tnedija tal-“White Paper dwar Ġustizzja Riparatriċi”
Punti mid-Diskors tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, waqt it-tnedija tal-White Paper dwar Ġustizzja Riparatriċi
1. Kull delitt jeħtieġ li jiġi kkastigat. Il-ħsara li kull delitt jikkaġuna jeħtieġ tissewwa. L-ordni fis-soċjetà jeħtieġ li jiġi ristabbilit. L-Istat għandu d-dmir li jfittex lil min wettaq id-delitt, jipproċessah fil-Qrati skont proċeduri ġusti u mbagħad jara li tiġi esegwita s-sentenza tal-Qorti li ġġudikatu. Wieħed irid jistaqsi jekk dan huwiex biżżejjed. Biżżejjed li l-ħati jintefa’ l-ħabs? L-Istat għandu obbligu li jara x’ġara mill-vittma tad-delitt? L-Istat għandu d-dmir li jara għaliex id-delinkwent żbalja u jgħinu jirripara l-ħsara, jirriforma ruħu u jerġa’ lura fil-komunità, bħala ċittadin li josserva l-liġijiet tal-pajjiż?
2. Fl-antik, il-Ġustizzja Kriminali kienet immirata l-iktar lejn il-kastig. Fi żminijiet primittivi, l-kastig kien jintalab mill-vittma jew minn niesu, iktar milli mill-Istat. Parti mill-avvanz taċ-ċiviltà kien l-ewwel pass li l-Komunità ma ħallietx il-vittma u lil niesu jfittxu l-ġustizzja, waħedhom. Id-delitt jagħmel ħsara lil kulħadd. Iktar ‘il quddiem, il-liġijiet bdew jagħżlu bejn il-kastig li jingħata mis-soċjetà, li għalhekk tmexxi kontra d-delinkwent, u r-riparazzjoni tal-ħsara lill-vittma, li tħalliet għall-vittma bħala azzjoni ċivili. Terġa’, wasal iż-żmien ukoll meta fil-ħsieb tal-aħjar leġislaturi, il-kastig beda jitqies mhux biss bħala tpattija u bħala mezz biex ibeżża’ lil min ikun ittantat jikkommetti d-delitt, iżda wkoll bħala mezz ta’ riforma lid-delinkwent.
3. Illum jidher ċar li mhux biżżejjed li l-Istat jikkastiga bil-ħabs jew bil-multa lil min jikkommetti delitt. L-Istat jeħtieġ jindaħal iktar biex barra milli jipprovdi:
§ Korp tal-Pulizija biex iżomm l-ordni, u meta l-ordni tinkiser, jinvestiga lil min kiser l-ordni u jġibu/ha quddiem il-Qrati;
§ Qrati li jipproċessaw lill-akkużati b’ġustizzja u bil-garanziji kollha tad-drittijiet ta’ kull persuna;
§ Ħabsijiet fejn dawk li jinstabu ħatja jservu ż-żmien tal-kundanna tagħhom,
jassigura wkoll:
§ li l-vittmi tad-delitt jirċievu kumpens mingħand id-delinkwent jew, f’ċerti każijiet meta dan ma jkunx possibbli, anki mill-Istat;
§ li d-delinkwent jiġi mgħejjun jirriforma permezz ta’ ammissjoni tal-iżball tiegħu; ħlas ta’ kumpens lill-vittma u lill-Istat; riedukazzjoni biex jerġa’ għal ċittadin li josserva l-liġi.
