STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT
Il-Kumitat Parlamentari tal-Affarijiet Soċjali jerġa’ jiltaqa’ sabiex janalizza s-sitwazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-gambling outlets, u l-effetti tagħhom fuq il-komunità
“...il-gambling outlets qed ikissru aktar familji mill-Casinos, għaliex huma ħielsa minn regolamentazzjoni riġida, jiftħu għal ħin twil, u qed jinfetħu ħafna u qrib il-komunità...”
“...għalkemm l-għaqda tagħna hija waħda anonima, in-numru ta’ żgħażagħ u nisa li qed ifittxu s-servizzi tal-gambling anonymous qiegħed kull ma’ jmur jiżdied u dan ħeġġiġna sabiex insemmaw il-vuċi tagħna...”
“...min jilgħab jibda bi ftit ċenteżmi u jispiċċa jilgħab l-eluf...jitilfu kollox...dawn il-persuni jispiċċaw jiġru wara flushom u r-riskju li jaqgħu fil-vizzju malajr huwa għoli ħafna...”
“...f’dawn il-gambling outlets rajna tfal fil-pushchairs, ommijiet jilgħabu sakemm it-tfal ikunu l-iskola u minn Novembru li għadda sa Jannar iltqajt ma’ tliet familji li kellhom ibiegħu darhom...”
Quddiem dawn ir-realtajiet, il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali reġa’ ltaqa’ mas-Sur Joe Chetcuti u s-Sur John Zammit, professjonisti tal-Caritas li ilhom jaħdmu ma’ persuni u familjari vittmi tal-vizzju tal-logħob u użura; persuni oħra li huma xhieda anonimi li ġarrbu l-vizzju tal-logħob; is-Sur Michael Cassar Assistent Kummisarju tal-Pulizija; is-Sur Godwin Warr Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Kummerċ u s-Sur Nick Xuereb u s-Sur Michael Gonzi, Chairman tal-Lotteries and Gaming Authority u acting CEO rispettivament.
F’din il-laqgħa l-Membri tal-Kumitat semgħu kif il-vizzju tal-logħob qed ikollu effetti negattivi fuq il-familja u fuq min jilgħab. Ingħad li omm b’kundizzjoni ta’ compulsive gambling kienet miexja fi triq u wara li rnexxiela tevita li ma tidħolx u tilgħab f’żewġ gambling outlets, din spiċċat iltaqgħet ma’ outlet ieħor u waqgħet għat-tentazzjoni tal-vizzju. Kellha tkun it-tifla tagħha ta’ 15-il sena li ħarġitha minn dan il-outlet sabiex ma tilgħabx il-flus kollha tal-benefiċċji soċjali, b’konsegwenza li din il-familja kellha tgħaddi b’100 Ewro x-xahar kollhu. Xhud anonimu spjega kif il-faqar li qed iġġib din id-dipendenza fuq il-logħob hija moħbija minħabba l-istigma. Min-naħa l-oħra, teżisti relazzjoni qawwija bejn l-użura u d-dipendenza tal-logħob u 70% ta’ dawk il-persuni li jaqgħu vittmi tal-użura huma dipendenti fuq il-logħob.
Is-Sur Godwin Warr spjega kif id-Diviżjoni tal-Kummerċ ma ħarġet l-ebda liċenzja għal gambling outlets u teknikament il-leġislazzjoni preżenti ma tippermettix din l-attività fl-ebda liċenzja li toħroġ din id-Diviżjoni. Huwa qal li mhix ir-responsabilità tad-Diviżjoni li tagħmel spezzjonijiet f’dawn il-outlets sabiex tistabbilixxi jekk humiex konformi mal-liċenzja tad-Diviżjoni. Meta mistoqsi jekk familji li qed jesperjenzaw il-ftuħ ta’ gambling outlets fit-triq tagħhom għandhomx id-dritt ikunu jafu x’tip ta’ liċenzja dawn suppost għandhom, is-Sur Warr qal li d-Diviżjoni toħroġ lista tal-liċenzji darba fis-sena u kull min irid jista’ jsaqsi lid-Diviżjoni għal din it-tip ta’ informazzjoni. Din l-informazzjoni tingħata bla problemi għax hija pubblika.
