Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

PR0467
Date Icon 17/03/2009
Il-Gvern jirreferi għad-diskors tal-Onor. Kaptal-Oppożizzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali fil-Kamra tad-Deputati l-bieraħ.
Il-Gvern japprezza li dan id-dibattitu qediservi biex l-Oppożizzjoni tibda taħseb bis-serjetà dwar l-isfidi tal-immigrazzjoni illegali. Hija ħasra, madanakollu li mill-proċess ta’ sebat ijiem ta’ riflessjoni li kien tħabbar mill-Oppożizzjoni ħarġu biss proposti li diġà qed jitwettqu mill-Gvern, jew proposti mhux realistiċi li qatt ma jistgħu jitwettqu minħabba li dawn iwasslu għall-iżolament ta’ pajjiżna mill-komunità internazzjonali, bħal ma kien ġara fis-sebgħinijiet f’Helsinki. Mill-proposti tal-Kap tal-Oppożizzjoni joħroġ ċar ukoll li dan mhux infurmat biżżejjed dwar x’qed isir mill-Gvern f’dan il-qasam, kif ukoll mhux konxju biżżejjed dwar ċertu realtajiet li joħorġu mill-obbligi internazzjonali ta’ Malta lejn dawn il-persuni.
Rigward il-proposta li tiddaħħal admissionspolicy, ta’ min wieħed jgħid li n-nies fiċ-ċentri ta’ detenzjoni diġà qed jiġu separati skont is-sess u kriterji oħra bħal, per eżempju, n-nazzjonalità u t-tribujiet li jappartjenu għalihom. Huwa diffiċli biex wieħed jissepara l-persuni in kwistjoni skont il-kriterju propost mill-Kap tal-Oppożizzjoni – jiġifieri jekk hux probabbli li jikkwalifikaw għal status ta’ protezzjoni jew le. Dan minħabba l-fatt li għax numru ta’ persuni ta’ ċertu nazzjonalità ma kkwalifikawx għal status fil-passat mhux bilfors ifisser li applikanti ġodda mill-istess pajjiż mhux ser ikunu jistgħu jikkwalifikaw fil-futur. Separazzjoni skont dan il-kriterju tista’ tkun qed tippreġudika l-każ ta’ persuna li fil-fatt tkun intitolata għal protezzjoni.
Rigward il-kwistjoni tal-integrazzjoni, ta’ minwieħed jgħid li dan huwa proċess li minnu nnifsu jieħu ż-żmien – anke minħabba l-fatt li l-immigranti li jaslu Malta jkunu ġejjin minn kulturi differenti minn dawk Ewropej. Dan il-proċess huwa kkundizzjonat ukoll mill-fatt li l-integrazzjoni tista’ tinkiseb biss meta l-immigrant ikun irid jibqa’ Malta u ma jkollux il-mira li jmur f’pajjiżi oħra fl-Ewropa -  bħal ma huwa l-każ tal-parti l-kbira tal-immigranti li jaslu f’pajjiżna.
Minkejja dan, il-Gvern diġà nieda proġettikurrenti relatati mal-integrazzjoni li jindirizzaw fost affarijiet il-ħiliet lingwistiċi u orjentazzjoni kulturali. Saru wkoll proġetti li jindirizzaw it-taħriġ bl-iskop li dawn jingħataw ħiliet li jistgħu jintużaw fid-dinja tax-xogħol.
Tajjeb jingħad ukoll li l-propostatal-Oppożizzjoni li tinħoloq kwota ta’ kemm pajjiżna jiflaħ jintegra immigranti illegali hija waħda perikoluża minħabba li pajjiżna diġà għandu densità ta’ popolazzjoni għolja. Kwota bħal din tgħin biss biex tiġbed aktar immigranti illegali lejn xtutna.
Il-Gvern huwa impenjat li joffri l-aħjarkundizzjonijiet ta’ detenzjoni possibbli li huma konformi mal-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni in kwistjoni, kif ukoll mal-leġislazzjoni Ewropea. Tajjeb jingħad li t-titjib fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni huwa proċess kostanti li qatt ma waqaf. Dan l-aħħar, per eżempju l-Gvern kabbar il-faċilità f’Ta’ Kandja filwaqt illi qed ibiddel it-tined taċ-ċentru ta’ Ħal Far bi pre-fabricated homes. Dan filwaqt li għaddej proċess ta’ tiġdid fil-Hermes Block li hemm f’Ħal Far fi proġett ta’ €400,000 li qed jiġi finanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Minkejja dan, l-isforzi u l-pjani tal-Gvern ġewxi ftit jew wisq imxekkla mid-dħul ta’ ‘l fuq minn 750 persuna oħra fix-xhur ta’ Jannar u Frar. Dan fisser li t-timeframes ta’ dawn il-pjani għal tiġdid kellhom jittawwlu. Dan minħabba li huwa impossibbli li jitwettqu proġetti ta’ ristrutturar f’faċilitajiet okkupati bin-nies, anke fid-dawl tal-fatt li pajjiżna ma jistax jibqa jibni ċentri ta’ detenzjoni ġodda.
Rigward il-proposta li tiġi appuntata persunab’poteri eżekuttivi biex tikkordina l-qasam tal-immigrazzjoni illegali, irid jingħad li dan ir-rwol u d-dmirijiet li joħorġu minnu qed jinqdew mill-Ministru responsabbli għal dan il-qasam. Ta’ min iżid li kienet l-amministrazzjoni preżenti li laqqgħet l-entitajiet kollha involuti f’dan is-settur taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern propju biex ikun hemm kordinazzjoni sħiħa.
