll ċerti sfidi.
Filfatt, huwa magħruf li meta jiftaħ sptar ġdid,fl-ewwel sena jiżdiedu b’mod qawwi l-attendenzi fl-emerġenza. Hawnhekk is-Segretarjat ħareġ b’kampanja edukattiva biex il-poplu jagħraf aħjar meta għandu jirrikorri għall-emerġenza.
Sfida oħra li qegħdin niffaċċjaw hija dik tal-listita’ stennija. Dawn il-listi jridu jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli. Biex dan ikun jista’ jseħħ, kien hemm bżonn li tiddaħħal sistema ta’ management tal-listi ta’ stennija. Bdejna bi proġett pilota fid-Dipartiment tal-Ortopedija biex inwaqqfu sistema ċentralizzata bbażata fuq IT systems maħdumin għal dan il-għan. Wara li saret l-analiżi rajna li l-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-hip replacement tnaqqset bi kważi 25% meta tneħħew id-duplikati. Dan minnu nnifsu juri li bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ management apposta, nistgħu nibdew nindirizzaw il-problema billi nagħmlu monitoraġġ aħjar. Inkunu nistgħu ukoll niżguraw it-trasparenza u nagħtu feedback aħjar lil dawk li qed jistennew xi intervent.
Nafu li s-sistemi tal-management weħidhommhumiex ser isolvu l-problema kollha, għalhekk bdejna naraw kif ser nindirizzaw il-problema tan-nuqqas ta’ infermiera biex inkunu nistgħu niftħu aktar teatri tal-operazzjonijiet. Hawnhekk importanti li l-problema nqegħduha fil-kuntest globali. L-Ewropa u d-dinja kollha qegħdha tesperjenza nuqqas ta’ staff ikkwalifikat speċjalment tobba speċjalisti u infermiera.
Matul din is-sena sar reklutaġġ ta’ aktar minn160 infermier fid-Dipartiment tas-Saħħa. Dan għadu mhux biżżejjed u qegħdin inkomplu bl-isforzi tagħna. Iżda rridu nkunu wkoll kreattivi u realistiċi u fejn hemm bżonn irridu naraw kif indaħħlu għajnuna kkwalifikata u mħarrġa apposta biex jittaffew il-pressjonijiet fuq l-infermiera. Għaddejjin diskussjonijiet f’dan ir-rigward biex naraw kif nistgħu nżidu l-istaff li hemm bżonn biex jinfetħu aktar teatri tal-operazzjonijiet fl-istess ħin sabiex inżidu n-numru t’operazzjonijiet u nnaqqsu l-listi ta’ stennija.
F’dawn l-aħħar snin konna qed nitilfu kważi 80%mit-tobba gradwati ġodda li kienu qegħdin jitilqu minn pajjiżna sabiex jagħmlu l-Foundation Programme ġewwa r-Renju Unit.  Għalhekk ħadna passi mill-ewwel biex nindirizzaw din il-problema billi rrnexxielna nġibu dan il-programm ġewwa Malta, biex it-tobba jkunu jistgħu jibqgħu jitħarrġu hawnhekk. Jien għandi fiduċja kbira, li ħafna mit-tobba li ser jispiccaw il-kors f’Ġunju li ġej ser jibqgħu hawn Malta. Komplejna ukoll bl-isforzi tagħna biex dawk it-tobba li jibqgħu hawn, ikomplu l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom ġewwa pajjiżna. Bi pjaċir ngħid li l-maġġoranza ta’ dawn il-programmi ta’ speċjalizzjoni tat-tobba bdew u bdew b’suċċess.
Estendejna s-sistemi ta’ informazzjoni klinikadiġitali bħal dik tal-X Rays u tal-laboratorju fiċ-Ċentri tas-Saħħa u tajna ukoll il-faċilità lill-ispeċjalisti biex jista’ jkollhom aċċess għall-X-rays tal-pazjent b’mod real time ikunu fejn ikunu. Dan huwa eżempju ieħor ċar ta’ dak li rridu nfissru b’servizz ta’ eċċellenza.

Il-kura primarja  

Il-maġġoranza tal-familji Maltin jagħzlu li jikkonsultaw li tabib tal-familja tagħhom għall-bżonnijiet tal-kura primarja. Dan reġa’ ġie kkonfermat minn stħarriġ li juri li bejn wieħed u ieħor għal kull viżta li ssir fiċ-ċentri tas-saħħa jsiru tlett viżti mat-tabib privat tal-familja. Għalhekk il-Gvern appunta working group biex jistudja kif l-aħjar ninvolvu aktar lit-tobba tal-familja fis-sistema tas-saħħa. Jidher ċar li ċ-ċavetta biex tiġi żgurata kura personali li hi tant bżonnjuża speċjalment għal min għandu mard kroniku hija li tinħoloq sistema ta’ reġistrazzjoni formali tal-pazjenti mat-tabib tagħhom. Irridu nerġgħu npoġġu lit-tabib tal-familja fiċ-ċentru tas-sistema tas-saħħa f’Malta u Għawdex. B’sistema ta’ reġistrazzjoni tal-pazjent, it-tobba tal-familja ser ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-pazjent tagħhom kif ukoll aċċess għas-servizzi li jingħataw fl-isptarijiet. Wasalna fi stadju li naraw kif l-aħjar li tiġi implimentata din is-sistema wara li nnehdu proċess wiesgħa ta’ konsultazzjoni u nisimgħu lil kull min jixtieq jagħti l-ideat tiegħu fuq l-iżvilupp ta’ din l-iskema ta’ kura b’kontinwita’. Nafu wkoll li jinħtieg investiment qawwi fiċ-ċentri tas-saħħa u parti mir-riforma li ser issir fil-kura primarja ser tinkorpora wkoll dan l-investiment meħtieġ.

Il-Kanċer 

Fil-programm elettorali tiegħu, il-Gvern għamelil-ġlieda tal-kanċer bħala prijorita’. Matul din is-sena sar ħafna xogħol preparatorju li mistenni jagħti l-frott fix-xhur li ġejjin. Il-programm nazzjonali tal-isreening għall-kanċer tas-sider ġie żviluppat. Ġie identifikat post min fejn ser isiru il-mammograms u għaddejjin bil-proċess biex inlestu s-sit, ningaġġaw ir-riżorsi umani u ndaħħlu l-apparat meħtieg. L-ippjanar serju fi programm ta’ screening huwa pass neċessarju biex ikollna programm ta’ kwalita’ għolja li jilħaq mal-parametri stabbiliti internazzjonali għal dan it-tip ta’ programmi.
Sar ħafna xogħol preparatorju fuq il-pjantigħas-sit taċ-ċentru ġdid għal kura tal-kanċer (Oncology Centre) fejn qegħdin nistennew li jinbdew ix-xogħlijiet fix-xhur li ġejjin. Għaddej ukoll proċess ta’ xiri ta’ Linear Accelerators ġodda biex ikollna l-aħjar tagħmir modern għall-kura bir-raġġi. Il-Ministeru ser japplika biex dan il-proġett jibbenifika minn fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea.
Permezz ta’ fondi miksuba mill-Isvizzera u dangrazzi li llum Malta tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea, ser ningħataw għajnuna finanzjarja biex ninvestu f’PET scanner. Dan il-makkinarju sofistikat ser jintuża biex iżid l-eċċellenza fil-kura tal-kanċer.
Dawn l-inizjattivi fost oħrajn ser ikunu partiminn strateġija wiesgħa biex ikunu elenkati l-bżonnijiet tal-poplu Malti f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-kanċer. Fejn dan mhux possibli l-istrateġija ser tfassal l-aqwa kura u sostenn għall-pazjenti li jbatu mill-kanċer u l-familji tagħhom. Din l-istrateġija hija fi stadju ta’ abbozz avvanzat u dalwaqt inkunu nistgħu nippubblikawha. Fl-istrateġija ma jonqosx ukoll li niffukaw fuq il-kura terminali anke permezz ta’ mediċini ġodda. Minbarra li daħħalna l-Herceptine fil-formularju, għaddej eżerċizzju biex naraw kif il-formularju tagħna għall-kura tal-kanċer jiġi aġġornat biex jirrifletti aħjar l-avvanzi fix-xjenza f’dan il-qasam.
Qegħdin insegwu politika li tħares mhux bisslejn l-ispiża u lejn l-effiċjenza iżda wkoll lejn il-dinjita’ sħiħa tal-persuna umana u nafu li għad hemm titjib li jrid isir biex nilħqu l-miri tagħna f’dan il-qasam.

