Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT

PR0488
Date Icon 20/03/2009

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jkompli jiddiskuti l-effetti tad-dipendenzi fuq il-familja – id-droga u l-alkoħol

Wara li tressqu numru ta’mistoqsijiet fil-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Frar 2009, il-Membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali reġgħu ltaqgħu ma’ Fr Emanuel Cordina u s-Sur Noel Xerri minn OASI-Għawdex; kif ukoll ma’ Dr George Grech, is-Sur Jesmond Schembri u s-Sur Manuel Mangani minn Sedqa sabiex jiddiskutu u jifhmu aħjar l-effetti tad-dipendenzi fuq il-familja.
Fr Cordina spjega l-importanzatal-introduzzjoni tad-Drug Courts għaliex dawn jiffukaw aktar fuq il-persuna milli fuq il-kriminalità.  Minn riċerka li saret fl-Istati Uniti, Fr Cordina qal li fost il-benefiċċji tad-Drug Courts insibu l-cost-effectiveness, il-kollaborazzjoni aħjar mas-servizzi tal-kura, u li dawn inaqqsu u jgħaġġlu n-numru ta’ każijiet riferuti lilhom.  Fr Cordina rrefera għad-dokument tal-2002 li kienet ħejjiet il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkoħol u Dipendenzi “The Criminal Justice System and related Services – the role in providing Alternative Sentencing for Substance Abusers”.  Dan id-dokument janalizza l-missjoni, l-istruttura u s-sistema ta’ kif jaħdmu d-Drug Courts.  Minn naħa l-oħra Dr George Grech spjega li kif inhi l-Qorti fil-preżent diġà sar ħafna xogħol fejn saħansitra jeżisti Maġistrat assenjat ma’ każijiet ta’ droga u li fi żmien 24 siegħa l-pulizija qed jirreferu persuni involuti f’każijiet ta’ droga lis-servizzi ta’ kura.  Però ma jistax ikun li persuna li tkun għamlet ir-rijabilitazzjoni, tittella’ l-qorti ħames snin wara l-każ u tintbagħat il-ħabs.  Dan huwa fattur li jista’ jpoġġi l-persuna rijabilitata f’riskju ta’ dipendenza fuq id-droga.
Ir-rappreżentanti ta’ Sedqaspjegaw kif illum qed isir taħlit ta’ drogi u qed jinnutaw żgħażagħ li ma jkunux dipendenti iżda li jużaw il-kokaina u l-kannabis b’mod abbużiv.  Dan it-taħlit qed iwassal għal kundizzjonijiet u mard ta’ saħħa mentali bħal paranoia, disturbi psikotiċi u suwiċidju.  Fl-2008 in-numru ta’ persuni li attendew id-Drugs Community Team kienu 505, fejn l-età tal-klijenti tippersisti l-aktar bejn l-20 u t-30 sena.  30% tal-klijenti kienu ġodda u 14.7% tal-klijenti kollha daħlu minħabba problemi ta’ kokaina.  Filwaqt li spjega l-aspett ħolistiku tal-kura li tingħata fis-servizzi ta’ Sedqa u faħħar id-dedikazzjoni tal-istaff, Dr Grech qal li fl-2008 in-numru ta’ persuni li użaw is-servizzi tas-Substance Misuse Out-Patient Unit kien 1085, b’94% minnhom jattendu primarjament minħabba dipendenza ta’ eroina.  20% kienu nisa, 5% taħt id-dsatax-il sena u l-maġġoranza kienu bejn l-20 u 34 sena.  In-numru ta’ nisa li qed jirrikorru għas-servizzi għand is-Sedqa qed jiżdied u dan jista’ jkun attribwit għall-fatt li dan il-Unit qed ikun aktar aċċessibbli u jaqdi aħjar il-bżonnijiet tal-klijenti nisa.  Madwar 800 persuna jagħmlu użu minn dan il-Unit kuljum u dawn jinkludu ommijiet u anki nanniet.
Dr Grech irrikonoxxa l-benefiċċjita’ trattament ġdid fil-komunità li jwassal għal anqas persuni li jattendu s-Substance Misuse Out-Patient Unit.  Huwa saħaq li qed jiġi rrappurtat li d-droga qed tintuża f’ħafna attivitajiet soċjali bħal festa tar-raħal, rebħ ta’ xi kampjonat sportiv, karnival u oħrajn.  Minkejja li x-xogħol tal-forzi tal-ordni huwa kbir, il-prezz tal-kokaina f’Malta niżel u jinħass ċertu over-supply minħabba li d-domanda hija għolja ħafna.  Il-prezz baxx tal-kokaina qed jagħmilha faċli li din id-droga tkun finanzjarjament aċċessibbli għal kulħadd.  Il-fejqan mid-dipendenza tal-kokaina huwa diffiċli u kumplikat ħafna.  Mhux veru li l-kokaina tagħti xi saħħa partikolari jew sabiex persuna tegħleb xi sfida fil-ħajja.  Meta kien qed jitkellem fuq it-trattament tal-methadone fl-Out-Patient Unit, huwa spjega kif il-professjonisti qed ikunu responsabbli biżżejjed biex persuni dipendenti fuq din il-mediċina ma jagħmlux xogħol li jista’ jipperikola lil ħaddieħor bħal użu ta’ makkinarju goff u trasport pubbliku.