Il-Gvern minn dejjem kien u ser jibqa’ impenjatli jiġġieled l-impjieg irregolari, b’mod partikolari biex jieqaf kwalunkwa abbuż anke għad-deteriment tal-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu b’mod irregolari.
Il-premessa tal-Kap tal-Oppożizzjoni liimmigranti jaqbżu l-kju fiċ-ċentri tas-saħħa m’hijiex korretta. L-immigranti li jkunu qed jgħixu fil-komunità ma jingħataw ebda preferenza fuq ċittadini Maltin. Preċedenza tingħata biss lil immigranti illegali li jkunu ġejjin miċ-ċentri tad-detenzjoni taħt skorta – u dan għal raġunijiet ovvji ta’ sigurtà.
Id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni liMalta għandha tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil hija xhieda li l-Oppożizzjoni għadha ma fehmet xejn dwar it-tifsira ta’ dan il-Patt u l-importanza li għandu għal pajjiżna. Dan minħabba li dan ma fihx biss il-proposta dwar il-burden sharing, iżda anke bosta miżuri li ser jgħinu lil Malta fir-ripatrijazzjoni tal-immigranti illegali u għajnuna għall-iżvilupp tal-pajjiżi minn fejn joriġinaw l-immigranti illegali. Barraminhekk, il-Gvern isibha diffiċli jifhem kif ir-ripatrijazzjoni ta’ dawk li ma jingħatawx status ta’ protezzjoni internazzjonali ma ssemmiet imkien fil-punti mressqa l-bieraħ.
Danil-Patt qed jippromwovi sħubija ma’ pajjiżi ta’ orġini u transitu, inkluż il-Libja – xi ħaġa li, ironikament, il-Kap tal-Oppożizzjoni ippropona bħala punti oħra fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu, mingħajr ma għaraf li dan il-pajjiż ġar tagħna diġa qed jiffaċċja problemi kbar b’dan il-fenomenu minħabba l-fruntieri twal li għandu – xi ħaġa li l-Gvern huwa konxju minnha. Tant hu hekk li l-Gvern qed isostni mal-UE dwar il-bżonn li l-Libja tingħata l-għajnuna f’dan ir-rigward.
Apparti dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħarabkompletament milli jsemmi l-Uffiċċju dwar l-Ażil (EASO) li ġimgħatejn ilu fil-Kalkara qal li għandu jsir, u jsir f’Malta. Dan għax jaf li dan l-Uffiċċju huwa parti integrali mill-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Forsi l-Oppożizzjoni issa qed tinduna li mingħajr dan il-Patt, dan l-Uffiċċju li qed niġu mħeġġa li nagħmlu, qatt ma seta’ jsir. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel ukoll li jinjora id-dokument tal-Grupp Quadro li tħejja  minn Malta u li tpoġġa fuq l-aġenda tal-Presidenza Ċeka fuq insistenza ta’ pajjiżna, Ċipru, l-Italja u l-Greċja.
Dwarir-reviżjoni tal-ftehim Dublin II, Eurodac u t-termini ta’ referenza tal-Frontex ikkontemplati mill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern diġà qed jipparteċipa fil-proċess tal-Unjoni Ewropea biex jibda jsir it-tibdil li hemm bżonn f’dawn iż-żewġ oqsma. Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li fi stqarrija datata 14 ta’ Marzu 2009, il-Gvern kien irrapporta li l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Jacques Barrot kien ikkonferma l-impenn sħiħ tiegħu biex jipproponi emendi lill-Istati Membri biex isir it-tibdil neċessarju. Naturalment dan l-impenn seta’ jingħata biss għax Malta għamlet il-pressjoni meħtieġa fil-fora Ewropej relevanti. U ta’ min jgħid li pajjiżna diġà qed jibbenefika mill-Unjoni ammonti relevanti bħal €112-il miljun ta’ l-“External Borders Fund”.
F’din is-sitwazzjoni li sab ruħu fiha pajjiżnaf’kuritur ta’ proċess ta’ migrazzjoni mill-kontinent Afrikan għall-Ewropa, għandna l-konfort li għandna l-Unjoni Ewropea sabiex tgħinna.  Wieħed irid ifakkar li dan kollu beda fl-2002, sentejn qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea.  Għalhekk għal dawn il-persuni li qed ifittxu futur u li, fil-maġġoranza ma jridux jiġu f’pajjiżna għax, kif nafu, jidħlu hawn dawk li jitilfu t-triq jew li jkunu qed jgħerqu, pajjiżna jista’ jaffronta din is-sitwazzjoni għax għandu warajh din l-għajnuna.
Il-Gvern jirreġistra bi pjaċir li l-Kaptal-Oppożizzjoni qed jaqbel miegħu meta dan ammetta li ma kemmx soluzzjoni waħda għall-problema tal-immigrazzjoni illegali, kif ilu jgħid il-Gvern. Madanakollu, is-soluzzjonijiet ma jinstabux bi proposti li ma jirriflettux ir-realtajiet li qed iħabbat wiċċu magħhom pajjiżna u billi titnissel il-biża’ minn dawn il-persuni permezz ta’ diskors perikoluż. Il-Gvern kien u ser jibqa’ jħeġġeġ dibattitu matur li jmur oltre l-emozzjonijiet u li minnu biss jistgħu joħorġu proposti konkreti li jagħmlu l-ġid għal pajjiżna.  Mhux biss, imma jibqa’ miftuħ għall-proposti serji u konkreti, mhux kliem fieragħ.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

Aktar Stqarrijiet Right arrow