Left arrow Go Back

FLIMKIEN NASLU B’GĦAQAL

PR0388
Date Icon 06/03/2009
Dal-għodu l-Prim Ministru Lawrence Gonziindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ewwel sena ħidma f’din il-leġislatura, ‘Flimkien Naslu b’Għaqal’.
Fl-introduzzjoni tar-rapportil-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li “Fit-8 ta’ Marzu 2008 il-poplu tagħna għamel għażla demokratika. Ġedded il-fiduċja tiegħu u għażel Gvern biex imexxi lil dan il-pajjiż ’il quddiem.
Il-viżjoni tal-Gvern hi lisas-sena 2015 pajjiżna jkun ċentru mill-aqwa f’7 setturi: fis-servizzi tas-saħħa, fil-qasam edukattiv, fil-manifattura u fis-servizzi marbuta magħha, fit-turiżmu, fis-servizzi finanzjarji, fit-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, u Għawdex bħala gżira ekoloġika.
Pajjiżna għandu l-ħila ul-kapaċità li nimxu ’l quddiem u nagħmlu passi ambizzjużi. Flimkien naslu. U flimkien naslu b’għaqal. Naslu b’għaqal għaliex nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għall-poplu u għall-pajjiż. Ċertu deċiżjonijiet naraw ir-riżultati tagħhom fuq medda ta’ żmien u mhux fl-immedjat. Imma s-serjetà hekk titlob, li nħarsu fit-tul.
Meta l-Gvern iddiskuta mal-poplu,u miegħu welled il-Viżjoni 2015 fil-leġislatura li għaddiet, ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika. Iżda fil-bidu tas-sena li għaddiet beda jkun hemm l-ewwel indikazzjonijiet li kien ġej żmien ta’ sfidi quddiemna. F’nofs is-sena l-prezz taż-żejt laħaq livelli rekord, bdiet il-kriżi finanzjarja u pajjiżi bdew deħlin f’riċessjoni u bdiet tonqos id-domanda. Quddiem din il-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija, irridu nagħmlu kuraġġ u nieħdu deċiżjonijiet b’għaqal. U neħduhom flimkien.
Hekk kif id-dinja qiegħda tnaqqas ir-rata tat-tkabbirekonomiku tagħha, Malta se tħoss dawn l-effetti. Minkejja dan kollu, b’riżultat tar-riformi li għamilna fl-aħħar snin, l-ekonomija Maltija kkonfermat li hija b’saħħitha u kapaċi tilqa’ għal dawn l-isfidi. L-għażla li għamilna, li ndaħħlu l-ewro qed tiswa mitqlu deheb f’dawn iż-żminijiet imqallba. L-Unjoni Ewropea qed tipproġetta li aħna se nkunu fost id-9 pajjiżi biss tal-Unjoni Ewropea li se jkollhom tkabbir ekonomiku.

Mhux se nogħtru quddiem l-isfidi. Qed nippreżentalkom rapport tal-ewwel sena ħidma ta’ dan il-Gvern. Rapport li juri l-mixjiet li għamilna flimkien u r-riżultati li kellna. 

•          Tul l-aħħar 12-il xahar, il-Gvern nieda xejn anqas minn 20 proċess ta’ konsultazzjoni u dokumenti fosthom dwar il-liġi tal-kera, l-ambjent, l-iskart, il-Kunsilli Lokali, Għawdex, il-MEPA, it-trasport, il-ġustizzja u l-edukazzjoni; 

•          F’sena nħolqu 7,000 impjieg ġdid, b’żieda fl-impjiegi fis-settur privat u tnaqqis ta’ impjiegi fis-settur pubbliku, l-ETC kellha 11,856 talba għal impjieg, fl-ewwel tmien xhur tas-sena li għaddiet l-investiment dirett barrani laħaq €417 miljun; 

•           Fit-turiżmu kellna sena rekord b’1,290,856 turist u 555,840 oħra li ġew bi cruise liners, minn din is-sena qed jiżdiedu d-destinazzjonijiet li minnhom itiru linji tal-ajru lejn Malta; 

•          Għat-tielet sena naqqasna l-income tax, neħħejna t-taxxa fuq l-ivvjaġġar li kienet daħlet fl-1997, neħħejna t-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, naqqasna l-liċenzji għan-negozji, aktar ommijiet qed igawdu minn sena tax holiday sa €1,600 għaliex jidħlu lura jew jibqgħu f’impjieg; 

•          Mill-2008, it-tfal kollha qed igawdu miċ-Children’s Allowance, żdiedu l-benefiċċji soċjali għat-tfal orfni, għall-fostering, għat-tfal b’diżabilità, il-leave imħallas tal-maternità żdied b’ġimgħa; 

•          Frixna l-ICT fl-iskejjel u fl-2008 tqassmu 10,000 kompjuter lill-għalliema u lill-klassijiet, il-Gvern nieda programmi ta’ taħriġ fl-ICT, ħoloq skemi biex aktar familji jkollhom kompjuter u aċċess għall-internet, żdiedu s-servizzi on-line u beda l-bini ta’ SmartCity Malta; 

•          Fl-edukazzjoni nfetħu 3 Child Care Centres u se jiftħu 3 oħra, tlestiet l-iskola ġdida tal-Verdala u qed jinbnew 3 oħra filwaqt li 29 skola ġew irranġati fis-sajf, bdew riformi fl-edukazzjoni biex it-tfal kollha jmorru aħjar, żdiedu l-korsijiet fl-MCAST, 15,000 student qed jieħdu l-istipendju u qed jingħataw aktar scholarships; 

•          Fl-isptar Mater Dei qed isiru 100 operazzjoni kuljum, isiru 1,000 viżta fl-outpatients, 300 jiddaħħlu l-emerġenza, fiċ-Ċentri tas-Saħħa saru 466,080 vista f’sena, il-Gvern juża fl-isptarijiet u jqassam lill-pazjenti 10,000 tip ta’ prodott mediċinali, tagħmir u disposables differenti;

•          L-anzjani ngħataw żieda sħiħa fil-pensjoni daqs il-ħaddiema, żdiedet għat-tieni sena l-pensjoni tas-servizzi, qed titlesta blokka ġdida f’San Vincenz de Paul b’144 sodda ġdida, issaħħu s-servizzi fil-komunità; 

•          Żdiedu l-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart, bl-iskart separat jittripplika f’sena bi pjan li mill-iskart niġġeneraw l-enerġija, saru skemi ta’ għajnuniet finanzjarji biex aktar nies jużaw l-enerġija alternattiva fid-djar, fin-negozji, fil-fabbriki, fl-irziezet u l-għelieqi u fil-lokalitajiet tagħna permezz tal-Kunsilli Lokali, aktar drenaġġ qed jiġi trattat qabel jintefa’ fil-baħar; 

•           Bdew 78 proġett ta’ restawr, tisbiħ u ġonna; saru aktar toroq residenzjali. 

•           F’Għawdex saru aktar proġetti ta’ restawr, qed tinbena skola sekondarja ġdida, fetaħ l-ITS u saru aktar skemi biex jinħolqu impjiegi ġodda f’Għawdex. 

Dawn huma wħud mill-inizjattivi li ġew implimentati. F’kull wieħed mill-oqsma li jinsġu l-Viżjoni 2015 imxejna ’l quddiem. Din mhix viżjoni tal-Gvern biss. Hi viżjoni ta’ poplu. Fit-tieni sena ta’ din il-leġislatura rridu naħdmu aktar flimkien, inkomplu l-proċessi ta’ konsultazzjoni u nieħdu deċiżjonijiet responsabbli u b’serjetà. Flimkien naslu, b’għaqal.”  

Kopja tar-rendikont tal-ewwel sena ħidma Flimkien Naslu b’Għaqal tinsab fuq www.opm.gov.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow