TITNIEDA KAMPANJA TA’ GĦARFIEN DWAR IL-LIĠI L-ĠDIDA LI TIRREGOLA L-KONSUM TA’ L-ALKOĦOL MINN MINURI TA’ TAĦT IS-SITTAX-IL SENA
Il-Gvern ta’ Malta ħaseb li jgħaddi leġislazzjoni li permezz tagħha, minuri ta’ taħt is-sittax-il sena ma jkunux jistgħu jixorbu, jixtru jew ikollhom l-alkoħol fil-pussess tagħhom u persuni oħra ma jistgħux lanqas ibigħulhom l-alkoħol jew jagħtuhulhom.
Din il-leġislazzjoni rat is-sostenn taż-żewġ naħat tal-kamra u għaddiet mill-Parlament b’mod unanimu. Dan għaliex kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni kienu ferm konxji ta’ l-importanza kbira li kien ser ikollha din il-liġi fis-soċjetà tagħna, l-aktar għaż-żgħażagħ tagħna li xogħolna hu li nipproteġuhom mill-aħjar li nistgħu.
Għal dan il-għan, l-Onorevoli Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, nediet kampanja ta’ għarfien li permezz tagħha l-pubbliku Malti u Għawdxi, kemm iż-żgħażagħ kif ukoll il-ġenituri tagħhom, l-għalliema, is-sidien ta’ każini, ta’ ħwienet jew ta’ ristoranti, ser isiru jafu aktar dwar il-liġi l-ġdida u l-implikazzjonijiet li din ser ikollha għal kull min hu involut.
Il-Ministru Cristina ferħet lil membri tal-Permanent Focus Group li twaqqaf fi ħdan il-Ministeru bl-intenzjoni li jagħti pariri fuq dan is-suġġett u qalet li t-tħejjija ta’ din il-kampanja, li saret permezz ta’ dan il-grupp, żgur wera biċ-ċar l-impenn sħiħ li dan il-Gvern qed jagħti f’dan is-settur. Il-Ministru qalet li, sfortunatament, f’Malta għandna problema ta’ abbuż ta’ alkoħol mill-minuri ta’ taħt is-sittax-il sena. Hija semmiet l-aħħar statistika li ħarġet mill-istudju ESPAD ta’ l-2003, liema studju jsir ma’ tfal li jattendu l-iskola fil-klassijiet ta’ Form 5. Din l-istatistika, turi li:
§ 91% qalu li kienu kkunsmaw l-alkoħol fl-aħħar sena; (medja Ewropea – 84%);
§ 50% qalu li fl-aħħar xhar kienu kkunsmaw l-alkoħol b’mod eċċessiv – binge drinking (medja Ewropea – 41%); 24% qalu li dan kien ġara minn ta’ l-inqas tliet darbiet fl-aħħar xhar (medja Ewropea – 18%);
§ 62% qalu li kienu ħadu minn ta’ l-inqas tazza inbid fl-età ta’ 13-il sena jew inqas (medja Ewropea – 50%);
§ 36% qalu li kienu xorbu l-inbid 3 darbiet jew aktar fix-xhar ta’ qabel (medja Ewropea – 14%);
§ 35% qalu li kienu xorbu nofs flixkun inbid jew aktar l-aħħar darba li xorbu (medja Ewropea – 19%).
Din l-istatistika turi biċ-ċar li hemm bżonn impenn siewi minn kull min huwa involut biex nibdew nikkoreġu din it-tendenza negattiva f’pajjiżna. Dan ifisser li s-sidien tal-ħwienet, ristoranti fost oħrajn,iridu jikkollaboraw ma’ l-awtoritajiet u ma jbiegħux alkoħol liż-żgħażagħ ta’ taħt is-sittax-il sena. Il-ħbieb taż-żgħażagħ li jista’ jkun għandhom aktar minn 16-il sena ma jistgħux jagħtuhom l-alkoħol. Hi importanti ħafna l-għajnuna tal-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ li b’għemilhom stess jistgħu jagħmlu ħafna ġid billi jagħtu eżempju tajjeb lit-tfal tagħhom.
Iżda l-aktar importanti huma ż-żgħażagħ infushom. Irridu nsibu mod li nedukawhom, li ntuhom is-saħħa jagħrfu li m’hemmx għalfejn jixorbu biex jieħdu gost, li għandhom ifittxu divertiment alternattiv flimkien ma’ sħabhom, mhux biss għaliex ikunu qed jiksru l-liġi, iżda fuq kollox għaliex ikunu qed ikissru ħajjithom.