4. Hemm bżonn li pajjiżna jżid l-enfasi fuq ir-riparazzjoni, mingħajr ma jinsa l-element tal-kastig. Riparazzjoni lill-vittmi tad-delitti, riparazzjoni lis-soċjetà, għaliex il-ksur tal-ordni jagħmel ħsara lis-soċjetà kollha kemm hi u kkaġuna spejjeż lill-Istat, fl-infieq fil-pulizija, fl-investigazzjoni, fil-Qrati, fil-ħabs. Kull delitt, barra mill-ħsara soċjali, jikkaġuna wkoll ħsara ekonomika u finanzjarja. Ekonomika għaliex l-iżvilupp ta’ pajjiżna jiddependi minn kemm ikun wieħed żgur, fejn wieħed jista’ jinvesti u fejn it-turista jista’ jżur mingħajr inkwiet. Finanzjarja għaliex l-ispiża totali għaż-żamma tal-ordni, għall-investigazzjoni tar-reati, għall-Qrati li jipproċessaw lill-akkużati u għall-manutenzjoni tal-ħabs, hi qawwija ħafna.
5. Il-kriminalità hi fenomenu kumpless ħafna. Hemm sfida biex iżżomm id-delitti milli jsiru, hemm sfida ikbar biex tilqa’ għar-reċidiva għaliex proporzjon qawwi ta’ dawk li jagħmlu l-ewwel delitt, jirrepetuh. Il-ħabs waħdu ma jġibx lil xi kriminali f’sensihom. Il-ħabs kultant jista’ jkun ta’ xkiel għat-tiswija tal-ħsara. Il-ħabsi, speċjalment żagħżugħ, waqt li jkun il-ħabs jista’ jiġi influwenzat mill-ftaħir ta’ kriminali oħrajn, u dan imur kontra l-proċess ta’ riforma. Kull ħabsi, waqt li jkun miżmum ikkalzrat, ma jkunx f’pożizzjoni li jirripara għad-dannu.
6. Għalhekk wieħed irid jiżen il-ħtieġa tal-kastig bil-ħabs, mal-ħtieġa l-oħra li l-ħabs jirripara billi jħallas lill-vittma l-kumpens, lis-soċjetà għar-riparazzjoni, lill-Istat l-ispiża. Il-fatt li jkun il-ħabs jiskonta sentenza mhux riparazzjoni biżżejjed. Biex verament jirriforma ruħu, id-delinkwent irid juri li fehem li żbalja, billi jħallas dejnu lill-vittma, lis-soċjetà u lill-Istat. Il-politika ta’ Ġustizzja Riparatriċi tagħfas fuq dawn l-aspetti. Għalhekk il-ħati jrid jara li jinfeda biss mhux billi sempliċement jiskonta l-piena, iżda billi jħallas id-dejn tiegħu lejn il-vittmi, lejn is-soċjetà, lejn il-pajjiż u lejh innifsu. Bniedem li jikkommetti delitt jitlef ir-rispett tal-komunità, iżda wkoll tiegħu nnifsu. Delinkwent jirriforma ruħu meta jifhem, barra milli jħallas.
7. Hu importanti ħafna fil-battalja kontra l-kriminalità li kull remissjoni u maħfra, kull konċessjoni ta’ libertà, tkun immirata u marbuta mar-riparazzjoni, mar-riforma, u ma’ bidla ta’ atteġġjament. Ir-remissjoni li tingħata l-ħabs, l-għoti tal-Parole, li bi ħsiebna nintroduċu, l-istess maħfra presidenzjali, ma għandhomx ikunu konċessjonijiet mingħajr l-iskop ta’ kumpens, riparazzjoni u riforma.
8. Kemm ir-remissjoni, li sal-lum kienet biss kondizzjonata għall-imġiba tajba fil-ħabs, kemm l-għoti tal-Parole, kif ukoll il-maħfra, tkun xi tkun ir-raġuni, jeħtieġ li jkunu marbuta u kkondizzjonati bir-riparazzjoni tad-dannu kif ukoll bit-turija ta’ bidla fl-atteġġjament lejn iż-żamma tal-ordni. L-Istat irid jiżgura li d-delinkwent jirripara u jirriforma. Il-miżuri u proċeduri ġodda li qegħdin insemmu fil-White Paper huma miżuri ta’ soċjetà serja. Soċjetà li tiżgura li kulħadd iħallas ta’ għemilu u li l-ħtijiet jinħafru meta tkun saret ir-riparazzjoni sħiħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984