Is-Sur Michael Cassar esprima li għalkemm il-pulizija ma tantx tidħol fuq il-kwistjoni ta’ irregolaritajiet ta’ liċenzji, huwa stqarr li legalment il-pulizija huma responsabbli li jissorveljaw il-liċenzji tal-operat tal-outlets. Huwa qal li tinħass nuqqas ta’ leġislazzjoni ċara li tiddistingwi l-magni tal-logħob tal-gambling minn dawk tal-amusement. Fil-preżent il-leġislazzjonijiet f’dan il-qasam ma jgħinux fix-xogħol tal-pulizija, tant li saħansitra l-konfiska ta’ dawn il-magni jista’ jfisser abbuż ta’ poter mill-pulizija. Filwaqt li spjega li l-kaxxi tal-gambling huma llegali, is-Sur Cassar tkellem fuq kif il-magni tal-logħob ‘amusement’ isarrfu l-flus f’punti u allura jista’ jingħad li dawn qed jintużaw għal skop ta’ gambling. L-Assistent Kummissarju qal ukoll li huma dawn l-amusement machines li l-aktar qed joħolqu problemi u fejn numru kbir minnhom jinsabu f’dawn il-gaming outlets. Però hija diffiċli għall-pulizija li tiġbor provi li jirrikonoxxu dawn l-amusement machines bħala gambling machines. Sabiex magna tkun tissejjaħ amusement, din irid ikun fiha element ta’ kapaċità u mhux ta’ gambling. Huwa rrefera għal sentenza tal-Qorti fejn ġew deskritti l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawn il-magni tal-logħob. L-interpretazzjoni tal-liġi hija essenzjali f’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex jiġu rregolarizzati madwar 13-il gambling outlets fil-pajjiż. Is-Sur Cassar qal li l-magni tal-logħob għandhom jiġu rreġistrati u liċenzjati sabiex il-pulizija jkunu jafu sa fejn għandhom jaslu.
Is-Sur Nick Xuereb u s-Sur Michael Gonzi spjegaw ir-rwol tal-Lotteries and Gaming Authority u kif il-liġi trid tipproteġi lil min jilgħab u lill-persuni taħt l-età. L-Awtorità għandha dmir ukoll li tara li ma jsirx ħasil ta’ flus. F’dan il-qafas u l-fatt li l-gambling outlets qed ifaqqsu fil-lokalitajiet, kemm il-Board u l-eżekuttiv tal-Awtorità qed jaħdmu ma’ l-istakeholders kollha sabiex dawn l-outlets ikunu prijorità. Huma urew il-preokuppazzjoni tagħhom u spjegaw kif qed titfassal regolamentazzjoni fl-immedjat u fit-tul. Is-Sur Xuereb irrefera għal stqarrija ċara tal-Ministru Tonio Fenech fejn qal li min għandu gamblingoutlet illum, ma jfissirx li dan neċessarjament ser jibqa’ miftuħ. Fi ftit xhur li ilhom imwaqqfa, kemm il-Board u l-eżekuttiv tal-Awtorità, ħejjew pjan li ser jiġi ppreżentat lill-Ministru fi żmien qasir. Filwaqt li wrew kif l-Awtorità tieħu ħsieb ir-regolamentazzjoni tal-Casinos, Bingo Halls, Maltco Lotteries u r-Remote Internet Gaming, huma stqarrew ukoll li ħadd minn dawn il-gambling outlets ma għandu liċenzja maħruġa mill-istess Awtorità. Tul il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-Lotteries and Gaming Authority stiednu lir-rappreżentanti tal-Caritas għal aktar kollaborazzjoni flimkien.
Il-Membri tal-Kumitat staqsew diversi mistoqsijiet lill-mistednin preżenti u fuq l-informazzjoni mogħtija rriżulta li kemm-il darba dawn l-outlets qed japplikaw għall-liċenzja kummerċjali mingħand id-Diviżjoni tal-Kummerċ u jagħmlu użu mill-amusement machines, dawn l-outlets għandhom jitqiesu li qed jagħmlu attivitajiet illegali. Dan għaliex kull outlet li tagħmel użu minn amusement machines, bil-liġi kif inhi fil-preżent, trid liċenzja mingħand il-Lotteries and Gaming Authority.