Il-professjonisti tas-Sedqa qaluli fl-2008 taw servizz lil 20 mara tqila bil-maġġoranza tagħhom jikkoperaw ma’ min joffri s-servizzi, iżda jeżisti numru żgħir li ma jikkoperax, b’detriment għall-ħajja tal-fetu fil-ġuf.  Huma rrakkomandaw leġislazzjoni simili għal dik tar-Renju Unit, li tirrikonoxxi l-fetu fil-ġuf u fejn tkun tista’ tinħareġ care order fuq l-omm jekk din tkun qed tpoġġi l-ħajja tal-fetu fil-periklu.  Fil-preżent il-leġislazzjoni Maltija ma tirrikonoxxix il-fetu fil-ġuf u care order toħroġ biss wara t-twelid tat-tarbija.  Intqal li s-servizzi tal-aġenziji tal-Istat u Għaqdiet Mhux Governattivi jikkumplimentaw lil xulxin u qed isir dak kollu possibbli sabiex jitnaqqas id-duplikazzjoni ta’ xogħol.  Ġie diskuss ukoll l-importanza tar-rwol tal-ġenituri sabiex it-tfal jitilgħu f’ambjent ħieles mid-dipendenzi.  Minħabba l-istress li qed toħloq is-soċjetà, il-bniedem qed jispiċċa skjav tad-dipendenzi bħal internet, kafè, sigaretti, droga, alkoħol, xogħol u mobile.
Fr Cordina spjega kif l-alkoħolgħandu jkun rikonoxxut bħala sustanza tossika ħafna għas-saħħa tal-bniedem, u dan għandu jkun spjegat fuq il-fliexken bħal fil-każ tas-sigaretti.  Ġie diskuss kif il-breathalyser tests għandhom isiru aktar frekwenti u mhux biss fit-triq iżda f’kull post fejn isir l-abbuż mill-alkoħol.  Simili għal dawn it-testijiet, għandhom jidħlu oħrajn, bħal drugalyser tests, fuq min jabbuża mid-droga u jsuq li jistgħu jwasslu għal inċidenti tat-traffiku. Fr Cordina appella għal ċentri ta’ rijabilitazzjoni li jaqdu l-bżonnijiet tan-nisa, ommijiet bit-tfal u minorenni.  Intqal ukoll li kull stakeholder għandu jkun rrappreżentat fuq il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkoħol u Dipendenzi, bħal aġenziji ta’ kura, media u edukaturi.  Ma’ dak li għandu x’jaqsam Għawdex, Fr Cordina saħaq għal aktar servizzi ta’ probation, sorveljanza fl-aħħar tal-ġimgħa, it-twaqqif ta’ servizz ta’ pulizija investigattiva f’Għawdex u aktar sapport lill-OASI.
Ma’ dak li għandu x’jaqsaml-alkoħol, il-mistiedna mis-Sedqa spjegaw kif minħabba problemi ta’ riżorsi umani, fl-2007 in-numru ta’ klijenti naqas għal 294 minn 351 fl-2006.  Minħabba l-problemi ta’ riżorsi umani nħolqot waiting list ta’ tliet ġimgħat li setgħet naqqset in-numru ta’ klijenti.  Ġie diskuss ukoll il-ħsara tal-binge drinking u l-esperimantazzjoni tas-sustanzi fl-adolexxenza.  Is-Sur Mangani spjega kif jaħdmu s-servizzi tas-Sedqa tal-alkoħol fil-komunità u qal kif il-persentaġġ tal-klijenti li jfittxu s-servizzi tikber skont l-età.
Il-laqgħa tmexxiet mill-Presidenttal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali l-Onor Edwin Vassallo u pparteċipaw fid-diskussjoni l-Onor Frederick Azzopardi, l-Onor Justyne Caruana, l-Onor Michael Farrugia, l-Onor Michael Gonzi u l-Onor Stephen Spiteri. Il-President tal-Kumitat ressaq numru ta’ mistoqsijiet sabiex il-mistiedna jerġgħu jiltaqgħu mal-Membri tal-Kumitat. Il-mistoqsijiet jinkludu r-rwol tal-ġenituri, ir-relazzjoni bejn il-media u d-dipendenza, sorveljanza u monitoraġġ, kif għandu jissaħħaħ il-kurrikulum edukattiv sabiex it-tfal ma jikbrux f’kultura ta’ dipendenzi, u kif jista’ jinbidel il-konsum tas-sustanzi illegali fil-futur.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow