STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI U D-DIPARTIMENT TAL-VAT
Inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u d-Dipartiment tal-VAT jagħrfu l-fatt li l-pubbliku qed jifhem li l-miżura tal-eko-kontribuzzjoni hija intiża sabiex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik. Malta f’dan ir-rigward qed tieħu rwol proattiv, u tinsab minn ta’ quddiem, ma’ numru ta’ pajjiżi oħra, sabiex jitnaqqas l-użu ta’ basktiiet tal-plastik madwar id-dinja. Dawn jagħmlu ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, jitfgħu kimika tossika fl-arja, jipperikolaw il-ħajja ta’ ħlejjaq oħra, ikerħu l-ambjent u jintużaw darba biss. Hu mifhum li f’Malta jiġu kkunsmati madwar 40,000,000 basket tal-plastik fis-sena. Permezz ta’ din il-miżura, il-konsumatur qed jiġi inċentivat sabiex ifittex basktijiet oħra li jibqgħu jintużaw u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
Il-Gvern jappella għal koperazzjoni ta’ kulħadd. L-eko-kontribuzzjoni hija bbażata fuq basktijiet tal-widna intiżi biex tinġarr ix-xirja, u mhux fuq boroż. Dan sar għax il-Gvern ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel eko-kontribuzzjoni fuq boroż ta’ dan it-tip li jintużaw biex jinġarr l-ikel. L-interess tal-Gvern mhux li jiġbor 15–il-ċenteżmu iżda li verament jitnaqqas l-użu tal-basktijiet. Għalhekk il-Gvern jappella sabiex kemm is-sidien tal-ħwienet, l-importaturi, il-produtturi u l-pubbliku inġenerali jiġbdu lkoll ħabel wieħed favur l-ambjent. Il-Gvern se jkompli jsegwi mill-qrib kif qed jirreaġixxi s-suq, sabiex jara jkunx hemm il-bżonn li jittieħdu miżuri oħra jekk ikunu meħtieġa. Id-dipartiment tal-VAT, bħala l-Awtorita’ Kompetenti għall-amministrazzjoni tal-Att dwar l-Eko-Kontribuzzjoni, jfakkar illi hemm sanzjonijiet għal dawk li jinqabdu jiksru l-liġi. Kull min għandu xi diffikulta dwar l-eko-kontribuzzjoni għandu jċempel lid-dipartiment tal-VAT fuq in-numru freephone 80074404, u 21499330 /1/2/3/4/6, jew jibgħat email fuq: vat@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984