Ċentru tad-demm ġdid 

Inbdew il-preparamenti biex jinbena ċentruattrezzat apposta għat-trasfużjoni u l-ipproċessar tad-demm. Dan iċ-ċentru hu maħsub li jinbena f’H’Attard biswit l-isptar Monte Karmeli. B’dan iċ-ċentru nkunu f’pożizzjoni li nkomplu ntejbu l-kwalita’ tal-prodotti tad-demm li jiġu mmanufatturati kif ukoll ikun hemm il-possibilita’ li jiġu żviluppati metodi u proċeduri ġodda li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw  il-pazjenti Maltin.  L-applikazzjoni għall-iżvilupp qiegħda quddiem l-Awtorita tal-Ambjent u Ippjanar (MEPA) u meta joħroġ il-permess jien infurmat li ser jibda x-xogħol.
La qegħdin nitkellmu fuq iċ-ċentru tad-demm, bil-għanli ntejbu l-inizjattiva tad-donazzjonijiet tad-demm mill-pubbliku, din is-sena ġie rrinovat il-‘mobile unit’ b’investiment sostanzjali.

Aktar investiment u proġetti

Il-mediċini u l-ispiżerija tal-għażlatiegħek
Qasam ieħor li l-Gvern għamel prijorita’ fil-programmelettorali huwa dak tal-mediċini. L-ispiżerija tal-għażla tiegħek hija popolari fost il-pazjenti hekk kif intwera minn survey li sar riċentement mill-NSO. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jiżviluppa din l-iskema. Qegħdin fil-proċess li nsaħħu s-sistemi speċjalment dawk ta’ l-IT għaliex is-sistemi preżenti li kienu maħsuba għall-proġett pilota jridu jiġu rfinati. Wara li jitlestew it-tibdiliet neċessarji fis-sistemi ta’ kontrolli nkunu f’pożizzjoni li nkomplu nifirxu din l-iskema.
Fir-rigward tal-mediċini, sar studju u qed jiġiffinalizzat rapport li jelenka n-nuqqasijiet fis-sistema preżenti tal-iskeda tal-kartun (isfar u roża) li bihom jingħataw il-mediċini. F’din l-aħħar sena ġew ipproċessati 41,000 Kartuna Safra li minnhom 18,300 kienu applikazzjonijiet ġodda. Iżda nafu li hemm kundizzjonijiet li ma jidhrux f’din l-iskema u qegħdin nistudjaw l-aħjar mezz ta’ kif nistgħu nirranġaw l-iskemi biex ikunu aktar ġusti ma’ kull min verament għandu bżonn. Min-naħa l-oħra bdejna proċess ta’ ċentralizzazzjoni tas-sistemi kollha ta’ ‘entitlement’ għall-mediċini biex intejbu l-effiċjenza fl-ipproċessar filwaqt li nsaħħu l-kontrolli u nipprevjenu xi abbuż u ħela li jista’ jkun qiegħed isir.
Ġiet żviluppata u rfinata s-sistema ta’evalwazzjoni tad-dħul ta’ mediċini ġodda fil-formularju tal-Gvern. Ftit jiem ilu ġie ppubblikat l-avviż legali li jintroduċi sistema li biha l-Gvern ikun jista’ jistabbilixxi prezz ta’ referenza meta jdaħħal mediċina ġdida fuq il-formularju. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni għalhekk jitkompla l-proċess biex b’għaqal u wara evalwazzjoni xierqa jiddaħħlu l-mediċini ġodda li huma effettivi.