Il-Ministru Cristina għamlet ukoll referenza għax-xogħol siewi li diġà sar u li qed ikompli jsir minn naħa ta’ l-Aġenzija Sedqa u d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa. Ix-xogħol ta’ prevenzjoni li jsir f’dan il-qasam minn naħa ta’ dawn iż-żewġ entitajiet huwa importanti ħafna għaliex b’hekk nistgħu nibdew nilqgħu għall-problema. Il-kampanja ta’ għarfien li ġiet imnedija llum ser tkompli fuq din it-triq billi tgħarraf lil pubbliku aktar dwar il-liġi l-ġdida u tkompli ssaħħaħ u tagħti appoġġ lil kull min jaħdem maż-żgħażagħ f’dan l-ambitu.
Tkellmet ukoll Dr Elaine Burmingham, Chairperson tal-Permanent Focus Group, u spjegat li din il-kampanja ser iddum għaddejja sitt xhur u ser tilħaq lin-nies f’mumenti differenti tal-ħajja ta’ kuljum. Dr Burmingham fil-fatt spjegat kif tħejjew diġà fuljetti ta’ informazzjoni li ser jingħataw lil kull student li jattendi l-iskola f’livell sekondarju, avviżi li ser jidhru fiċ-ċinema madwar Malta u Għawdex, u billboards li ser jitellgħu fiż-żewġ gżejjer. Fil-futur qarib ser naraw ukoll aktar xogħol jitħejja, kemm fuq ir-radju, kif ukoll fuq it-television, aktar xogħol stampat u attivitajiet għaż-żgħażagħ. Dan minbarra l-parteċipazzjoni tal-membri tal-focus group f’diversi programmi fuq ir-radju u fuq it-television.
Il-membri tal-Permanent Focus Group huma rappreżentanti tal-Ministeri tal-Ġustizzja, tas-Saħħa, ta’ l-Edukazzjoni, tal-Politika Soċjali u ta’ l-Uffiċju tas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji iż-Żgħar u s-Self Employed kif ukoll rappreżentanti ta’ l-Aġenzija Sedqa u tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Droga, l-Alokoħol u Sustanzi Oħra, li t-tnejn jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
Punti ewlenin tal-liġi l-ġdida
§ Minuri taħt is-sittax-il sena ma jistgħux jixorbu alkoħol, ma jistax ikollhom pussess ta’ alkoħol, u ma jistgħux jixtru, jiksbu jew jippruvaw jiksbu alkoħol. Sal-lum il-ġurnata, kien biss illegali li wieħed ibiegħ alkoħol lill-minuri ta’ taħt is-sittax-il sena. Għalhekk issa, għall-ewwel darba f’Malta ser tkun stabbilita età minima li fiha persuna tista’ tixrob l-alkoħol (minimum legal drinking age);
§ Kull min jipprova bi kwalunkwe mod, kemm jekk bil-flus jew le, jagħti l-alkoħol lill-minuri taħt is-sittax-il sena jkun qed jikser il-liġi;
§ Għaldaqstant, għalkemm il-liġi diġà tipprojbixxi li xi ħadd jbiegħ l-alkoħol lill-minuri ta’ taħt is-sittax-il sena, issa ser tkun illegali wkoll li wieħed iservi, jipprovdi jew jixtri alkoħol għal minuri taħt is-sittax-il sena.
§ Ġenituri li setgħu jipprevjenu li t-tfal tagħhom (taħt is-sittax-il sena) jikkunsmaw alkoħol jistgħu jinżammu responabbli mill-Qorti;
§ Konsegwenzi għaż-żgħażagħ: Żagħżugħ li jikser din il-liġi għall-ewwel darba jingħata warning formali mill-Pulizija u jiġi mgħarraf li offiżi sussegwenti jistgħu jisarrfu fi proċeduri kriminali kontrih. Jekk f’dawn il-proċeduri jinstab ħati, jeħel multa kif ukoll jista’ jkollu jipparteċipa fi programm edukattiv addattat għall-età tiegħu u l-impenji edukattivi tiegħu. Jista’ jiġi provdut ukoll counselling għal dan iż-żgħażugħ.
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984