Il-Membri tal-Kumitat u l-mistednin preżenti komplew jiddiskutu fid-dettall u qablu li jista’ jagħti l-każ ukoll li hawn min qed japplika ma’ l-Awtorità tal-Ippjanar għal ħanut liċenzjat class 9 (entertainment) jew internet cafè mall-Awtorità tat-Turiżmu u juża dan il-permess għal skop biex ikollu gambling outlet. Tul id-diskussjoni ħareġ ċar li din il-prattika hija illegali.
Fid-dawl ta’ dan kollhu, l-Onor Edwin Vassallo, President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, bi qbil mal-Membri preżenti rrakkomanda 10 proposti sabiex ir-rappreżentanti tal-Lotteries and Gaming Authority u l-Gvern jikkunsidrawhom bis-serjetà:
- Fejn jeżistu ħwienet li mhux qegħdin konformi mal-liċenzja u li effetivament saru gambling outlets, dawn għandhom jitqiesu bħala attività illegali u jingħalqu immedjatament sakemm tiġi ċċarata s-sitwazzjoni;
- L-età ta’ min jidħol jilgħab f’dawn l-outlets u ta’ min jista’ jakkumpanjhom għandha tkun minn 25 sena ‘l fuq u għal ebda raġuni ma għandhom jitħallew tfal jidħlu f’dawn l-outlets;
- Jiġi limitat in-numru ta’ dawn l-outlets fil-komunità u stipulata d-distanza ta’ kemm dawn għandhom ikunu l-bogħod minn skejjel, knejjes u ċentri ta’ tfal u żgħażagħ. Irridu li t-tfal jitilgħu f’ambjent ħieles mid-dipendenza tal-logħob;
- Hekk kif isir fil-preżent fid-Diviżjoni tal-Kummerċ, il-Lotteries and Gaming Authority għandha tibda tippublika lista ta’ liċenzji maħruġa;
- Aktar programmi ta’ edukazzjoni u prevenzjoni, possibilment iffinanzjati mill-qligħ ta’ din l-attività kummerċjali. Bil-liġi għandu jkun mitlub - bħalma jiġri fil-każ tas-sigaretti - sabiex f’post prominenti fid-daħla tal-outlets ikun hemm il-kliem ‘il-logħob joqtlok’;
- Moniteraġġ, sorveljanza u audit regolari mill-awtoritajiet konċernati, u leġislazzjoni li tneħħi d-differenzi ta’ gambling u amusement bejn il-magni tal-logħob, flimkien mal-irreġistrar u liċenzjament ta’ dawn il-magni;
- Regolamentazzjoni fuq ir-riklami tal-logħob, partikolarment fuq it-televiżjoni fejn tfal jistgħu jaraw dawn ir-reklami;
- Limitazzjoni riġida fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-outlets ;
- Dawn ir-regolamenti flimkien ma’ oħrajn għandhom ikunu maħsuba sabiex inaqqsu l-vijabilità finanzjarja ta’ dawn l-outlets u dawn l-istess regolamenti għandhom ikunu ppublikati kemm fil-leġislazzjoni tal-Lotteries and Gaming Authority kif ukoll tad-Diviżjoni tal-Kummerċ. Dan sabiex il-liċenzji maħruġa jkollha l-istess obbligazzjonijiet bil-liġi u titnaqqas il-probabilità li individwu japplika għal liċenzja mingħand awtorità bil-ħsieb li jevita l-obbligazzjonijiet legali;
- Il-pulizija u l-Lotteries and Gaming Authority għandhom jaħdmu aktar flimkien sabiex jirresponsabilizzaw il-każini fil-komunità. Dawn il-każini jridu jagħrfu d-dmir soċjali li għandhom u jaraw li kull min jiffrekwenta l-każin ma jkunx f’riskju ta’ dawn il-vizzji.
Fil-laqgħa pparteċipaw l-Onor Michael Gonzi, l-Onor Frederick Azzopardi, u l-Onor David Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984