Prevenzjoni u promozzjoni 

L-għan tagħna hu li l-poplu tagħna jibqab’saħħtu kemm jista’ jkun fit-tul. Statistika riċenti maħruga mill-Unjoni Ewopea fl-isfond tal-indikaturi ta’ Lisbona dwar il-kompettititiva’ tal-pajjiżi turi li l-Healthy Life Expectancy tal-Maltin hija t-tieni l-ogħla fl-Unjoni Ewropea wara d-Danimarka. Dan hu rating li diffiċli tiksbu u aktar diffiċli li żżommu. Dan kollu huwa riżultat li s-sistema ta’ saħħa f’pajjiżna hija b’saħħitha.
Qegħdin niffinalizzaw strateġija biexnindirizzaw l-mard komuni kroniku bħalma hu l-mard tal-qalb u d-diabete. L-importanza tal-istil ta’ ħajja li ngħixu ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed. Il-ħxuna żejda, it-tipjip u n-nuqqas ta’ eżerċizzju huma kollha fatturi li jfissru nuqqas fl-istennija tal-ħajja u nuqqas fil-kwalita’ tal-ħajja li ngħixu. Dan kollu qegħdin nisħquh b’kampanji edukattivi bix-xogħol eċċellenti li qed tagħmel id-Diviżjoni tal-promozzjoni tas-Saħħa.
Bdejna inwettqu ħidma fuq pjan t’azzjoni biexnindirizzaw aħjar il-mard li jiġi trasmess sesswalment permezz ta’ politika aġġornata dwar l-aspetti t’imġieba sesswali rrelatati mas-saħħa. Irridu nirrikonoxxu li l-imġieba tal-Maltin, speċjalment taż-żgħażagħ tbiddlet tul is-snin u rridu nkomplu nintensifikaw l-azzjonijiet tagħna f’dan is-settur dejjem b’mod li jirrispetta d-dinjita’ tal-bniedem.

Riċerka 

Qegħdin indaħħlu kontroll ta’ deċiżjonijietimsejsin fuq l-evidenza u matul is-sena li għaddiet għamilna stħarriġ dwar is-saħħa fuq kampjun ta’ kważi 5000 persuna liema riżultati ser jiġu ppublikati fix-xhur li ġejjin. Dan kien parti mill-proġett tal-European Health Interview Survey. Dawn l-inizjattivi kollha twettqu b’għajnuna minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ġie varat ukollproġett t’assistenza li jgħin lill-isptarijiet b’mod speċjali biex jintroduċu sistemi ta’ accounting bbażati fuq is-System of Health Accounts. Meta tiġi introdotta din is-sistema, ikun ffaċilitat l-moniteraġġ tal-ispiża mqabbel mal-attività; kif ukoll il-benchmarking. Impjegajna tim ta’ ‘cost controllers’ professjonali biex indaħħlu aktar trasparenza fis-settur tas-saħħa li huwa wieħed mill-akbar baġits tal-Gvern.
Għalkemm din is-senakompliet turi li għandna sfidi kbar fil-qasam tas-saħħa fejn jidħlu l-bżonn tar-riżorsi finanzjarji u riżorsi umani b’mod speċjali, il-Gvern jibqa’ kommess li aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet ta’ diffikultajiet ekonomiċi u soċjali globali, jippersisti bil-viżjoni tiegħu li l-poplu Malti jibqa jgawdi minn servizzi tas-saħħa tal-ogħla livell possibbli.
Jiena minn qalbinixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor, qegħdin jimpenjaw ruħhom kuljum biex ikomplu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-pazjenti Maltin.

DOI – 26.03.2009

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow